Jista' l -Viċi Prim Ministru jivverifika jekk il-kunsill lokali ta' Pembroke huwiex jagħti l-uffiċini tiegħu, kif jidhru minn fuq website, għall-kiri ta' skola ta' l-Ingliż? Din l-iskola għandha permess biex topera? Kemm qed idaħħal flus il-kunsill? Saru xi tenders? Dan huwa skond il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamel id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma jirriżultax illi l-Kunsill Lokali Pembroke qed jikri l-uffiċini tiegħu għal skola ta' l-Ingliż. Pero' jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni partikolari, jgħaddihieli.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema kariga ġie ngaġġat l-ex Kap tas-Segretarjat fl-istess Ministeru? Jista' jgħid xi proċedura ntużat biex ingħata l-kariga li għandu? Kemm hu s-salarju u x'allowances u benefiċċji oħra għandu? Kemm hemm persuni oħra fl-istess dipartiment taħt ir-responsabbilta' tiegħu u x'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minnhom? X'inhuma s-salarju, l-allowances u benefiċċji oħra li għandhom? Xi proċedura ntużat biex ingħataw l-impjiegi li għandhom?
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien infurmat u ta l-approvazzjoni tiegħu għat-twaqqif ta' dan id-dipartiment u għall-ingaġġ tal-persuni konċernati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma l-Onorevli Nterpellant li it-twaqqif ta’ unit li jieħu ħsieb l-immaniġġjar ta’ Proġetti Kapitali kien ilu jinħass minn meta ġie mwaqqaf il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq fl-2004. Għal dan il-għan kienu saru diversi diskussjonijiet matul iz-żmien biex jinstab l-aħjar forma kif dan jista’ jsir. F’dan ir-rigward kien hemm ukoll studju u rapport li kien ġie ikkommissjonat lill-MEU.
Kien hemm qbil biex tiġi mwaqqfa “Projects Development and Co-ordination Unit” fi ħdan il-Ministeru, liema Unit kienet taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tas-Segretarju Permanenti. Il-proceduri biex titwaqqaf din il-Unit u s-salarji abbinati ma’ l-ufficjali ta’ l-istess Unit għandhom l-approvazzjoni ta’ l-Ufficcju tal-Prim Ministru u tal-Ministeru tal-Finanzi.
Kemm l-ex Kap tas-Segretarjat fil-Ministeru tiegħi, kif ukoll kull uffiċjal li bħal issa jifforma parti minn din il-Unit kienu diġa jaħdmu fis-Segretarjat tiegħi jew f’xi Dipartiment ieħor jew entita’ li taqa’ taħt ir-responsabbilita’ ta’ dan l-istess Ministeru. Dawn l-uffiċjali kienu jaħdmu esklussivament fuq proġetti kapitali u x-xogħol tagħhom kien konness ma’ l-istess responsabbilitajiet li għaliha ġiet iffurmata il-Projects Development and Co-ordination Unit. Għalhekk kien xieraq li dawn l-istess uficcjali jkomplu fuq dan l-istess xogħol u jiġu assenjati ma’ u assorbiti f’din il-Unit. L-istess MEU, fir-rapport tagħha, kienet tat parir f’dan ir-rigward in vista tal-kapacitajiet maniġerjali u teknici tagħhom kif ukoll l-esperjenza li akkwistaw matul iż-żmien li ħadmu fuq dawn il-proġetti.
L-ex Kap tas-Segretarjat li irrefera għalih l-Onor Interpellant għandu kuntratt għal sena ma’ din il-Unit, u qiegħed jokkupa il-pożizzjoni ta’ Kap ta’ din il-Unit. Huwa għandu salarju ta’ Lm11,875 barra allowance ta’ Lm3,080 u s-servizz ta’ karozza, użu ta’ mobile phone u access ghall-internet. Il-post għandu marbut miegħu ukoll Performance Bonus sa massimu ta’ 10% tas-salarju.
Uffiċjal ieħor għandu il-kariga ta’ Policy Development Manager u dan għandu kuntratt għal sena ma’ din il-Unit. Huwa għandu salarju ta’ Lm9,608 barra allowance ta’ Lm720, car allowance ta’ Lm1,000, użu ta’ mobile phone sa massimu ta’ Lm350 u access għall-internet sa massimu ta’ Lm200. Il-post għandu marbut miegħu ukoll Performance Bonus sa massimu ta’ 10% tas-salarju.
Uffiċjal ieħor għandu il-kariga ta’ Project Architect and Civil Engineer u dan għandu kuntratt għal tlett snin ma’ din il-Unit, liema kuntratt beda jgħodd mill-1 ta’ December 2006. Huwa għandu salarju ta’ Lm9,554 barra allowance ta’ Lm720, car allowance ta’ Lm1,000, użu ta’ mobile phone sa massimu ta’ Lm350 u access għall-internet sa massimu ta’ Lm200. Il-post għandu marbut miegħu ukoll Performance Bonus sa massimu ta’ 10% tas-salarju.
Uffiċjal ieħor għandu il-kariga ta’ Project Manager u dan għandu kuntratt għal sena ma’ din il-Unit. Huwa għandu salarju ta’ Lm9,418 barra car allowance ta’ Lm1,000, użu ta’ mobile phone sa massimu ta’ Lm350 u access għall-internet sa massimu ta’ Lm200. Il-post għandu marbut miegħu ukoll Performance Bonus sa massimu ta’ 10% tas-salarju.
Uffiċjal ieħor għandu il-kariga ta’ Project Co-ordinator u dan għandu kuntratt għal sena ma’ din il-Unit. Huwa għandu salarju ta’ Lm8,595 barra car allowance ta’ Lm400, użu ta’ mobile phone sa massimu ta’ Lm200 u access għall-internet sa massimu ta’ Lm200. Il-post għandu marbut miegħu ukoll Performance Bonus sa massimu ta’ 10% tas-salarju.
Fi ħdan il-Unit hemm żewġ uffiċjali oħra li huma sekondati mill-ADT u mis-Servizz Pubbliku rispettivament. Il-kundizzjonijiet ta’ l-ingaġġ tagħhom ghadhom mhux konklużi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex ittra li ntbagħtet l-għassa ta' Tas-Sliema fuq bollards mwaħħlin mingħajr ebda permess fi Trejqa Gennaro Camilleri tibqa' bla risposta? Għaliex dawn il-bollards bla permess ta' kull awtorita' għadhom hemm? Min waħħal dawn il-bollards u x'passi se jittieħdu kontra din il-persuna? Jistgħu jitneħħew dawn il-bollards, ġaladarba huma ta' periklu u jżommu d-dħul ta' ambulanza jew fire engine f'din it-trejqa, li tagħti fuq żewġ toroq prinċipali u hija aċċess għal car park taħt l-art ta' lukandi fuq żewġ naħat?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li għaddejt l-ewwel parti tal-Mistoqsija lill-awtoritajiet tal-Pulizija sabiex tingħata risposta kemm jista' jkun malajr għall-ittra msemmija, nirreferi ukoll lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jiena tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 24923 u 25546.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport li jgawdu mill-benefiċċju ta' linja fissa tat-telefon fid-dar billi għas-servizz qed tħallas l-istess Awtorita'? Jista' jgħid ukoll x'kienu l-ħlasijiet li saru fir-rigward ta' kull uffiċjal f'kontijiet tat-telefon fid-dar matul l-2006 u fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma l-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni għal din il-mistoqsija hija din li ġejja:
Kariga ta’ l-ufficjal Ammont mhallas fl-2006 Ammont mhallas ghall-perjodu ta
Jannar u Gunju 2007
Konsulent – Transport Strategy Lm110.05 Lm39.55
Konsulent – Traffic Managment Lm231.80 Lm114.83
Manager – PTD Lm238.83 terminat
Direttur – LTD Lm117.54 Lm33.62 terminat
Manager – HR Lm 65.23 terminat(sal-5/04/06)
Konsulent – LTD Lm108.35 terminat(sal-1/07/06)
Direttur – PTD (issa LTD) Lm261.71 Lm147.52
Deputy CEO Lm263.83 Lm427.30
Head – TMD Lm378.31 Lm270.53
Financial Controller Lm222.93 Lm96.76
Chairman Lm100.32
CEO Lm279.76 Lm59.81
Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq il-pont ta' Regional Road? Jista' jgħid kemm-il rapport sar u ġie sottomess lilu jew lill-Awtorita' dwar it-Trasport mill-perit privat li ngħata l-kuntratt mill-istess Awtorita' biex jagħmel is-superviżjoni tax-xogħol? X'inhi r-raġuni li fil-prattika din is-superviżjoni qiegħda ssir mill-periti ta' l-istess Awtorita' u mhux minn dan il-perit privat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-Pont Manwel Dimech beda f’Ottubru tal-2006. Il-Periti li qed jagħmlu supervizjoni fuq dan ix-xogħol ħejjew diversi rapporti kemm qabel ma ħareġ it-tender f’dak li għandu x’jaqsam dizinn u struttura u meta bdiet il-kostruzzjoni ħejjew diversi rapporti oħra li għandu x’jaqsmu mas-superviżjoni tat-twettieq tax-xogħol. L-Awtorita tat-Trasport tassigura li din is-supervizjoni tkun qed issir billi għandha personnel minn taghħa izuru s-sit tal-kostruzzjoni u jaraw illi kemm il-kuntrattur u s-supervizuri qegħdin jaqdu d-doveri kontrattwali tagħhom. Is-supervizjoni li jagħmel il-Perit li ngħata l-inkarigu ta’ Supervisor fuq ix-xogħol tal-Pont Manwel Dimech, hija aktar intensa mis-supervizjoni li tagħmel l-Awtorita f’dak li għandu x’jaqsam progress, kwalita, dettalji tekniċi u affarijiet oħra hekk kif jistipula il-kuntratt li l-istess Perit għandu mal-Awtorita tat-Trasport.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26752 jista' l-Ministru jara għalfejn il-mediċina Oxaliplatine qed tkun out of stock u l-pazjenti ta' Boffa Hospital qed ikollhom jixtruha bil-prezz ta' Lm3.75 il waħda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-mediċina Oxaliplatine ġiet approvata biex tkun inkluża fil-formularju f'April 2007. L-ewwel tender għax-xiri ta' din il-mediċina kien inbeda immedjatament iżda t-tender għadu fil-proċess (jagħlaq f'nofs Awissu 2007). Sadanittant biex il-pazjenti jibbenefikaw minn din il-mediċina minnufih, saru żewġ ordnijiet sakemm it-tender jidħol fis-seħħ. Dawn l-ordnijiet huma restritti b'regolamenti ta' limitu finanzjarju. L-ewwel ordni waslet fit-18 ta' Mejju 2007 u fil-11 ta' Lulju 2007 waslet l-ordni l-oħra ta' Oxaliplatine, liema ordni diġa ntbagħtet l-isptar Sir Paul Boffa.
Peress li programm ta' ġrajjiet kurrenti maħdum mill-kuntrattur jiswa lil PBS Lm2,000 (Lm78,000 fis-sena) hemm xi ħsieb li bl-istess prezz jitqabbdu tmien ħaddiema full time mal-PBS biex dawn il-programmi jsiru inhouse?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid għal liema programm qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jara x'jista jsir sabiex St Anthony Street, H'Attard il-parti wara l-Palazz ta' San Anton titlesta għax ix-xogħol f'din it-triq ilu sejjer ix-xhur u qiegħed joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti ta' l-inħawi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fil-parti tat-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant tlestew. Ninfurmah ukoll li l-WSC kienu responsabli għal dawn ix-xogholijiet.
Jista' l-Ministru jivverifika kif inħareġ permess mill-MEPA għall-iżvilupp fi Triq San Pietru, Mġarr proprju biswit "it-tempji ta' Ħaġrat" meta dan l-iżvilupp żgur se jkollu effett mill-aktar negattiv fuq l-istess tempji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sit li fuqu saret l-applikazzjoni PA 1272/00 fil-fatt huwa diġà mibni u okkupat minn garaxx. Din l-art ilha fiż-żona għall-iżvilupp sa mill-1988 u hija barra l-archaeological buffer zone. Fil-fatt l-applikazzjoni kienet oriġinarjament għall-Demilition of existing garage and construction of a terraced house with an underlying ground floor garage. Din l-applikazzjoni ġiet approvata wara li nbidlu l-pjanti ta’ l-iżvilupp propost u tneħħiet il-basement. L-applikazzjoni, li ġiet approvata ukoll mis-sezzjoni ta’ l-Integrated Heritage Management fi ħdan id-Direttorat ta' l-Ambjent, kienet approvata b’diversi kundizzjonijiet fosthom il-kundizzjoni li jsir monitoraġġ minn arkeologu waqt li jkun qed isir ix-xogħol. Għalkemm l-applikazzjoni ġiet approvata, permess jista’ joħroġ biss wara li tiġi ppreżentata garanzija bankarja ta' Lm2,500 (elfejn u ħames mitt Lira Maltin) biex tiġi salvagwardata din il-kundizzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jivverifika x'inhi r-raġuni għala t-talba għar-rifużjoni tal-VAT ta' l-ewwel dar tagħha magħmula mill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħatu separatament, sal-lum għadha ma ġietx proċessata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub sabiex jirreferi lill-applikant għand id-Dipartiment ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jinvestiga d-diffikultajiet li qegħdin isibu dawk il-persuni li jridu japplikaw għal liċenzja internazzjonali għall-ġarr tal-merkanzija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li skond ir-regolamenti eżistenti (A.L. 146 ta’ l-2003 u A.L. 160 ta’ l-2003) biex impriża tkun tista’ tikkwalifika għal liċenza ta’ operatur fil-ġarr tal-merkanzija jew tal-passiġġieri trid tissodisfa tliet rekwiżi, jiġifieri li tkun ta’ kondotta tajba, li jkollha pożizzjoni finanzjarja xierqa u li jkollha persuna impjegata magħha li jkollha ċertifikat ta’ kompetenza professjonali. Jekk l-impriża tkun persuna naturali allura tista’ tkun dik l-istess persuna li tamministra l-operat tagħha u li tkun fil-pussess taċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali.
Biex persuna takkwista ċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali trid tattendi kors ta’ taħriġ ta’ livell professjonali għal dan l-iskop. Peress li dawn il-korsijiet, li ma tistax tipprovdihom l-Awtorità dwar it-Trasport billi hi l-awtorità regolatorja, għadhom m’humiex isiru, qed isiru diskussjonijiet biex dawn il-korsijiet ikunu jistgħu jsiru minn terzi. Jien infurmat ukoll li d-diskussjonijiet bħalissa qed isiru ma’ l-MCAST.
Tajjeb li jingħad li l-għoti ta’ liċenza internazzjonali, kemm għall-ġarr ta’ merkanzija kif ukoll għall-ġarr ta’ passiġġieri, hu marbut mal-għoti ta’ Liċenza tal-Komunità.
Permezz ta’ din il-liċenza l-operaturi stabbiliti f’Malta mhux biss ikunu jistgħu joperaw bla ebda xkiel bejn Malta u kull Stat Membru ieħor, iżda wkoll bejn kull Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea u anki, għal perjodu limitat, jagħmlu xogħol ta’ kabotaġġ fl-istess Stat Membru tal-Komunità.
Għaldaqstant kulħadd irid jifhem li mhux biss iridu jkunu segwiti r-regoli kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u l-liġijiet ta’ l-Istati Membri, iżda wkoll trid tintuża l-istess proċedura użata f’kull Stat Membru ieħor fil-ħruġ u l-użu tal-Liċenza ta’ Operatur u tal-Liċenza tal-Komunità. Ebda operatur ma jista’ jippretendi li jopera f’xi pajjiż ieħor mingħajr ma dak l-operatur ikollu l-iċken idea jew għarfien ta’ x’regoli u leġislazzjonijiet jeżistu, partikolarment dawk li jkopru s-sigurtà fit-toroq, l-użu tat-
tachographs,
u l-liġijiet dwar il-kundizzjonijiet soċjali tax-xufiera u dawk li jakkumpanjawhom, l-aktar importanti fosthom il-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ.
Jista' l-Prim Ministru jispjega kif diversi kapijiet tas-Segretarjati tal-Ministri ngħataw kariga fi Grad 4, li hi ekwivalenti għal dik ta' kap ta' dipartiment u direttur? Kif wieħed jispjega li fost dawn kien hemm min lanqas huwa fis-servizz ċivili u allura ħadu post a skapitu tan-nies taċ-ċivil? Il-Public Service Commission ħarġet sejħa għal dawn il-karigi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riżultat ta’ policy approvata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, Kapijiet tas-Segretarjati tal-Ministri/Segretarji Parlamentari li huma uffiċjali pubbliċi u li jkunu f’din il-kariga f’livell ta’ responsabbilità paragonabbli ma’ Skala ta’ Salarju 4 għall-perjodu ta’ sitt snin jinħatru fil-grad ta’ ‘Officer in Grade 4’ fuq rakkomandazzjoni ta’ l-istess Kummissjoni skond kif jesiġi l-Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni.
Niċċara li din il-policy tapplika biss għall-Kapijiet tas-Segretarjati ta’ Ministri/Segretarji Parlamentari li huma uffiċjali pubbliċi. Il-kariga ta’ Kap ta’ Segretarjat ta’ Ministru/Segretarji Parlamentari timtela skond il-linji gwidi intitolati ‘Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat’ bid-data tat-12 ta’ Mejju 2003 li tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda il-kors għad-diploma għall-kindergarten assistants u hemmx xi ħsieb li tingħatalhom warrant flok temporary warrant?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ewwelnett il-liġi dwar l-edukazzjoni ma tipprovdi la għal warrant u lanqas għal temporary warrant għal kindergarten assistants. Dwar il-kors ta' Diploma f'early childhood education and care iridu jsiru d-diskussjonijiet meħtieġa ma' l-Universita'.
Jista' l-Ministru jgħidilna xi kemm hemm psikologi tal-edukazzjoni (educational psychologist) jaħdmu mat-tfal li jmorru l-iskejjel tal-Gvern, kemm primarji u kemm sekondarji? Kemm irriżenjaw psikologi ta' l-edukazzjoni f'dawn l-aħħar sentejn mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent hemm psikologu ta' l-edukazzjoni wieħed mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni filwaqt li jinxtraw is-servizzi ta' psikoloġiċi skond il-bżonn.
Informat ukoll li fl-aħħar sentejn irrizenjaw minn din il-kariga tlett psikoloġi.
Jista' l-Ministrtu flimkien ma' l-ADT jara jekk quddiem garaxx bil-marka no parking ikun hemm mhux biss sinjali sofor, iżda wkoll il-kliem "keep clear" biex kulħadd ikun jaf bl-iktar mod ċar u għax hemm sidien ta' garaxxijiet li ma jkunux jistgħu jidħlu u joħorġu mill-garaxx tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li skond il-proviżjoni tal-liġi, garaxx li fih hemm vetturi bil-muturi jrid ikollu "garage in use" miktuba fuqu sabiex ma jsirlux ostaklu ta' aċċess liberu.
It-talba ta' l-Onor Interpellant li jkun hemm kaxxa safra quddiem garaxx mhux rakkomandabbli minħabba li, skond il-
Motor Vehicle Regulations
, kaxxa safra tindika kaxxa normali ta' parkeġġ ezatt bħal kaxxa bajda. Kaxxa li tindika "
Keep Clear"
tintuża għal skopijiet ta' sigurta' u mhux għar-raġuni ndikata f'din il-mistoqsija parlamentari.
Tista' l-Ministru tgħidilna kemm hemm psikologi (councelling and clinical)jaħdmu l-Appoġġ u Sedqa? Kemm psikologi rriżenjaw minn dawn iż-żewġ aġenziji fl-aħħar sentejn?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li bħalissa hemm 10 psikoloġi jaħdmu ma’ l-Aġenziji Sedqa u Appoġġ.
Ninsab infurmata wkoll li fl-aħħar sentejn irriżenjaw 4 psikoloġi minn dawn iż-żewġ aġenziji.
Jista' l-Ministru jgħidilna kemm hemm psikologi jaħdmu fl-Isptar San Luqa u kemm ser ikun hemm fl-Isptar Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar San Luqa jintużaw is-servizz ta' sitt (6) Psikoloġi Kliniċi (Clinical Psychologist) u żewġ (2) Counselling Psychologist fuq bażi part-time, liema uffiċjali qegħdin fuq il-payroll ta' l-Isptar Monte Karmeli.
Fl-Isptar Mater Dei, in-numru ta' Psikoloġi li jagħtu servizz sejjer jibqa l-istess.