Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbugia — Problema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara li tiġi nvestigata u rimedjata l-problema ta' drenaġġ quddiem ir-residenza ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-ħsara msemmija qiegħdha fil-'private connection' tad-dar li tmiss ma' dik tal-persuna msemmija. Għalhekk m'hix fil-kompetenza tal-Korporazzjoni Għas-Servizzi ta' Ilma li ssolvi dil-problema. Dan diġa kien spjegat lil din il-persuna minn uffiċċjali tal-Korporazzjoni.

Birkirkara — Naxxar Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta jsiru t-tiswijiet neċessarji f'Naxxar road bejn l-HSBC f'Birkirkara u ċ-ċimiterju ta' Ħal Lija, jista' il-Ministru jgħid jekk flok ir-roundabout li hemm f'tarf Vjal it-Trasfigurazzjoni jiġu nstallati traffic lights kif kien ippjanat xi snin ilu u b'hekk ikun hemm ċirkolazzjoni aħjar u aktar kontrollat? Jista' jgħid ukoll jekk hux se ssir xi ħaġa biex b'xi mod jinġabar ħafna mill-ilma li jinżel f'din it-triq minn bnadi oħra biex b'hekk tittaffa il-problema ta' l-għargħar f'din it-triq kull darba li tagħmel ix-xita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport qeda kontinwament tissorvelja l-lokalitajiet bħal dik indikata mill-Onorevoli Interpellant. Biex ikun jista' jsir it-titjib meħtieġ, ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet tax-xogħol li jkunu qed jirrużultaw.

Ħal Balzan — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li fihom se jsir: a) kisi ta' tarmak għall-ewwel darba; u b) manutenzjoni mill-gvern ċentrali f'Ħal Balzan sa l-aħħar ta' din is-sena u fis-sena finanzjarja li jmiss?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed il-ħin kollu f'kuntatt mal-Kunsill Lokali biex jiġi mplimentat programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' msemmija isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Ħal Lija — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f'Ħal Lija li fihom: a) se jsir kisi ta' tarmak għall-ewwel darba; u b) manutenzjoni mill-gvern ċentrali sa l-aħħar ta' din is-sena u li huwa ppjanat fis-sena finanzjarja li jmiss?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq qiegħed f'kuntatt mal-Kunsilli Lokali biex jiġi mplimentat programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita` msemmija jsir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Birkirkara — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f'Birkirkara li sa l-aħħar ta' din is-sena u fis-sena finanzjarja li ġejja se jingħataw tarmak għall-ewwel darba u dawk li se ssir manutenzjoni tagħhom mill-gvern ċentrali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita`dwar it-Trasport għada kif ippublikati sejħiet għall-offerti għal bini u asfaltar ta' parti minn Triq Wejter, parti minn Triq G.A. Vassallo u parti minn Triq Notabile u li xogħol u li xogħol fihom hu maħsub li jitlesta din is-sena. Fir-rigward ta' xogħlijiet oħra fil-lokalita` imsemmija mill-Onorevoli Interpellant id-Direttorat qiegħed iħejji programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha għat-2004 u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn dan il-programm.

Tribunal lokali — Multi mhux imħallsa

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1611 dwar multi mhux imħallsa lit-tribunali lokali?

Response (BORG, TONIO)

Għar-rigward ta` l-ewwel parti tal-mistoqsija, nissuġġerixxi l-Onor. Membru sabiex jirreferi din il-mistoqsija direttament lill-Kunsilli Lokali. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi l-ammonti ta` multi pendenti tat-Tribunal Lokali mill-1 ta` Jannar 2000 sat-30 ta` Ġunju 2003 huma dawn: Valletta - Lm 64,218 Msida - Lm122,745 Sliema - Lm197,089 Birkirkara - Lm143,846 Żejtun - Lm107,870 Żurrieq - Lm119,768 Qormi - Lm 63,772 Mosta - Lm211,515 Fgura - Lm105,829 Gozo - Lm 30,338

San Pawl il-Baħar — Appartamenti ta' l-awtorita' tad-djar - xogħol ta' dawl u ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet ta' dawl, drenaġġ u ilma fl-appartamenti ta' l-Awtorita' tad-Djar f'San Pawl il-Baħar? Jaf li l-istess kompraturi intrabtu bil-kuntratt li jidħlu jgħixu fl-appartament f'mhux aktar minn sitt xhur minn meta jsir il-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Siġġiewi — Triq Ramija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titwessa' Triq Ramija, fis-Siġġiewi billi jitwaqqa' post nru. 67 fl-istess triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt l-Awtorita' dwar it-Trasport tara x'inhu meħtieġ fit-triq imsemmija.

Rabat — Raba Nemel - Bozza

Question

Jista' il-Ministru jara li titwaħħal bozza pubblika fis-sit Raba Nemel, l/o Rabat kif muri fis-site plan li qed tintbagħat separatament, peress li f'dawn l-irziezet joqogħdu diversi anzjani u mal-lejl ikun hemm ħafna dlam bil-konsegwenza li lanqas jissugraw joħorġu mid-djar tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ir-responsabilita' tat-twaħħil ta' lampi ġodda issa għaddiet f'idejn il-Kunsilli Lokali.

Gabbana mikrija mid-Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif gabbana li kienet mikrija mid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex minnha jinbiegħu l-minerali u xi ikel ħafif, biddlet l-attivita' kummerċjali tagħha u saret tinnegozja fir-real estate mingħajr il-permessi tad-Dipartiment ta' l-Artijiet? Billi saru diversi rapporti, anke bil-miktub, lill-Enforcement Section ta' dan l-istess dipartiment, fuq din il-gabbana li qiegħda fil-playing field fir-Rabat Għawdex u s'issa għadhom ma ttieħdu l-ebda passi, jista' jgħid meta d-Dipartiment ta' l-Artijiet se jagħmel xogħlu u jieħu l-passi neċessarji skond il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li saru rapporti verbali jew bil-miktub lill-Enforcement Section tad-Dipartiment tal-Artijiet rigward il-bidla ta` l-attivita` kummerċjali li saret fil-gabbana li hemm mikrija fil-playing field tar-Rabat, Għawdex. Id-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu u se jieħu l-passi neċessarji li hemm bżonn, skond il-liġi.

Rabat, Għawdex — Real estate agencies

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex minkejja d-diversi rapporti li saru ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar din ma ħarġitx enforcement notices liż-żewġ aġenziji tar-real estate, Xik services u Gozo charms fir-Rabat Għawdex? Jaf li dawn iż-żewġ aġenziji qed joperaw mingħajr permess u lanqas biss ma kellhom applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qabel dawn bdew l-attivita' tan-negozju tagħhom? Billi lanqas il-bini eżistenti minn fejn qed joperaw dawn iż-żewġ aġenziji tar-real estate m'huma konformi mar-regolamenti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, meta se jittieħdu l-passi neċessarji skond il-liġijiet tal-pajjiż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-rapporti li saru rigward l-aġenziji tar-Real Estate, Xik Services u Gozo Charms fir-Rabat, Għawdex ġew investigati minn uffiċċjali ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Irid jingħad li kien hemm bżonn ċertu żmien sakemm instabu l-permessi oriġinali taż-żewġ siti. Mir-riċerki li saru nstab li fiż-żewġ każi kien hemm żvilupp li ma kienx kopert bil-permessi meħtieġa. Għaldaqstant inbdew proċeduri t’’ infurzar li jkopru l-irregolaritajiet kollha. Avviż ECF572/03 inħareġ fil-konfront ta’ Gozo Charms u Avviż ECF573/03 inħareġ fil-konfront ta’ Xik Services.
Leg 10 PQ #1880 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Hearing aids

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 308 dwar pazjenti li jdumu x-xhur jistennew il-hearing aids, jista' il-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba? X'inhi r-raġuni li hemm min ilu 'il fuq minn tmien xhur jistenna l-hearing aids? Kemm hemm minn dawn il-pazjenti u kemm ilhom jistennew?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li, tlett "requisitions" għal tipi differenti ta' Hearing aids għall-kbar saru mill-Audiology Unit ta' L-isptar San Luqa f'dawn id-dati: 26 ta' April 2002, 26 ta' April 2002 u 4 ta' Mejju 2002. Infurmat ukoll li l-ewwel konsenja ta' hearing aids mistennija tasal għand l-aġenti bejn ġimgħatejn u tliet ġimgħat oħra. Sal-lum hemm 130 każ ġdid jistennew il-hearing aid. Hekk kif jaslu il-hearing aids fl-Audiology Unit, il-pazjenti jiġu notifikati mill-aktar fis biex jingħatawlhom dawn l-instrumenti.
Leg 10 PQ #1881 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: ANTONIO FENECH To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birkirkara — Skola Sir Anthony Mamo - toilets

Question

Filwaqt illi nifraħ lill-Ministru għax-xogħol ta' manutenzjoni u immodernizzar li qed isir fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex biex dawn ikunu jixirqu lil uliedna, jista' jagħti indikazzjoni ta' meta id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jew il-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada għandhom il-ħsieb jagħmlu r-refurbishment tant meħtieġ fit-toilets ta' l-iskola Sir Anthony Mamo (Primarja B) f'Birkirkara, liema toilets il-ġenituri ilhom jilmentaw dwar l-istat ħażin u perikoluż tagħhom is-snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li offerti pubbliċi għal dan ix-xogħol qed jitħejjew u ser jinħarġu fi żmien qasir.
Leg 10 PQ #1882 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: ANTONIO FENECH To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birkirkara — Skola Sir Anthony Mamo - lift

Question

Jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni ta' jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jew il-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada hux qed jikkonsidraw li fi żmien qasir jiġi nstallat lift komuni fl-iskejjel primarji ta' Anthony Valletta u dik ta' Sir Anthony mamo f'Birkirkara, liema lifts huma meħtieġa minn tfal li għandhom bżonnijiet speċjali u li preżentement jattendu ż-żewġ skejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ħejjiet l-accessibility audits neċessarji u qablet li jiġu stallati żewġ lifts fl-iskejjel Anthony Valletta u Sir Anthony Mamo f'Birkirkara. Informat ukoll li l-offerti pubbliċi għall-istallazzjoni ta' dawn il-lifts inħarġu u l-kuntratti ngħataw. Informat ukoll li offerta pubblika għall-bini tal-lift shafts rispettivi inħarġet, ġiet aġġudikata mill-Fondazzjoni u ntbagħtet lid-Dipartiment tal-Kuntratti għad-deċiżjoni finali.

Web Phones

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1682 u cioe' jista' il-Ministru jikkonferma li hemm web phone installat f'kull villaġġ kif ippjanat?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li hemm wed phone installat f'kull vilaġġ kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex b'eċċezzjoni ta' Ħaz Zabbar u l-Mdina li se jiġu nstallati iktar tard.

Microsoft Source Code Deal

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1681 u cioe' jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi wara r-rispons negattiv dwar il-Microsoft source code deal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li d-diskussjonijiet mal-Microsoft fuq din l-inizzjattiva għadhom għaddejin.

Registration & Authentication — Sistema (R&A)

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamenatri numru 1680 u ċioe' jikkonferma jekk is-sistema (R&A) tar-Registration and Authentication li kellha tiddaħħal fix-xahar ta' Settembru iddaħlitx kif ippjanat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-iżvilupp tekniku tas-sistema tar-Registration and Authentication huwa komplut. Il-Gvern kien ħa deċiżjoni li biex isaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-użu ta' dan il-mekkanizmu, ma jkunx hu li jħaddem dan il-mekaniżmu, iżda jgħaddih lil entita privata. Għalhekk saret sejha pubblika għal dan ix-xogħol mid-dipartiment tal-kuntratti lejn nofs is-sena l-oħra. Madankollu kien il-ġimgħa li għaddiet li ntgħazel il-kuntrattur ma min għandhom jibdew in-negozjati.

Income Tax Related Services — IT On Line Services

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsia parlamentari numru 1679 u cioe' jgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' l-IT għas-servizzi on line ta' l-income tax related services, VAT services u social security service? X'medda ta' żmien hemm ikkontemplata għall-introduzzjoni tas-servizzi li għadhom ma daħlux?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-iżvilupp ta' dawn is-servizzi huwa komplut. Fadal biss l-integrazzjoni tagħhom mas-sistema tar-Registration and Authentication fejn, sfortunatament, ilna xhur imwaħħlin fil-Kumitat tal-Kuntratti.
Leg 10 PQ #1887 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Trasport — Skejjel Sekondarji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1741, peress li bħalissa t-trasport għall-iskejjel sekondarji wara l-iskola mhux qed jopera u allura qed jikkawża ħafna nkonvenjenti kemm għall-istudenti li ħafna minnhom jimxuha sad-dar, kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, tista' il-Ministru tara li tinstab soluzzjoni jew alternattiva sabiex jiġu eliminati dawn l-inkonvenjenti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L­Onorevoli Nterpellant għandha tkun taf li ntlaħaq ftehim bejn il­Ministeru għal Għawdex u l­Assoċjazzjoni tas­Sidien tal­Karozzi tal­Linja f'Għawdex u b'hekk ġew eliminati l­inkonvenjenti li għalihom hi għamlet referenza.

Gozo Channel — Time table

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1740, peress li fir-risposta li ngħatat ma kien hemm ebda referenza għall-Għawdxin u l-bżonnijiet tagħhom, permess li s-servizz tal-Gozo Channel huwa primarjament servizz soċjali għall-Għawdxin, jista' jgħid il-Ministru jekk sarux xi konsultazzjonijiet qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni dwar it-tnaqqis ta' trips? U peress li ġiet mitluba r-raġuni li għaliha nħarġet time table li mbgħad ġiet irtirata, liema raġuni baqgħet ma ngħatatx jista' il-Ministru jgħid jekk l-analażi tal-figuri mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra saritx qabel ma nħarġet l-ewwel time table jew wara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.