Legislature:
Category:
Reset
Active:

UE — Sehem ta' Malta f'diversi programmi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-programmi kollha ta' l-Unjoni Ewropea li bħalissa pajjiżna qed jieħu sehem fihom? Kemm qed toħroġ fondi l-Unjoni Ewropea għal kull programm u kemm qed toħroġ Malta? Fiex jikkonsistu dawn il-programmi differenti?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Skart domestiku u industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn qed jintrema l-iskart domestiku u industrijali bħalissa? X'passi qed jittieħdu biex ma jieħux in-nar meta jintefa' l-Magħtab?

Response (ZAMMIT, NINU)

Bħalissa f'Malta hawn żewġ siti fejn jista` jintrema skart domestiku. Dawn huma l-miżbla tal-Magħtab u l-impjant ta' Sant Antnin. F'Għawdex l-iskart domestiku jintrema fis-sit tal-Qortin. Skart mill-industrija li ma jiġix klassifikat bħala perikoluż jista` jintrema l-Magħtab u l-Qortin. Qed isiru arranġamenti speċjali sabiex skart perikoluż mill-industrija ma jintremiex f'dawn is-siti. Biex l-iskart kemm domestiku kif ukoll industrijali ma jieħux in-nar meta jintrema il-Magħtab u l-Qortin, dan jiġi mirdum minnufih b'materjal inert li hemm maħżun fuq dawn is-siti.

Skart tal-bini

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn qed jintrema l-iskart tal-bini bħalissa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Bħalissa l-materjal tal-kostruzzjoni qiegħed jintrema fil-barrieri li m'għadhomx jintużaw. Dawn il-barrieri qed jiġu pprovduti mill-Consortium li ngħata t-tender għall-istess għan ta' radam b'materjal tal-kostruzzjoni.

Tas-Sliema — Stabiliment ta' l-ikel li jaħżen iċ-ċilindri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtorita' għall-Ħarsien tas-Saħħa u s-Sigurta' dwar l-ilmenti ta' residenti li jgħixu f'Xatt Qui-si-Sana fl-appartamenti fuq ir-ristorant Mamma Mia li jaħżen ċilindri tal-gass taħthom u diġa' kellu mill-inqas okkażjoni waħda fejn ħa n-nar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li uffiċjali ta’ l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol spezzjonaw il-post indikat mill-Onor. Interpellant fil-bidu ta’ Settembru 2003 u ħarġu struzzjonijiet li jindirizzaw il-problema. Ninsab infurmat ukoll li l-implimentazzjoni tal-miżuri ordnati jeħtieġu ż-zmien sabiex jiġu fis-seħħ.

Mosta — Santa Margerita/Triq il-Pont - Ħruġ ta' Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jirranġaw il-ħsarat li hemm f'Santa Margerita u fi Triq il-Pont, fil-Mosta fejn għal ġranet sħaħ qed ikun hemm fit-toroq ewlenin ta' hemm out flow tad-drenaġġ u kull xorta oħra li huwa bla ebda riserva ta' detriment għas-saħħa tar-residenti ta' l-inħawi u wkoll għal kull min jgħaddi minn hemm?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-"outflow" tad-drenaġġ waqaf, waqt li t-tindif għadu għaddej u se jibqa' jisr sakemm jittella' l-ġebel kollu.

Ħaddiema — Income - Paga Minima

Question

Kemm hawn ħaddiema f'Malta jgħixu bil-paga minima? Kemm minnhom huma familji? Kemm hemm tfal jiddependu minn dan il-income?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Edukazzjoni — Fondi - Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol

Question

Kemm intefqu fondi fuq edukazzjoni u tkabbir ta' kuxjenza favur is-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol kull sena mill-1995 sal-lum mill-entitajiet relevanti fi ħdan il-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol ma żżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fejn jirrigwarda entitajiet jew Dipartimenti oħra Governattivi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fejn jirrigwarda l-Awtorita’ mis-sena 2002 meta l-provedimenti kollha tal-liġi relevanti, minbarra dawk li jirrigwardaw il-Bord ta’ l-Awtorita’, daħlu fis-seħħ. Ta min jgħid li l-maġġor parti tal-fondi minfuqa fis-sena 2002 ġew mill-Unjoni Ewropea.

Postijiet tax-xogħol — Inċidenti

Question

Peress li l-istatistika uffiċjali turi li l-aktar postijiet tax-xogħol milquta minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol huma fl-industrija tal-manifattura, dik tal-kostruzzjoni u fit-tarznari, x'inizjattivi partikulari qed tieħu l-Awtorita' tas-Saħħa u s-Sigurta' biex tindirizza din il-problema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fiż-żmien relattivament qasir li ilha mwaqqfa l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol ħadmet biex tqajjem aktar għarfien dwar il-ħtieġa ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurta’ fuq ix-xogħol, biex teduka u twassal kull informazzjoni dwar is-suġġett lil dawk li għandhom xi rwol f’dan il-kamp, biex tippromwovi t-taħriġ u biex tara li jkun hawn qafas legali effettiv li jirregolamenta s-suġġett. L-Awtorita’ ħadet diversi inizjattivi biex tippubblika u twassal gwidi li jindirizzaw aspetti speċifiċi fosthom dwar l-armar għall-bini, l-użu ta’ l-asbestos, xogħol fi spazji ristretti, xogħol ta’ skavar, użu ta’ krejnijiet, użu ta’ fork lifters u l-użu ta’ sustanzi perikolużi. Għal dak li jirrigwarda speċifikament is-settur tal-kostruzzjoni, l-Awtorita’ qed tniedi sensiela ta’ korsijiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema f’dan is-settur b ‘kollaborazzjoni mal-Building Industry Consultative Council. Flimkien ma’ l-istess Kunsill, l-Awtorita’ bdiet inizjattiva msejjħa Safety Bus, fejn uffiċjali ta’ l-Awtorita’ jduru siti ta’ kostruzzjoni, jittieħdu videos ta’ prattiċi ħżiena ta’ xogħol biex wara jintwerew lill-ħaddiema u jiġi spjegat lilhom kif seta’ sar ix-xogħol mingħajr periklu. L-Awtorita’ organiżżat ukoll erba’ seminars li kienu jkopru dawn is-suġġetti: · evalwazzjoni tar-riskju; · l-użu ta’ makkinarju u nġenji fuq ix-xogħol; · is-saħħa u s-sigurta’ fis-settur tal-kostruzzjoni; u · s-saħħa u s-sigurta’ waqt manifatturar ta’ logħob tan-nar. L-Awtorita’ pproduċiet wkoll awareness spots li xxandru fuq il-meżżi tax-xandir. Barra minn dan, kull sena, l-Awtorita’ qed torganiżża Ġimgħa Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol li tkun tittratta dwar suġġett speċifiku. Din is-sena, is-suġġett ser ikun dwar sustanzi perikolużi u s-sena d-dieħla ser ikun dwar is-settur tal-kostruzzjoni. Biex tibni l-kapaċita’ u taqdi d-doveri tagħha, inkluż l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni u r-regolamenti dwar is-suġġett, l-Awtorita’ ipparteċipat fi twinning project flimkien ma’ l-Awtoritajiet dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol Ingliżi u Irlandiżi. Dan il-proġett, li sewa 700,000 Euro, ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-istess ħin l-Awtorita’ kompliet tinvesti fit-taħriġ ta’ l-impjegati tagħha li wħud minnhom ħadu taħriġ anki barra minn Malta.

Postijiet tax-xogħol — Persuni Mejta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna li mietet fuq il-post tax-xogħol kienet impjegata fid-Dipartiment tad-Drenaġġ skond is-snin, u dan fil-perjodu li jeżistu r-records? X'kien il-kumpens li ngħata lill-familja rispettiva ta' dawn il-vittimi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mir-records li għandha l-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol dwar inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol, liema records imorru lura sas-sena 1994, kien hemm tliet inċidenti fatali ta’ mpjegati mad-Dipartiment indikat mill-Onor. Interpellanti li ġraw kollha fl-2000. Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-aħħar parti tal-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Kumpless Sportiv f'Bormla

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija numru 1804, jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-valur totali tal-ħlasijiet li saru fuq ix-xogħol tal-Kumpless Sportiv f'Bormla? Jista' il-Ministru jagħti breakdown skond it-tip ta' xogħol li sar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Toroq — Tabelli

Question

B'referenza għar-risposta ta'mistoqsija numru 1799, jista' il-Ministru jgħid kemm huma stmati li jqumu l-111 it-tabella li jridu jitwaħħlu? Jista' il-Ministru jgħid sa meta hu ppjanat li jitwaħħlu dawn it-tabelli? Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-ispiża għall-irranġar tal-37 tabella li ġarbu ħsara?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-tabelli li baqa x'jitwaħħlu hu stmat li ser jiswew Lm137,000. Din is-somma tinkludi l-pedamenti, strutturi, tabelli u xogħol ieħor neċessarju biex dawn jiġu mwaħħla. Fil-preżemt madwar 70 signboards waslu biex jitwaħħlu u jibqa' 41 li jkunu jistgħu jitqiegħdu wara li l-gantries tagħhom jinħadmu fi Franza. Peress li dan jimplika element ta' 'shipment' mhux possibli għalissa li tingħata d-data ta' meta dawn it-tabelli kollha jitwaħħlu. It-tibdil ta' tabelli li ġarrbu l-ħsara se jinxtraw bir-rati tal-kuntratt skond il-ftehim li kien hemm fil-kuntratt oriġinali. It-tabelli li tkissru jiswew madwar Lm12,000 biex jerġgħu jiġu ordnati.

Dipartiment tad-drenaġġ — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tad-dipartiment tad-drenaġġ li ġew integrati fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma humiex se jibqgħu l-istess? Il-ħaddiema se jingħataw l-għażla jekk iridux jibqgħu mal-KSI jew imorru lura fis-servizz pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-haddiema tad-dipartiment tad-drenaġġ li ġew detailed mall-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma huma rregolati skond artikoli 38 u 39 ta' l-Att dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Għalissa m'hemmx pjanijiet biex il-KSI tapplika Artikolu 40 ta' l-Att dwar il-KSI li jirregola offerta ta' mpjieg permanenti mal-Korporazzjoni lil uffiċjali pubbliċi allokati fuq dmirijiet mal-Korporazzjoni.

Changeover għall-Euro

Question

Xi strutturi jeżistu dwar iċ-changeover għall-Euro? Il-Ministeru tal-Informazzjoni tat-Teknoloġija huwa involut f'xi mod?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm jeżisti kuntatt bejn il-Bank Ċentrali u l-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi fuq il-passi li huma neċessarji għall-adozzjoni ta’ l-euro bħala munita ta’ Malta, s’issa m’hemm ebda data stabbilita għal dan. Għalhekk fil-preżent għadhom ma ġew stabbiliti l-ebda strutturi formali għat-tħejjija ta`-‘changeover’ għall-euro. Nista’ ninforma lill-Onorevoli Membru li l-Bank Ċentrali, permezz ta’ l-istrutturi interni tiegħu diġa’ beda jħares lejn il-ħtigijiet li bidla bħal din iġġib magħha.

ECB Working Groups

Question

B'kollox kemm hemm ECB working groups mwaqqfa li fihom hemm sehem Malti? Liema huma?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm 26 working groups imwaqqfa mill-ECB li fihom jieħdu sehem rapreżentanti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Taħt : l-Accounting and Monetary Income Committee: l-Accounting Issues and Financial Reporting Working Group u l-Working Group on Allocation of Monetary Income; il-Banknote Committee: il-Counterfeit Working Group, l-Issue Working Group u s-Security Working Group; il-Banking Supervisory Committee: il-Working Group on Macro Prudential Analysis u l-Working Group on Banking Developments; l-External Communications Committee: il-Working Group on External Communications; l-Information Technology Committee: l-Information Systems Security Working Group, l-Information Technology Network and Communications Working Group, l-Information Technology Applications Working Group u in-N13 Working Group; il-Legal Committee: il-Financial Law Experts Working Group; il-Market Operations Committee: il-Monitoring Working Group u il-Working Group on Monetary and Exchange Rate Policy Instruments and Procedures; il-Monetary Policy Committee: il-Working Groups on Forecasting, l-Econometric Modelling u l-Public Finance; il-Payment and Settlement Systems Committee: il-Payment Systems Policy Working Group, is-Securities Settlements Working Group u it-TARGET Management Working Group; l-iStatistics Committee: hemm 5 Working Groups li huma: tal-Balance of Payments and External Reserves Statistics, tal-General Economic and Government Financial Statistics, tal-Money and Banking Statistics, tal-Monetary Union Financial Accounts u tal-iStatistical Information Systems.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Refurbishment - Sala Sant Anna

Question

Peress li ilni mill bidu tal-leġislatura nistenna risposta, jista' il-Ministru jgħid jekk fir-refurbishment tas-sala Sant Anna fl-iptar ġenerali ta' Għawdex ingħatawx direct orders, kemm intefqu flus u min għamlu x-xogħol u l-ammont ta' kull kuntratt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #1921 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitators

Question

Jista' il-Ministru jara li ċerta studenta li isimha qed jintbagħat separatament li tattendi l-iskola Patri Mattew Sultana fix-Xagħra Għawdex li għandha eta' ta' sitt snin tingħata s-servizz ta' facilitator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li it-tifla imsemmija ġiet assessjata mill-Istatementing Moderating Panel (5 ta' Settembru 2003) li rrakkomanda li tingħata Shared Help fl-istess klassi flimkien ma' Complementary Education. Skond il-Kap ta' l-iskola, it-tifla diġa' kienet qed tingħata l-għajnuna. Uffiċjalment ingħatat l-għajnuna mill-bidu tas-sena skolastika.
Leg 10 PQ #1922 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — Vapuri

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel żviluppaw ħsarat fis-sistema tal-kanen tagħhom minħabba t-tip ta' materjal li ntuża? Jekk fl-affermattiv, kemm ġie jiswa x-xogħol ta' irranġar tas-sistemi konċernati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill­Onorevoli Nterpellant jagħmel il­mistoqsija lill­Ministru konċernat.

Ħruġ ta' stocks tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-gvern Malti ppospona ħruġ ta' stocks tal-gvern li kienu skedati għax-xahar ta' Ottubru minkejja l-programm bid-dati ndikattivi li kien inħareġ aktar kmieni din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant stess, il-kalendarju tal-ħruġ ta' Stocks mill-Gvern huwa wieħed indikattiv. Dan ifisser li l-ħruġ ta' l-istocks jista' jvarja skond il-ħtiġijiet tal-Gvern u ċ-ċirkostanzi tas-suq.
Leg 10 PQ #1928 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Rikostruzzjoni ta' l-Iraq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ditti, kumpanniji kummerċjali, azjandi, aġenziji tal-gvern u/jew istituzzjonijiet pubbliċi li wrew lill-gvern Malti li xtaqu b'xi mod jipparteċipaw f'xi pjani ta' rikostruzzjoni ta' l-Iraq?

Response (BORG, JOE)

Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr informa lill-Ministeru tiegħi illi kien ressaq proposta lill-UNESCO sabiex ikun involut fil-pjanijiet ta' rikostruzzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tar-restawr tal-wirt kulturali, ta' l-Iraq. Sa dan it-tant, tagħrif miksub mill-Ambaxxata Maltija fi Spanja dwar Konferenza Internazjonali li se tittratta l-irwol tas-Settur Privat fir-rikostruzzjoni ta' l-Iraq, li se ssir f'Madrid fit-23 ta' dan ix-xahar, intbagħat għall-attenzjoni tal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp u tal-METCO.