Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-tweġiba ta' l-Ambaxxatur Licari tat-18/09/03 lill-World Heritage Age Centre dwar il-kwestjoni ta' l-interim landfills qrib it-tempji ta' l-Imnajdra?
Response (BORG, JOE)
M'hijiex il-prassi tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin li jpoġġi l-korrispondenza tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti anke minħabba f'raġunijiet ta' sensitivita' politika għall-pajjiż fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin. Madanakollu, jien lest li fuq bażi personali ngħaddi kopja ta' l-ittra li l-Ambaxxatur Licari kiteb lill-World Heritage Centre tal-UNESCO f'Settembru li għadda, lill-Onorevoli Membru. Nixtieq inżid li f'din l-ittra l-Ambaxxatur Licari informa lid-Direttur tal-World Heritage Centre tal-UNESCO li l-Gvern ta' Malta kien ħareġ għall-konsultazzjoni u kummenti Project Description Statement dwar ir-restawrar tal-barrieri billi jimtlew bi skart 'inert' non-tossiku. Dan sar bħala l-ewwel pass qabel il-proġett jitpoġġa quddiem il-MEPA għall-approvazzjoni. Il-MEPA għandha l-obbligu bil-liġi li tagħmel studju fuq l-impatt ambjentali tal-proġett (Environment Impact Assessment), li fil-fatt qiegħed isir bħalissa. Meta jitlesta dan l-istudju jiġi ippublikat u tingħata kopja lill-istess Direttur.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex id-dqiq li jingħata mid-dipartiment tas-saħħa lil nies b'allerġija għad-dqiq normali - li minnu dawn iridu jagħmlu l-ħobż - imbidel u l-kwalita' ta' dqiq li qed jingħata ma hux tajjeb għall-ħobż?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa jipprovdi ħobż (diġa' maħdum), kif ukoll dqiq lill-pazjenti li jbatu mis-coeliac disease. Il-provisti jitqassmu kull xahar skond l-għażla li jkun għamel il-pazjent.
Dan l-aħħar ġie mogħti kuntratt ġdid u inġiebet kunsinna ta' dqiq Gluten Free li jissodisfa l-kriterji u l-ispeċifikazzjonijiet kif ċertifikati mid-dietician tad-dipartiment.
Infurmat mingħand id-dietician, l-għoti ta' taħlita ta' ħobż lest u dqiq biex jinħadmu l-prodotti msemmija hija adegwata u għandha tkun sodisfaċenti għall-bżonnijiet ta' dawn il-persuni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm imprendituri nisa li għandhom proġetti fl-inkubatur tal-buisness li l-IPSE għandhom f'Kordin (KBIC)? Jista' jgħid, x'inhu il-ġeneru ta' proġetti li qed jaħdmu fuqhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sa llum, fil-KBIC ftit ġie irreġistrat interess minn imprendituri nisa b'potenzjal. Kien hemm biss xi rikjesti għal informazzjoni u xi laqgħat ma' nisa diġa fil-kummerċ. Il-KBIC ma irceviex applikazzjonijiet minn għand l-ebda mara. Il-klijenti tal-KBIC huma eliġibli għal kumpens fuq spejjeż ta' 'Child-care Services' professjonali, sa mhux aktar minn Lm1000 fis-sena, għaż-żmien li jagħmlu użu mill-KBIC.
It-tipi ta' setturi li bħalissa huma koperti mit-'tenants' jistgħu jiġu kategorizzatti hekk: 'Information and communication technology', 'equipment design and development', 'renewable energy resources', 'biotechnology and advanced digital printing technology'.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni wara r-rifjut de parti ta' l-insurances li jinxurjaw vetturi bħal ma huma dawk tat-tip Honda CRX V-Tec u oħrajn? Jista' il-Minstru jgħid x'rimedju s-sidien ta' dawn il-vetturi ser ikollhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu minn vetturi li daħlu legalment hawn Malta u li minħabba din is-sitwazzjoni ma jistgħux legalment jiġu misjuqa?
Response (DALLI, JOHN)
L-allegazzjoni imsemmija fil-mistoqsija parlamentari qegħda tiġi mistħarġa mill-MFSA bħala r-regolatur tan-negozju ta' l-assigurazzjoni. L-MFSA għadha fil-proċess li tistabbilixxi jekk qabel xejn din l-allegazzjoni hix korretta jew jekk hemmx xi ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni għaliha. Peresss illi l-interpellant ipprovda biss informazzjoni vaga u ġenerali, l-interpellant huwa gentilemnt mitlub li, jekk hu f'posizzjoni li jagħmel dan, ifornixxi aktar informazzjoni relevanti għal din il-materja. Apparti dan, stante li l-mistoqsija parlamentari tirrelata għall-karozzi ta' ċertu tip li qegħdin jiġu mpurtati apparentement fuq bażi second hand, ikun f'loku illi d-domanda tiġi rivolta ukoll lill-Ministeru tat-Trasport.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tingħata art ġo ta' Qali biex jibdew jiġu organiżżati xi tip ta' fieri fuq skala nazzjonali?
Response (BORG, TONIO)
It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern m`għandha l-ebda informazzjoni dwar fieri fuq skala nazzjonali f`Ta`Qali. Madankollu ninsab infurmat li l-Park Nazzjonali f`Ta`Qali huwa mmexxi minn kumitat apposta fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u nissuġġerixxi li l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil dan il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jiċċara l-punt ta' kemm ser titlef flus il-kaxxa ta' Malta u jonqos l-introjtu finanzjarju ta' l-istat hekk kif tidħol fis-seħħ is-sistema li l-VAT fl-EU tibda tiġi mħallsa at source?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Mejju 2004 ser ikun hemm ftit iktar ritardjar fil-ħlas tal-VAT minħabba li t-taxxa tal-VAT tibda tinġabar meta jsiru t-transazzjonijiet lokali u mhux meta l-prodotti jaslu fid-Dwana kif isir bħalissa. Konsegwentament, ħlasijiet ta’ refunds ta’ VAT jonqsu ukoll. Dan ma jkunx ifisser telf ta’ flus għall-kaxxa ta’ Malta imma sempliċiment li d-dħul tal-VAT jieħu ftit iktar fit-tul biex jinġabar minn bejgħ lokali sakemm id-dħul jistabbilixxi ruħu iktar tard matul is-sena 2004 u jilħaq il-livelli normali”.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' impjegati mal-kumpannija Gozo Channel mill-1992 sa l-2002, kull sena separatament (fl-aħħar ta' kull sena)?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew jiswew flus il-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel? Jista' jagħti l-informazzjoni ta' kull vapur separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel ġew jiswew madwar Lm44 miljun lira maltin. Huwa diffiċli li tgħid eżatt kemm ġie jiswa kull wieħed għaliex ċerti spejjeż saru għat-tliet vapuri f'daqqa, pero minħabba l-arranġament tal-loans ma barra xi wħud minn dawn l-ispejjeż ġew allokati fuq vapur partikolari u ma ġewx maqsuma ugwali fuq it-tliet vapuri.
Għal din ir-raġuni, l-ewwel vapur assorba aktar spejjeż mill-oħrajn u ġie jiswa madwar Lm16 miljun. Il-vapuri l-oħra ġew jiswew madwar Lm14 miljun kull wieħed. Din l-ispiża tinkludi wkoll parti mill-imgħax li ġie kapitaliżżat waqt il-bini ta' dawn il-vapuri.
Inżid wkoll illi s'issa ebda parti min din l-ispiża ma qed titħallas mill-Gozo Channel għalkemm il-quddiem hemm il-ħsieb li jkun hemm Charter Fee bejn il-Gozo Channel u il-Gozo Ferries ibbażata fuq valur stmat għal tliet vapuri ta' Lm20 miljun u mhux Lm44 miljun.
Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-ħaddiema li ġew issensjati mill-Medigrain?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s'issa għadu ma ġie ssensjat l-ebda ħaddiem mill-Medigrain. Fl-istess waqt nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Nru. 1692.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qiegħda tieħu l-MEPA fil-kwestjoni li tqajmet mill-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli rigward qtugħ ta' blat proprju fuq l-irdum ta' Ħad-Dingli taħt it-turretta ta' l-AFM?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li dan il-każ qiegħed jiġi nvestigat minn-naħa tas-Sezzjoni ta' l-Infurzar tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Fil-fatt saru diversi spezzjonijiet fejn ġie nnutat li tqatta' xi blat tal-wiċċ, tneħħa materjal minn fuq is-sit kif ukoll inbena ħajt b' ġebel antik bejn żewġ binjiet eżistenti. Il-persuna responsabbli mix-xogħolijiet ġiet imwissija biex tieqaf minn kull xogħol kif ukoll inħareġ Avviż Biex Tieqaf u ta' Twettieq li jġib referenza ECF 568/03.
Jista' il-Ministru jgħid kemm sal-lum inħarġu permessi mill-MEPA għar-radam tal-barrieri? Liema huma dawn il-barrieri bil-permess meħtieġ? Kemm hawn applikazzjonijiet quddiem il-MEPA għal dan it-tip ta' żvilupp li għad iridu jiġu deċiżi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet tmien (8) permessi għar-radam tal-barrieri. Dawn huma
Lands K/A, Ta’ Birrix, l/o Naxxar
Site at Tal-Mejda, l/o Triq il-Belt, Mqabba
Franka Quarry, Triq ta’ Wied Ħanżir, Siggiewi
Site at Ta’ Kandja, Limiti ta’s-Siggiewi
Existing Restored Quarry in Tal-Froxx Area, Triq Valletta, Kirkop
South West Portion of SM 72 Existing Disused quarry ‘Tal-Mejda’, Triq Valletta, Mqabba
Existing Restored Quarry between Tal-Mejda & Tal-Froxx, Triq Valletta, Mqabba
Quarry No. 43 Tal-Warda, l/o Qrendi
Site at Tal-Ksajjem, l/o Għarb, Gozo
Hemm tmien (8) applikazzjonijiet oħra pendenti
Jista' il-Ministru jagħti rendikont ta' l-ammonti li nżammu mill-allokazzjoni ta' kull kunsill lokali u dan wara l-miżuri li ħa l-istess Ministru tal-Finanzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa skond kif jidher fit-Tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra li jirrifletti 5% tal-allokazzjoni. Infakkar pero` li b`tibdil tal-Avviż Legali relattiv għal din is-sena l-kunsilli lokali qed jingħatalhom l-fakulta li ma jżommux 10% tal-allokazzjoni tagħhom fil-kont iżda 5% u għalhekk ma għandhiex tintmess il-ħidma tal-kunsill.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerta persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - fl-iskola tal-junior lyceum tal-bniet Margaret Mortimer f'Sta. Lucija qegħda timponi fuq l-istudenti tal-form 1 li jixtru biss prodotti skolastiċi li tiddetta hi? Jista' jgħid jekk din għandhiex permess tagħmel dan? Jekk fin-negattiv, x'passi se jittieħdu ħalli dan l-abbuż jieqaf?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna indikata separatament ma aġixxietx minn rajha iżda fuq struzzjonijiet tal-Kunsill Skolastiku ta' l-iskola imsemmija.
Il-Kunsill Skolastiku ta' din l-iskola joffri servizz lill-ġenituri ta' l-istudenti kollha li jattendu l-iskola (u mhux biss tal-Form I) billi jġib l-iskola il-kuntrattur li jagħmel diversi partijiet ta' l-uniformi ħalli jbiegħhom lil dawk il-ġenituri li jkunu jridu jixtruhom mill-iskola. Ċertu items oħra ta' l-uniformi jinbiegħu mill-iskola stess.
F'din l-iskola sar dan il-bejgħ fuq ix-xewqa tal-ġenituri, u l-Kunsill Skolastiku aġixxa fuq din it-talba. Il-Kapijiet ta' l-iskejjel ġew infurmati b'memorandum li fl-iskejjel ma għandux isir bejgħ jekk mhux ta' oġġetti li huma 'school identity builders' bħal, per eżempju, school diaries, badges, ingravajjet, eċċ...
Dipartiment ta' l-artijiet — Trasferimenti ta' artijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern meta ttrasferixxa l-art: a) f'Manoel Island; b) f'Tigne' Point; c) fil-Cottonera; u d) f'Ta' Pintu? Kemm daħħal u kemm jistenna li se jdaħħal il-lands department kull sena?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statement li juri d-dħul minn proprjeta` tal-Gvern li ġiet trasferita għall-proġetti ta` Manoel Island, Tigne`, Cottonera u Pinto Wharf.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Każ dwar drittijiet tar-relief
Question
B'riferenza għad-deċiżjoni ta' l-Arbitru nru. 169/02 (numru tal-file ta' l-Arbitru 658/01, nru. tal-file DSS 85/02) u għas-sentenza tat-12 ta' Mejju, 2003 fl-appell tad-deċiżjoni ta' l-Arbitru, liema appell ġie determinat favur il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex l-imsemmija persuna għadha ma ġietx ri-integrata fid-drittijiet tagħha tar-relief? Hi x'inhi r-raġuni, jista' jara li l-imsemmija persuna tiġi ri-integrata fid-drittijiet tagħha immedjatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1664 jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema b'kollox impjegati mal-Gozo Channel u jindika l-mansjonijiet rispettivi tagħhom? Jista' jgħid kemm ġew impjegati nies mal-Gozo Channel din is-sena, jindika x-xhur relattivi ta' meta dawn il-ħaddiema ġew impjegati u x'mansjonijet għandhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħalissa l-Kumpanija għandha 249 impjegat full time u 2 fuq bażi ta' part time.
L-informazzjoni dwar mensjonijiet hija ta' natura kummerċjali.
Matul il-2003, ġew ingaġġati tliet impjegati ġodda, tnejn f'Jannar u wieħed f'Marzu.
Jista' il-Minsitru jikkonferma li s-servizz tal-helicopter ser jiġi sospiż fl-1 ta' Mejju 2004, jagħti r-raġunijiet u jgħid x'ser isir mill-ħaddiema li jaħdmu l-heliport inklużi l-iskwadra tat-tifi tan-nar u jgħid ukoll xi proġetti hemm maħsuba għall-użu tal-heliport f'Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nistax nikkonferma s-suppożizzjoni tal-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi proġetti għandu il-Gvern bħala kostruzzjoni ta' bini ġdid f'Bormla, l-Isla, Birgu, Fgura, Kalkara, Xgħajra, Żabbar, Msida, B'Kara, Valletta, Floriana u Pembroke? Kemm hemm units f'kull proġett? Kemm se jiswa kull proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.