Jista' il-Ministru jitfa' dawl fuq il-pożizzjoni legali ta' dawk l-immigranti illegali li qed jinżammu fid-diversi ċentri madwar Malta, bħal Ta' Kandja? Jista' ukoll jitfa' dawl fuq is-sitwazzjoni u kundizzjoni attwali ta' dawn il-persuni? Kemm minnhom qed jinżammu f'Ta' Kandja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fost l-immigranti illegali li fil-preżent qed jinżammu fid-diversi ċentri, hemm min qiegħed jistenna l-eżitu ta` l-applikazzjoni għall-refugee status. Filwaqt li hemm numru ieħor li qiegħed jistenna l-eżitu tal-kawża Kostituzzjonali. Imbagħad hemm uħud li qed jistennew id-dokumenti meħtieġa sabiex jiġu ripatrijati. Ninsab infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 65 immigrant illegali miżmuma f`Ta` Kandja.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1647, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport Retention of the status quo regarding the exportation of Maltese stone?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rapport Retention of the status quo regarding the exportation of Maltese stone jinsab fis-sit tal-Malta EU Information Centre (www.mic.org.mt/Malta-EU/Studies/Studies_mes.htm).
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex jikkonsidra mill-ġdid li jagħti ċans lil dawk li għalqu s-60 sena jew 61 sena u li ma ħalqux ħalsu l-kontribuzzjoni tas-Siġurta' Soċjali kollha minn qabel għalqu di l-eta', biex iħallsu d-differenza ta' sawn il-kontribuzzjonijiet dovuti lill-Gvern u b'hekk ikunu intitolati għall-pensjoni xierqa tal-perjodu tal-ħidma tagħhom u tax-xogħol li huma għamlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema tas-Sigurta’ Soċjali, bħal kull skema oħra ta’ assigurazzjoni, ma tikkontemplax li kontribuzzjonijiet mhux imħallsa fi żmienhom, jiġifieri qabel ma tinqala l-kontinġenza li wieħed jassigura ruħu għaliha, jiġu kkunsidrati biex jitħallas benefiċċju daqs li kieku l-kontribuzzjonijiet tħallsu meta jkunu dovuti.
L-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jispeċifika b’mod ċar li l-kundizzjonijiet kontributorji biex persuna tiġi ntitolata għall-pensjoni kontributorja għal min jirtira jridu jiġu sodisfatti fid-data ta’ l-irtirar.
Kemm għandha enforcement officers l-Awtorita' tas-Saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol? Kemm-il spezzjoni saret fuq il-postijiet tax-xogħol mill-1998 s'issa sena b'sena u kkategoriżżata skond it-tip ta' post tax-xogħol? Kemm fil-fatt saru spezzjonijiet fuq lanijiet tal-kostruzzjoni? Kemm-il spezzjoni saret fuq makkinarju eċċ, bħal per eżempju fuq tower cranes?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol għanda 14-il persuna maħtura bħala Uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol li jagħmlu spezzjonijiet f’postijiet tax-xogħol.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba mis-sena 2002 meta l-provedimenti kollha tal-liġi relevanti, minbarra dawk li jirrigwardaw il-Bord ta’ l-Awtorita’, daħlu fis-seħħ.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm mietu persuni vittmi ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol rispettivi tagħhom, mill-1995 sal-lum, sena b'sena u skond il-post tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Kemm hemm persuni li qed jgħixu bl-għajnuna soċjali? Kemm hemm familji jiddependu minn dan u kemm għandhom tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm 7,555 persuna li qed tirċievi xi forma ta’ Għajnuna Soċjali. Peress li n-numru ta’ persuni u tfal fil-familja mhux wieħed mill-kriterji biex titħallas din l-Għajnuna, ma tinżammx statistika mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Pre Accession Economic Programme li ġiet sottomesa mill-Gvern Malti lill-Kummisjoni Ewropea f'Awwissu li għadda?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rapport dwar il-Pre Accession Economic Programme (PEP) ntbgħat lill-Kummissjoni Ewropeja ftit ta’ żmien ilu u ser jiġi evalwat f'livell tekniku fil-ġranet li ġejjin. Dan id-dokument, flimkien ma dak tal-pajjiżi kandidati l-oħra huwa mistenni li jiġi diskuss ukoll fl-ECOFIN Council f’Novembru li ġej. Wara dan kollu, l-Kummissjoni tippublika dawn id-dokumenti.
Kemm persuni użaw il-lazer facility li hemm fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex is-sena li għaddiet u din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fl-Isptar Generali t’Ghawdex saru 31 trattament bil-lazer matul is-sena 2002 u 20 intervent minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huma l-arretrati mill-ġbir ta' multi li kull kunsill lokali għandu jiġbor minn meta ngħata d-delega sat-30 ta' Ġunju 2002 kif ukoll minn meta ngħata d-delega sa l-aħħar jum ta' Settembru 2003?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1872 f`din l-istess Seduta.
Tiġdid ta' liċenzji tal-vetturi — Ħlas ta' multi pendenti
Question
Billi jirriżulta li persuna tintalab sabiex tħallas il-multi pendenti meta tiġi biex iġġedded il-liċenzja ta' vettura u dan ir-rekwiżit ma jeżistix fil-każ ta' trasferiment ta' vettura, cioe' illi sid il-vettura jħallas il-multi pendenti qabel ma jittrasferixxi l-vettura, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din l-anomalija tiġi ndirizzata u għalhekk l-istess provvedimenti jibdew japplikaw fil-każ ta' tiġdid ta' liċenzji?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond ir-regolamenti tat-Traffiku, kapitlu 65, paragrafu 56, il-liċenzja tal-vettura ma tistax tiġi mġedda jekk hemm xi multa jew ammenda li ma tjunx għadha ġiet imħallsa.
Għaldaqstant , id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet ma jġedditx il-liċenzji ta' dawk nil-vetturi li fuqhom hemm multa pendenti.
Ħal Qormi — Skola ta' San Ġorġ - cameras tas-sigurta'
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwaħħlu xi cameras tas-sigurta' ma' l-iskola ta' San Ġorġ Ħal Qormi sabiex jipprovdu aktar sigurta' fil-viċinanzi ta' din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-entratura ta' l-iskola diġa' hemm cameras tas-sigurta' stallati.
Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada — Direct orders
Question
Jista' il-Ministru jgħid lil min ingħataw id-direct orders li ħarġu mill-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada għall-perjodu Jannar sa Diċembru 2002 u Jannar sa April 2003? Jista' jelenka waħda waħda d-direct orders li nħarġu f'dan iż-żmien, liema kienu l-kumpanniji statali, parastatali u privati li ġew mogħtija dawn id-direct orders u kemm kienu l-ammonti ta' kull direct order?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-dettalji mitluba b'riferenza għad-Direct Orders mogħtija mill-FTS qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif jista' jinnota l-Onor. Membru il-biċċa l-kbira ta' dawn id-Direct Orders ingħataw lil kumpaniji tal-Gvern bl-approvazzjoni tal-Finanzi. Infatti għas-sena 2002 ammont ta' Lm 906,920 ingħataw lill-Kalaxlokk, Kooperattiva Aluminium, Kooperattiva Mastrudaxxi u Malta Shipbuilding filwaqt li Lm 278,147.69 ingħataw Direct Orders lis-settur privat. Fir-rigward tas-sena 2003 kif mitlub fil-mistoqsija wieħed isib li lis-settur privat ingħataw b'Lm 123,739.09 Direct Orders, filwaqt li lill-kumpaniji tal-Gvern ingħataw b'kemm jiswew Lm 308,694.12 f'Direct Orders taħt l-arranġamenti imsemmija.
Bis-saħħa tar-regolamenti finanzjarji l-FTS kellha id-delega li tawtorizza xogħolijiet u ħlasijiet sa Lm 2500 kull ordni. Numru ta' Direct Orders li jaqbżu dan il-limitu ġew approvati mill-Finanzi.
Informat ukoll li l-ħlasijiet f'numru ta' Direct Orders għadhom qed jiġu kontestati mill-FTS innifisha filwaqt li oħrajn għadhom ma ġewx approvati mill-Finanzi.
Ġejt assigurat li l-ebda ħlas ma sar mill-FTS jekk ix-xogħol, il-kwantita' u l-kwalita' ma ġewx ċertifikati mill-Quantity Surveyor li iddikjara ukoll il-ħlas bħala ġust u raġjonevoli kif jitolbu ir-regolamenti.
Jista' il-Ministru jispjega kif ġara li numru mhux ħażin ta' riżultati tar-Reliġjon inħarġu ħażin u wara ilmenti ġew mibdula? Kemm kien hemm riżultati li ħarġu ħżiena minħabba xi żball tal-computer? Minbarra r-Reliġjon kien hemm suġġetti li fihom inbidlu r-riżultati? Liema kienu dawn is-suġġetti u kemm kienu l-każi?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jispeċifika għall-liema eżami tar-Reliġjon qed jirreferi.
Eżamijiet SEC/MATSEC — Reviżjoni tal-karti ta' l-eżamijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet biex isiru reviżjoni tal-karti ta' l-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC, kemm Intermedjarju kif ukoll Avvanzat, separatament fl-eżamijiet li saru f'Mejju/Ġunju? F'liema suġġetti? Kemm inbidlu riżultati?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.