Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' permessi u kunsens jeħtieġu dawk li jkunu se jiftħu ħwienet: (a) tax-xorb; (b) ta' l-ikel (take-away/restaurants); (c) tal-laħam?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-liċenzja tan-negozju imsemmija, m`għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru tal-Finanzi — Ħatra ta' bordijiet u kummissjonijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħatru bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu fid-dikasteru tiegħu minn Ottubru 2002 sal-lum? Minn min huma magħmula? Jista' jgħid jekk għandhomx xi honoraria u benefiċċji oħra u jgħid x'inhuma?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk tinżammx informazzjoni dwar kemm karozzi ma tiġġeddilhomx il-liċenzja u jekk fl-affermattiv, jista' jagħti din l-informazzjoni għall-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 4723 vetturi li l-liċenzja tagħhom skadiet f'dan il-perjodu u ma ġietx imġedda mis-sid tal-vettura.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1665, jista' il-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-Awtorita' dwar it-Trasport biex jiġi eliminat l-inkonvenjent għas-sidien tal-mini buses Għawdxin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta qed tagħmel arranġamenti biex b'effett mit-3 ta' Novembru, 2003, il-karti tal-VRT li għandhom x'jaqsmu mal-vetturi tat-trasport pubbliku jiġu proċessati mill-uffiċċju tad-Direttorat tat-Trasoport Pubbliku li hemm f'Main Gate Street, Rabat, Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew avanzati flus matul din is-sena mill-Gvern lil kumpaniji parastatali u entitajiet oħra li l-Gvern għandu kontroll fuqhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tidher fit-tabella mehmuża.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu x-xogħlijiet kollha li kellhom isiru fil-mużew ta' Villa Rumana fir-Rabat? Dawn ix-xogħlijiet tlestew kollha? Jekk fin-negattiv, għaliex kien hemm id-dewmien?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li fil-Villa Rumana oriġinarjament kellu jsir biss xogħol ta’ manutenzjoni. Dan ix-xogħol inbeda fi Frar 2002. Iżda wara studju fuq l-interpretazzjoni tas-sit inħass il-bżonn li jsir ukoll xogħol ta’ rijabilitazzjoni intensiva. Dan ix-xogħol kien jinkludi tibjid, tibdil ta’ madum, u xogħol biex is-sit isir aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilita` billi jiġi stallat platform lift u jsir ukoll toilet ġdid għal dawn il-persuni.
Dan il-proġett jinkludi wkoll xogħol intensiv fuq l-aperturi kollha tal-Villa Rumana u xogħol infrastrutturali biex tinbidel is-sistema ta’ l-ilma, drenaġġ u elettriku. Il-post kellu jiġi wkoll mgħammar b’sistema ta’ intruder alarm u fire detection system u sistema ta’ ventilazzjoni ġdida biex jiġi kkonservat aħjar il-mużajk Ruman. Sadanittant qed isir studju dwar il-possibilita li titqiegħed raised flooring għall-konservazzjoni aħjar tal-możajċi billi ma jkunx hemm kuntatt dirett.
Il-proġett jinkludi wkoll restawr ta’ l-oġġetti esibiti fil-Villa Rumana. Dan ix-xogħol tlesta u sar miċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Sar ukoll interpretative plan u l-proġett issa ser jinkludi wkoll xogħol biex tittella’ wirja permezz ta’ interpretation panels skond standards approvati. Hu maħsub li jkun hemm ukoll ħanut sabiex jinbiegħu oġġetti speċjalizzati.
Meta beda x-xogħol oriġinali ta’ manutenzjoni ma kienx antiċipat li l-proġett se jiġi estiż biex jinkorpora dan ix-xogħol kollu. Dan id-‘dewmien’ kien dovut għall-fatt li kien hemm u għad hemm aktar xogħol xi jsir biex titlesta r-rijabilitazzjoni mixtieqa fuq dan is-sit.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jinżammx inventarju aġġornat tal-ħwejjeġ kollha li jinsabu fil-mużewijiet tal-gvern? Jekk fl-affermattiv, dawn ingħataw lil Heritage Malta issa li din ilha li bdiet tiffunzjona mill-1 ta' Jannar 2003?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li kull mużew tal-Gvern għandu l-inventarju tiegħu. S’issa dawn l-inventarji kienu qed jinżammu biss mill-kuraturi ta’ kull mużew individwali. Bħalissa qed jiġi imħejji programm ta’ aġġornament u verifika ta’ l-inventarji kollha eżistenti, u fl-istess ħin is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tlesti preparamenti biex jitwaqqaf inventarju nazzjonali kif titloob il-liġi dwar il-Patrimonju Kulturali.
Eżerċizzju ta’ aġġornament u verifika ta’ l-inventarji beda bi proġett speċifiku dwar ix-xogħolijiet ta’ l-arti li jeżistu f’dipartimenti, uffiċċini tal-Gvern, kif ukoll fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti. Hu maħsub li dan ix-xoghol ta’ aġġornament u verifika għandu jistlesta sa’ l-aħħar ta’ din is-sena. Wara dan il-proġett pilota, ser isiru oħrajn simili iffokati fuq kollezzjonijiet nazzjonali oħra.
Dwar l-inventarju nazzjonali, is-Sovrintendenza dalwaqt tipubblika tender għax-xiri ta’ sistemi elettroniċi u ta’ informatika, ta’ inventarji skond standards internazzjonali. Dan l-inventarju ser jiġbor fih struttura waħda, diversi inventarji ta’ oġġetti jew xogħolijet ta’ l-arti li jinsabu f’ mużewijiet, kif ukoll inventarji ta’ arkivji, dokumenti, fotografija u media oħra li jinsabu f’ kollezzjonijiet nazzjonali.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-attivitajiet sportivi li qegħdin jiġu organizzati fil-kumpless sportiv tal-Kottonera? Kemm miż-żgħażagħ li jattendu ġejjin mill-Kottonera?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li filwaqt li mhuwiex l-għan ewlieni tal-Bord tat-tmexxija tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera li jorganizza attivitajiet sportivi, huwa jħajjar għaqdiet lokali u internazzjonali li jorganizzaw fih il-kompetizzjonijiet u l-attivitajiet tagħhom.
Minbarra l-kompetizzjonijiet tal-volleyball fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Zagħar ta' l-Ewropa, ġew miżmuma b'suċċess tournament internazzjonali tal-weightlifting u l-FISTF Table Football World Cup. Jeżistu diġa kuntatti oħra għal tournaments internazzjonali fix-xhur li ġejjin.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball qiegħda tagħmel użu mill-Kumpless bl-organizzazzjoni ta' l-attivitajiet regolari tagħha bi tħejjija għall-kampjonati nazzjonali ta' l-istaġun li ġej. Numru ta' għaqdiet oħra diġa' bdew iżommu l-laqgħat amministrattivi tagħhom fil-Kumpless. Ingħata aċċess wkoll għal attivitajiet kulturali u edukattivi. Huwa maħsub li l-iskejjel governattivi tal-viċinanzi ikollhom ukoll aċċess estensiv għall-Kumpless. Mit-18 ta' Ottubru kull nhar ta' Sibt filgħodu il-kumpless ser jibda jkun faċilita' ewlenija fejn isiru l-attivitajiet ta' Skolasport.
Il-Bord tat-tmexxija iltaqa' ma 23 entita' li wrew ix-xewqa li jagħmlu użu mill-Kumpless. Bħalissa qegħdin isiru l-aħħar tħejjijiet biex fi żmien qasir il-parti l-kbira ta' dawn l-għaqdiet ikollhom is-sede tagħhom bil-faċilitajiet li jkollhom bżonn fl-istess Kumpless. Hija l-politika tal-Bord li għaqdiet mill-inħawi tal-Kottonera jingħataw priorita' għall-użu tal-Kumpless, meta dan ikun mitlub u prattiku.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-kumpless ta' l-isport f'Bormla? Kemm fadlilhom x'jitħallsu l-kuntratturi? Dan il-ħlas se jsir sa l-aħħar tas-sena 2003?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant illi l-konsulenza, d-disinji u bills of quantities saru mill-Building and Engineering Department tal-Works Division u huwa mifhum li n-nefqa tal-kumpless qed jiġi evalwat minn dan id-Dipartiment.
Sa l-aħħar ta' Settembru 2003, l-invoices li ġew ippreżentati u li kienu gew ippreżentati u li kienu għad iridu jitħallsu jammontaw għal Lm398,098.88.
Rigward il-ħlas, saret talba lill-Ministeru tal-Finanzi biex jiġu pprovduti fondi kemm jista' jkun malajr biex il-ħlas ikun jista' jitwettaq.
Diviżjoni tax-xogħlijiet — Impjegati li għandhom mobile phone
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan id-diviżjonijiet tax-xogħlijiet kif ukoll fil-ministeru li għandhom mobile phone imħallas mill-gvern? F'liema grad huma dawn l-impjegati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru hemm sitt impjegati li għandhom mobile phone imħallsa mill-Gvern. Dawn jinkludu lis-Segretarju Permanenti, żewg Diretturi u tlett membri tas-Segretarjat Privat.
Fit-Taqsima tax-Xogħlijiet hemm tmien impjegati li għandhom il-mobile phone imħallas mill-Gvern. Dawn jinkludu ħames diretturi, ic-Chairman tal-BICC, il-Kap tal-Oil Pollution Response Module u l-Operations Manager fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi.
Direttur ieħor kif ukoll il-Koordinatur tal-Proġetti ta' Rijabilitazzjoni jagħmlu użu mill-mobile phone personali tagħhom u d-dipartiment iħallas is-sejħiet.
Hemm ukoll 43 bejn inġiniera u periti li jirċievu Lm10 kull tlett xhur bħala kumpens għal sejħiet li jagħmlu fuq xogħol ta' l-uffiċċju mil-mobile personali tagħhom u dan skond il-ftehim li jeżisti mal-unions ta' dawn l-impjegati.
Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Applikazzjonijiet għal promotions
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-applikazzjonijiet kollha għal promotions li ħarġu qabel l-elezzjoni sal-lum lanqas biss għadhom bdew jiġu proċessati? Jista' jgħid jekk din hijiex policy ta' dan il-ministeru jew tal-gvern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għal promozzjonijiet ġie mwaqqaf temporanjament. Il-proċess tal-promotions għadu għaddej.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1659 fejn intqal li t-telf proġettat fil-business plan għaż-żewġ Tarznari għas-sena 2002 kien ta' Lm19.5 miljun meta t-telf attwali kien ta' Lm26.2 miljun, jikkonferma l-Ministru illi fl-outline restructuring plan li ngħata lill-membri tas-task force tat-Tarznari nhar il-11.11.01 it-telf proġettat għaż-żewġ Tarznari għas-sena 2002 kien ta' Lm16.745 miljun - devjazzjoni ta' aktar minn 15% tal-figura fil-business plan u 36% differenza mir-riżultat attwalment miksub? Jekk dan huwa minnu, f'liema stadju tas-sena finanzjarja l-management tat-Tarzna intebaħ li kien se jkun hemm din id-devjazzjoni kollha? X'inhuma l-miżuri konkreti l-oħra apparti mill-early retirement schemes li ttieħdu s'issa bħala parti mir-ristrutturar tat-Tarznari u x'hemm ipproġettat għall-ġejjieni qarib? Il-projections għas-sena finanzjarja 2002 li ntbagħatu l-Unjoni Ewropea x'ammont ta' telf kienu qed jipprevedu?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-previzjonijiet finanzjarji li hemm fil-Business Plan huma differenti minn dawk li hemm fl-Outline Restructuring Plan minħabba li meta kien ippreparat dan l-aħħar dokument ċerti spejjez kienu għadhom ma ġewx diterminati. Il-Business Plan hu dokument aktar reċenti u l-previzjonijiet finanzjarji tiegħu qed jintuzaw biex jitqabblu mar-rizultati attwali.
Ir-riżultati attwali taż-żewġ tarżni huma sostanzjalment differenti minn dawk previsti fil-Business Plan minħabba tliet raġunijiet prinċipali:
a. Il-Business Plan kien qed jassumi li kellu jsir ristrutturar finanżjarju taż-żewġ tarżni li kien jinkludi l-maħfra tad-dejn tat-tarżni mal-Gvern. Il-Malta Shipbuilding waħedha qed tħallas interessi ta' 'l fuq minn LM 5 miljunu kull sena għal djun akkumulati matul dawn l-aħħar 20 sena. Billi r-ristrutturar finanżjarju għadu ma sarx (għax għad ma hemmx qbil fuq il-pakkett kollu ta' riformi bejn il-partijiet involuti) il-Malta Shipbuilding fl-2002 iddebitat il-Profit and Loss tagħha b'aktar minn LM 5 minjuni. Dan jispjega aktar minn LM 5 miljunu tad-differenza bejn ir-riżultati attwali u dawk ibbaġitjati għall-2002, u fil-fatt mingħajr dan il-fattur id-differenza bejn ir-riżultati attwali u awditjati u dawk previsti fil-Business Plan kienet tkun ta' LM 0.5 miljuni.
b. Il-Business Plan kien qed jassumi wkoll li fis-sena 2002 kellhom jidhlu riformi fondamentali fil-prattiċi tax-xogħol fit-tarzni. Dawn ir-riformi jagħmlu parti mill-Ftehim Kollettiv il-ġdid li s'issa għadu ma ġiex iffirmat għax ma' hemmx qbil fuqu. Kif wissewna experti barranin li rraputaw fuq il-qagħda tat-tarzna xi snin ilu, qabel jidhlu dawn ir-riformi fil-prattiċi tax-xogħol ir-rizultati tat-tarzna ma jistgħux jitjiebu.
c. It-tarzni qed jikkompetu f'suq kompettitiv ħafna u anki jekk norganizzaw ruhna tajjeb irridu nikkompetu għal xogħol ma' tarzni oħrajn li daqsna huma għatxana għax-xogħol. Is-suq tat-tiswija u l-konverzjoni tal-vapuri fl-2002 kien aktar diffiċli minn dak tal-2001. Fl-2002 it-tarzni tagħna ma rebhux kuntratti kbar li jagħmlu differenza kbira fir-riżultati tat-tarżni.
Għal raġunijiet imsemmija aktar 'l fuq ma kien hemm l-ebda sorpriza għall-management f'dawn ir-riżultati. Is-sitwazzjoni qed tkun issorveljata kontinwament iżda ħadd ma jistenna li r-riżultati jitjiebu jekk id-deċizjonijiet ta' riformi li hemm bżonn jittieħdu fil-fatt ma jittieħdux u ma jkunux implimentati. Sa issa ma hemmx qbil bejn l-istake holders involuti fit-tarzna biex dawn ir-riformi jsiru. Jekk jibqa' ma jkunx hemm qbil fi' żmien qasir ħafna, jista' jkun li jkun tard wisq biex il-qagħda tat-tarżna titjieb.
Il-Management tat-tarżna qed jimxi fuq dak li rrakomandaw l-esperti ta' Appledore fir-Rapport tagħhom tal-1997, b'mod partikulari dik is-sezzjoni tar-rapportat intitolata Annex B: Best Practice Ship Repair Yard. Dan ir-rapport jelenka ir-riformi meħtieġa fil-prattiċi tax-xogħol li għandha bżonn it-tarżna biex tkun tista' tikkompeti fis-suq tat-tiswija tal-vapuri. Permezz ta' dawn ir-riformi tkun tista' titjieb il-produttivita tat-tarżna, tonqos id-dipendenza fuq l-overtime, u tidħol flessibilita ġenwina li tagħmel lit-tarżni tagħna kompettitivi. Dan hu biss il-bidu għax fl-aħħar mill-aħħar irridu nikkompetu f'suq diffiċli ħafna fejn għal kull għadma hemm mitt kelb.
L-UE ingħata kopja tal-Business Plan u għalhekk taf li il-previżjonijiet għat-telf tat-tarżni għall 2002 huma ta' LM 19.5 miljun.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' l-advisor tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-CV tiegħu kif ukoll jagħti dettalji dwar xogħlu fil-ministeru ?
Response (BORG, JOE)
Il-persuna li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament għandha l-inkarigu li:
(a) Tagħti pariri lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dwar il-formulazzjoni ta' sistema ta' distribuzzjoni t'informazzjoni permezz ta' l-ambaxxati Maltin.
(b) Tagħti pariri lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dwar il-formulazzjoni ta' information security policy u sabiex timplementa programmi ta' sigurta' fejn ix-xogħol tad-diplomazija Maltija u l-promozzjoni ta' l-interessi ta' Malta fid-dinja jistgħu isiru f'ambjent ta' sigurta'.
(c) Tiżviluppa, tispezzjona u tagħti pariri dwar faċilitajiet u proċeduri u kontrolli biex titħares informazzjoni klassifikata (flimkien ma l-infurzar ta' dawn il-proċeduri) kif tapplika għal Malta madwar id-dinja.
(d) Twaqqaf proċeduri ta' spezzjonar u żżomm għaddej taħriġ għall-impjegati li għandhom x'jaqsmu ma' informazzjoni konfidenzjali.
(e) Tagħti pariri u timplimenta l-provvedimenti tal-Common Consular Manual fil-kuntest ta' Operazzjonijiet marbuta mal-Kontrolli fil-Fruntieri.
(f) Tirrappreżenta d-Direttorat għall-Affarijiet Konsolari, Protokallari u ta' l-Informazzjoni fejn hemm imdaħħla protezzjoni ta' data.
(g) Tagħti u tiżviluppa sistema ta' mmaniġġjar ta' records fid-Direttorat għall-Affarijiet Konsolari, Protokollari u ta' l-Informazzjoni fejn jirrigwarda l-missjonijiet diplomatiċi akkreditati għal Malta u l-privileġġi konnessi ma dawn.
Ma nħossx li għandi nagħti dettalji personali tal-persuna konċernata b'mod partikolari in vista tal-fatt li l-isem ta' din il-persuna ġie mgħoddi lili separatament mill-Onorevoli Interpellant. Lest, pero, li ngħaddi kopja tas-CV tal-persuna konċernata lill-Onorevoli Interpellant personalment
Il-persuna li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaliha qed tagħmel xogħol siewi skond it-termini elenkati aktar' il fuq.
Jista' il-Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk huwiex minnu li saret rappreżentanza minn ambaxxatur barrani residenti f'Malta u li anke ġie ppreżentat dokument dwar l-operat/attitudni ta' wieħed mid-diplomatiċi Maltin residenti f'Tuneż? Jekk il-Ministru jikkonferma dan, jista' jgħid x'passi ttieħdu u x'kien il-każ?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat illi, xi xhur ilu, kien sar ilment verbali minn wieħed mill-Ambaxxaturi barranin residenti f'Malta dwar inċident li kien seħħ barra minn Malta fejn diplomatiku Malti kien qal xi diskors li kien urta lil uffiċċjal għoli tal-pajjiż konċernat, waqt li dawn it-tnejn kienu qed isuqu l-karozzi rispettivi tagħhom fit-toroq tal-belt kapitali. Intenni illi l-ilment li sar kien wieħed verbali u l-awtoritajiet tal-pajjiż konċernat dejjem qalulna illi ma xtaqux illi jagħmlu rapport formali. Għaldaqstant, qatt ma ġie ppreżentat xi dokument miktub lill-awtoritajiet Maltin dwar l-inċident, kif semma l-Onorevoli Interpellant.
Id-diplomatiku involut f'dan l-inċident ġie nfurmat li kien tressaq ilment b'mod informali mill-awtoritajiet tal-pajjiż fejn qiegħed iservi u huwa kien imwissi sabiex jassigura ruħu illi bħala diplomatiku Malti jżomm id-dekor ta kariga tiegħu f'kull ħin, u jiddeporta ruħu sew ma' kull min jagħmilha miegħu.
B'riferenza għall-posting order nru. 3/2003, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti diplomatiċi ngħataw extension tal-posting tagħhom li tvarja bejn sentejn u tliet snin? Ma jaħsibx li b'dawn l-extensions qed iwassal messaġġ ħażin lid-diplomatiċi fis-sens li jekk inti għandek il-parrinu tista' tingħata extension u tibqa' fil-post għal kemm trid?
Response (BORG, JOE)
Niskanta kif l-Onorevoli Interpellant qed iqiegħed il-postings ta' uffiċċjali fil-Korp Diplomatiku Malti u l-estensjonijiet li jkun jeħtieġ li jsiru, minn żmien għal żmien, għal uħud minn dawn il-postings f'kuntest ta' patroċinju minn fuq. Naċċerta lill-Onorevoli Membru illi l-estensjonijiet dejjem jingħataw wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi prevalenti fil-pajjiż li jkun, u xi drabi, jittieħdu in konsiderazzjoni anki ċ-ċirkostanzi ta' l-individwu nnifsu. Inħossni sorpriż meta nara illi, fil-Posting Order Numru 3/2003 iċċitata mill-Onorevoli Membru, huma biss tnejn l-uffiċċjali illi ingħataw estensjoni ta' bejn sentejn u tliet snin kif semma huwa, u nassigurah illi dawn iż-żewġ każijiet ġew ikkunsidrati skond il-kriterji li għadni kif indikajt.
Il-Ministeru taħt it-tmexxija tiegħi dejjem kien u jibqa' konxju billi jgħarbel b'sens ta' dover u umaniżmu kull każ li jitressaq quddiemu. Tant hu hekk illi saħansitra, f'mill-anqas każ wieħed f'dawn l-aħħar snin, ntlaqgħet it-talba li għamel uffiċċjal fil-Klassi Diplomatika sabiex il-posting tiegħu jintemm qabel l-iskadenza tiegħu.
Fl-aħħarnett, niċħad l-argument li qed iressaq l-Onorevoli Interpellant illi estensjoni ta' posting barra b'xi mod tiddemotiva lid-diplomatiċi Maltin. Fl-istess Posting Order li hu qed jirreferi għaliha hemm għaxar postings ta' uffiċċjali minn Malta biex imorru jservu barra: uħud minn dawn ilhom biss ftit aktar minn sentejn li daħlu fil-Klassi Diplomatika.
Maltempati kbar — Għajnuna finanzjarja lil min ġarrab ħsarat
Question
Fid-dawl tal-fatt li huwa fatt magħruf li l-prinċipji ewlenin tal-Bank Ewropew għall-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewroa, li tiegħu Malta ilha membru għal dawn l-aħħar 30 sena, huma li jgħinu lill-vittmi ta' diżastri naturali f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, billi jirreaġixxi b'urġenza u jagħti għajnuna finanzjarja, u fid-dawl li l-Gvern, fi stqarrijiet uffiċjali, jirrikonoxxi li matul il-maltempati kbar u xita qalila (li saħansitra ġew imsejjħa mill-mezzi tax-xandir bħala diżastru naturali) kien hemm aktar minn 1,000 talba għall-għajnuna minn diversi persuni li daħlilhom l-ilma fi djarhom u kien hemm 'il fuq minn 60 persuna li ġew salvati mill-għargħar, il-maltempati affettwaw kemm lil Malta kif ukoll lil Għawdex u ntlaqtu kull settur tal-ħajja, kif ukoll l-infrastruttura tal-pajjiż, u sabiex is-sitwazzjoni ġiet taħt kontroll kien hemm bżonn ta' ħidma kontinwa ta' volontieri, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li mexxa ħidma ta' salvataġġ bl-għajnuna tal-pulizija, il-Forzi Armati, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u s-Soċjeta' Maltija tas-Salib l-Aħmar, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk saritx jew jekk hemmx il-ħsieb li ssir talba formali lil dan il-Bank Ewropew sabiex tingħata għajnuna finanzjarja lill-Gvern Malti u b'hekk ikun jista' jikkompensa lill-vittmi Maltin u Għawdxin tal-ħsarat kawżati mill-maltempati kbar li laqtu l-gżejjer Maltin f'nofs Settembru 2003?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed isiru kuntatti biex il-Gvern jara jekk għajnuna bħal dik imsemmija minnu hijiex possibbli.
Jikkonferma l-Ministru li waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex yachts, specjalment superyachts, partikolarment fiż-żmien tax-xitwa, jiġu berthed f’Malta hija sabiex jixtru d-diesel u dan peress illi s’issa dan kien bla dazju/VAT?
Peress illi Malta, wara l-1 ta’ Mejju 2004, se tissieħeb fl-UE, il-gvern Malti ħa xi inizjattiva biex jitlob deroga fis-sens li ma jitħallasx dazju/VAT in konnessjoni max-xiri tad-diesel kif semmejt, għallinqas jekk ikun ċertifikat li l-yacht in kwistjoni se jivvjaġġa lil hinn mill-UE?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jikkonferma l-Ministru li l-fatt li s’issa ma jitħallasx VAT fuq yachts li jkollhom bandiera ta’ pajjiż mhux membru ta’ l-UE attira ħafna proprjetarji ta’ yachts sabiex jirreġistraw id-dgħajjes tagħhom f’Malta u li naturalment dawn il-vantaġġi se jintilfu wara Mejju 2004? Fid-dawl ta’ dan, jikkonsidra l-Ministru li għallinqas għandu jintroduċi pakkett ta’ inizjattivi ulterjuri sabiex ma jintilifx dan is-suq, bħal per eżempju, sistema ta’ valutazzjoni tal-yachts flessibbli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s'issa m'hemm xejn x'juri li hemm tnaqqis fir-reġistrazzjoni ta' pleasure yachts taħt il-bandiera maltija. L-istatistika li hemm fl-aħħar rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Awtorita` Marittima ta' Malta għas-sena Ottubru 2001 - Settembru 2002 li jien poġġejt fuq il-mejda ta' din il-Kamra, turi li kemm in-numru kif ukoll it-tunnellaġġ gross ta' pleasure yachts t'dawn l-aħħar tlett snin żdied. Iċ-ċifri, proviżorji għas-sena finanzjarja li tagħlaq fl-aħħar ta' Settembru 2003, li jiġu wkoll inklużi fir-rapport annwali ta' l-Awtorita' li npoġġi fuq il-mejda ta' din il-Kamra aktar tard din is-sena, wkoll juru żieda minkejja li qegħdin ftit xhur biss (seba' xhur biss) 'il bogħod minn sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - rigward benefiċċji soċjali dovuti lilha u cioe' children's allowance, qegħdin jesiġu minnha, ripetutament l-istess dokumenti bil-konsegwenza li sal-lum għadha ma rċevietx dawn il-benefiċċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Korporazzjoni Enemalta — Każ dwar ċitazzjoni nru. 853/98/FDP
Question
Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-korporazzjoni Enemalta ma tridx tottempora ruħha mis-sentenza tad-9 ta' Frar, 2001 fl-ismijiet (ara l-informazzjoni li qed tintbagħat separatament) Ċitazzjoni Nru. 853/98/FDP stante illi din il-pendenza ma ġietx regolata xort'oħra? Jista' jara li d-drittijiet tal-persuna ndikata - id-dettalji ta' l-istess persuna qed jintbagħtu separatament - ma jibqgħux jiġu kalpestati?
Response (GATT, AUSTIN)
Wara li l-Korporazzjoni tilfet il-kawża fil-Qorti dwar il-bini ta' din is-substation ippruvat tasal bi ftehim amikevoli mal-persuna konċernata. Iżda dan permezz ta' l-avukat tiegħu ma aċċettax l-offerti li għamlitlu l-Korporazzjoni u baqa jinsisti għall-Lm70,000 li kien qed jitlob għal dan il-plot. Billi l-Korporazzjoni ħasset li dan kien prezz esaġerat għal plot ta' substation, hija bdiet tfittex sit alternattiv biex tirreloka din is-substation. Fil-fatt diġa bdew proċeduri fuq sit ieħor fil-viċinanzi, li hu teknikament aċċettabbli u diġa nħareġ il-permess mill-MEPA fuq dan is-sit. Wieħed għandu japprezza li l-Enemalta ma tistax toħroġ minn din is-substation u tħalli l-akkwati kollha mitmugħa minnha, inkluża r-residenza tal-persuna konċernata, mingħajr elettriku sakemm ma jkollha substation oħra fil-viċinanzi.