Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'talbiet pendenti għandu l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex isiru pelican lights u sinjali oħra ta' traffiku fil-Mellieħa? Meta se jintlaqgħu dawn it-talbiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali għamel talba biex jitwaħħlu tlett pelican lights fi Triq il-Kbira, Mellieħa. L-evalwazzjoni li saret tal-lokalita` uriet li lok wieħed biss għandu bżonn dawn it-Traffic Lights u żewġ lokalitajiet l-oħra ser ikunu zebra crossings.

Toroq — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi programm hemm għat-tiswija ta' toroq wara l-ħsarat li saru mill-għargħar ta' dan l-aħħar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi xogħol ta' tiswija fit-toroq wara l-ħsarat li saru dan l-aħħar għadu għaddej u fih saru xogħlijiet tat-tiswija ta' l-emerġenza bħal: Patching u tiswija tal-wiċċ tat-toroq bini ta' ħitan tat-toroq u f'widien tindif tad- debris li ġarr l-ilma tindif tal- culverts li instadd b'dan id- debris Sar ukoll xogħol ta' tiswija fuq mains tad-drenaġġ u kanen tal-provista ta' l-ilma. Peress li dan ix-xogħol ieħor għadu għaddej, informazzjoni aktar dettaljata tiġi mgħotija aktar il-quddiem.

Toroq — Twaqqigħ ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Jistgħu jibdew jitnaddfu dawk it-toroq li waqa' fihom il-ġebel tal-ħitan tas-sejjieħ u qed jikkaġuna periklu, l-iżjed bil-lejl għal min jgħaddi fihom, bħat-telgħa bejn il-Mistra u Selmun?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi xogħol ta' tindif bħal dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed isir mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.

Bdiewa — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li ġarrbu ħsarat il-bdiewa fl-għargħar li sar dan l-aħħar? X'kumpens huwa maħsub li jingħataw? Meta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li r-rapporti ta’ ħsarat kawżati mill-għargħar ta’ Settembru għadhom deħlin fl-uffiċċji tal-Agrikoltura. Għadu ma ġiex deċi` x’ tip ta’ kumpens se jingħata u meta.

Twaqqigħ ta' ħitan tas-sejjieħ kawża tal-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan għat-tiswija tal-ħitan tas-sejjieħ li waqgħu dan l-aħħar bl-għargħar? Kif se jitwettaq dan il-pjan u fuq kemm żmien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li għadhom qegħdin jinġabru d-dettalji fuq il-ħsarat li seħħew bl-għargħar ta’ Settembru. Għaldaqstant għadu kmieni wisq biex jingħataw dettalji. Ta’ min jgħid li r-responsabilita’ tal-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjiegħ hija fuq il-bdiewa. Kwalunkwe għajnuna li tista’ tingħata mill-Gvern minħabba l-ħsarat tal-għargħar għandha tkun biss kumplimentari ma’ dawn ir-responssabilitajiet.

Website tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-website tal-Gvern ta' Malta ġiet hacked dan l-aħħar? Jekk fl-affermattiv, il-Gvern għandu ħjiel kif u minn fejn seta' sar dan kif ukoll x'intlaqat b'konsegwenza ta' dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li kien hemm inċident dan l-aħħar fejn ġiet hacked waħda mill-websites tal-Gvern ta' Malta. Dan ġara għaliex ġie kompromess wieħed mill-accounts ta' fuq is-server li fuqu miżmuma din il-website. Nippreċiża, iżda, li dan mhux is-server li jintuża mill-e Gov Web Framework. Kollox jindika li dan l-attakk seta' seħħ minn persuna li użat Internet Service Provider Marokkin. L-unika konsegwenza kienet li nbidlet il-home page tal-website tal-Ministeru għall-Ambjent u l-Affarijiet Rurali. Nixtieq ngħid ukoll li ttieħdu passi mmedjati biex is-servizz jiġi rrestawrat għal li kien u biex l-inċident ma jerġax jirrepeti ruħu.
Leg 10 PQ #1586 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Persuni jaħdmu b'mod illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu ħaddiema bararnin jaħdmu llegalment f'Malta u Għawdex separatament mill-1 ta' Jannar sat-23 ta' Settembru? Ta' liema nazzjonalita' kienu? X'kien ix-xogħol prinċipali li kienu qed jagħmlu? X'passi ħadet l-ETC kontra s-sidien li ħaddmuhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-ħaddiema barranin li nstabu jaħdmu matul din is-sena, mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kienu: Xahar Tip ta' Xogħol Jannar 3 Catering Frar 7 Kostruzzjoni 2 Retail 1 Industrija Marzu 4 Catering 5 Kostruzzjoni April 0 Mejju 9 Kostruzzjoni 2 Catering Ġunju 1 Catering Lulju 3 Hawkers 2 Kostruzzjoni 13 Catering Awissu 19 Kostruzzjoni 3 Catering 1 Servizzi Oħra Settembru 6 Catering
Leg 10 PQ #1587 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

CCF — Priġunieri li jintbagħtu għall-kura fl-isptar San Luqa

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex priġunieri mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li jkollhom bżonn kura medika fl-Out Patients ta' l-isptar San Luqa u li jitmexxew mill-kuriduri ta' l-isptar bil-manetti, jittieħdu fil-ħinijiet ta' fil-għodu? Ma jaħsibx li dawn għandhom jingħataw trattament f'ħin differenti tal-jum u mhux meta jkun hemm mijiet ta' nies fl-Out Patients?

Response (BORG, TONIO)

L-amministrazzjoni tad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi ma għandix kontroll fuq il-ħinijiet li jingħataw l-appuntamenti li jkollhom il-priġunieri għall-Out Patients ta` l-Isptar San Luqa. Dawn jiġu ffissati mit-tobba, professuri u d-dipartimenti konċernati ta` l-istess sptar. Mhux l-ewwel darba li jingħataw appuntamenti għal wara nofs in-nhar ukoll.
Leg 10 PQ #1588 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Każijiet soċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm dawk li jissejħu każijiet soċjali miżmuma fl-isptar San Luqa għaliex m'għandhomx fejn imorru? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Il-familji tagħhom abbandunawhom? X'inhi l-medja ta' l-eta' ta' dawn il-pazjenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat in-numru totali ta' każijiet soċjali fl-isptar San Luqa, bħalissa huwa ta' 70 persuna li minnhom 49 huma nisa u 21 huma rġiel. Skond is-'Social Workers' li għandna jaħdmu fl-isptar 4 biss minn dawn huma abbandunati mill-familji tagħhom. L-eta' ta' dawn il-pazjenti ta' natura soċjali tvarja bejn is-67 u l-95 sena.
Leg 10 PQ #1589 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Għaqdiet — Ħlas għal xogħol extra

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet/organizzazzjonijiet/kumpanniji li talbu lill-pulizija biex jaħdmu xogħol extra u s'issa għadhom ma ħallsux? Jista' jgħid kemm hi kull somma li trid titħallas? Kemm ilhom biex jitħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta` Settembru 2003, l-ammont ta` flus li għad irid jitħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għal extra duty maħdum fuq talba ta` terzi jammonta għal Lm76,315, kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Peress li, kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, dan is-servizz isir fuq talba ta` terzi, u sabiex isir il-ħlas lill-membri tal-Korp l-ammont dovut irid l-ewwel jinġabar mingħand min ikun għamel it-talba. Infurmat ukoll illi qed isir kull sforz sabiex dan l-ammont dovut jinġabar u jitħallas lill-membri tal-Korp.
Leg 10 PQ #1590 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Għaqdiet — Ħlas għal xogħol extra

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra dawk il-kumpanniji/għaqdiet u organizzazzjonijiet oħra li ilhom ma jħallsu lill-korp tal-pulizija ta' xogħol extra? Liema huma u kemm ilhom ma jħallsu? X'inhi s-somma f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1589 f`din l-istess Seduta.
Leg 10 PQ #1591 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti għal kull istitut/kulleġġ fl-MCAST u kemm ġew aċċettati? Kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija kien għadu qed jirċievi l-applikazzjonijiet ta' l-istudenti u għalhekk mhux f'pożizzjoni li jagħti tweġiba finali f'dan l-istadju. Bħala tagħrif parzjali, ġejt informat li fl-ewwel sejħa, li saret f'Awissu, applikaw 2386 student biex jidħlu l-Kulleġġ. Tagħrif aktar definit inkun nista' nagħtih meta l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet fit-tieni sejħa jiġi kompletat.
Leg 10 PQ #1713 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' skejjel f'Malta u Għawdex separatament li rrapportaw ħsarat lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni kawża tal-maltemp li ħakem lill-pajjiżna matul dan ix-xahar? X'passi ttieħdu u x-xogħlijiet pendenti baqa' isiru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li in-numru ta' skejjel li rraportaw ħsarat kienu wieħed u għoxrin f'Malta. Ma kien hemm l-ebda rapporti minn skejjel Għawdxin. Saret ħidma kontinwa sabiex tnaddfu l-postijiet mill-ħamrija u l-materjal li nġarr mall-kurrenti, inbnew iċ-ċnut u chain link fencing li waqgħu, makkinarju li kien mgħarraq fl-ilma kien overhauled, sar ittestjar tas-sistemi elettriċi u twaħħlu salvaviti f'xi postijiet. Intremiet xi għamara li spiċċat kompletament. Bħalissa għadu għaddej eżerċizzju ta' tqegħid ta' membrane f'diversi skejjel.

Organizzazzjonijiet sportivi — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' organizzazzjonijiet sportivi, soċjali, kulturali, eċċ. li talbu xi forma ta' għajnuna sabiex jirranġaw il-ħsarat li kkawżalhom il-maltemp li ħakem il-gżejjer tagħna f'dan ix-xahar? X'passi ttieħdu u kemm-il talba ġiet approvata u kemm għadhom pendenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li jirriżultali li żewġ entitajiet għamlu talbiet formali għall-għajnuna għall-ħsarat. Dawn huma l- Malta Basketball Association u l- Malta Racing Club. Dawn it-talbiet qed jiġu evalwati, flimkien mar-rapport ta’ ħsarat li ġarrbu l-faċilitajiet immexxija mill-Kunsill Malti għall-Isport, partikolarment fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Sallum għadu għaddej it-tindif u nisperaw li ċerti xogħlijiet ta’ tiswija jaqbdu ritmu aktar mgħaġġel fil-jiem li ġejjin.

Petrol/diesel — Taxxa tal-VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tat-taxxa tal-VAT minn fuq il-petrol u d-diesel minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena, separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul tat-taxxa tal-VAT minn fuq il-petrol u d-diesel minn Jannar sa Settembru 2003 huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt:- Xahar 2003 Lm Jannar 503,248 Frar 595,161 Marzu 558,712 April 528,646 Mejju 555,688 Ġunju 632,738 Lulju 628,242 Awwissu 627,003 Settembru 737,824

Akkomodazzjoni soċjali — Ħsarat kawżati mill-maltemp fl-istrutturi tal-bini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet li riċeva d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali dwar ħsarat kawżati fl-istrutturi tal-bini ta' ċittadini Maltin residenti f'Malta u Għawdex separatament kawża ta' l-aħħar maltemp li ħakem lill-gżejjer tagħna matul Settembru ta' din is-sena? X'passi ttieħdu u x'inhi s-sitwazzjoni llum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm tmien persuni li marru d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jirrappurtaw ħsarat konnessi mal-maltemp tal-15 ta’ Settembru 2003. Tnejn minnhom diġa’ kellhom applikazzjoni mad-Dipartiment u l-ilma li daħlilhom ma kkawżax ħsarat strutturali. F’żewġ każijiet oħra infetħu applikazzjonijiet ġodda u f’każ minn dawn it-tnejn il-ħsara kienet ta’ periklu serju u l-familja nvoluta ngħatat akkomodazzjoni alternattiva. Fl-erba każijiet l-oħra, minkejja li marru d-Dipartiment, il-persuni konċernati ma applikawx u ma reġgħux avviċinaw lid-Dipartiment.

MIA — Titjiriet li kellhom jittardjaw kawża tal-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' titjiriet bl-ajru li telqu tard kawża tal-maltemp li ħakem lill-gżejjer matul ix-xahar ta' Settembru ta' din is-sena? Kemm kien in-numru ta' passiġġieri li tħallew jistennew u għal liema destinazzjoni kienu sejrin u x'linja ta' l-ajru kellhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nifhem li l-Onorevoli Interpellant għamel id-domanda biex jaqdi d-dmir tiegħu ta' Membru Parlamentari, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jifhem li l-Malta International Airport li hi responsabbli għall-operat ta' l-ajruport, ma hiex dipartiment tal-Gvern iżda kumpanija kkwotata fuq li-iStock Exchange. Konsegwentement, it-tip ta' informazzjoni li qed tintalab hi min-natura tagħha privata u mhux kompitu li tiġi mistħarġa minn dan il-Parlament.

Pitkalija Ċentrali — Prodotti tal-ħaxix frisk - proċess ta' grading

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-grading tal-prodotti tal-ħaxix frisk li jiddaħħal fil-Pitkalija Ċentrali? Meta hu maħsub li jintlaħaq dan il-proċess sabiex pajjiżna jkun konformi mar-regoli l-ġodda ta' l-Unjoni Ewropea li jibdew japplikaw fl-1 ta' Mejju tas-sena d-dieħla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li r-rapport fuq il-grading fil-Pitkalija ffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja u magħmul minn Konsulent Spanjol qiegħed jiġi diskuss u studjat sewwa. Qegħdin isiru laqgħat mal-partijiet interessati ħalli jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex il-pjan jiġi implimentat mill-fondi tal-Protocol Taljan mill-aktar fis possibbli.

Fondi ta' għajnuna għall-ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa biex jinġiebu fondi mill-Unjoni Ewropea biex jgħinu lill-vittmi ta' l-għargħar li kellna dan l-aħħar? Kemm intalbu fondi? Għal liema tip ta' ħsarat?

Response (BORG, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 1561 fis-seduta Parlamentari tad-29 ta' Settembru 2003. Għalissa ma għandi xejn x'inżid ma' l-informazzjoni mogħtija f'dik it-tweġiba.

UE — Fondi lil Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema proġetti se jintnefqu l-fondi, każ b'każ, li se toħroġ l-Unjoni Ewropea lil Malta fit-tliet snin li ġejjin? Għal kull proġett, x'parti se toħroġ l-Unjoni Ewropea u x'parti se toħroġ Malta?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.