Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn — Triq San Franġisk

Question

Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tieħu passi biex jiġi rranġat id-dawl ta' Triq San Franġisk, f'Wied il-Għajn għaliex qed ikun maqtugħ ta' spiss? Billi din hi triq pjuttost imħarbta u mwarrba u fiha biss tliet street lighting, x'inhi r-raġuni li dan qed imur ta' spiss?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa saret fiż-żewġ okkażjonijiet li ġiet irrapurtata l-ħsara fit-3/10/2003 u fit-22/10/2003. Il-ħsara kienet waħda intermittenti.

Siġġiewi — Sqaq il-Qajjiet - servizz ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li jirrakkomanda li għandu jiġi mgħoddi s-servizz ta' drenaġġ fi Sqaq il-Qajjiet, Siġġiewi, speċjalment in vista tal-fatt li hemm pjan mill-kunsill lokali tal-lokal li jagħti wiċċ lil din it-triq peress li jekk dan ma jsirx mill-aktar fis se jkollna naqilgħu xogħol il-kunsill fil-futur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dil-materja qed tkun ikkunsidrata sew tant li bħalissa qed isir survey ta' l-area minħabba li hemm ġnien privat li qed jimblokka t-triq. Minħabba f'hekk qed tkun ikkonsidrata l-possibilita' li l-mejn jaqleb lejn in-naħa l-oħra tat-triq. Dan ifisser li l-mejn ikollu jitqiegħed f'livell taħt il-wiċċ tat-triq aktar fond milli jsir normalment.

Vapuri tan-NATO

Question

B'riferenza għaż-żjara riċenti tal-vapuri tan-NATO li ġew berthed fejn soltu jiġu berthed il-cruise liners, bil-konsegwenza li wieħed mill-cruise liners kellu jiġi berthed f'post skomdu ħafna għall-passiġġieri, jista' il-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li l-berthing tal-vapuri sarx fejn sar kenitx fuq deċiżjoni unilaterali tal-gvern? Jista' jgħid jekk il-Malta Maritime Authority kenitx involuta fit-teħid tad-deċiżjoni tal-berthing?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li flotta ta' seba' bastimenti navali li jiffurmaw parti mis-STANAVFORMED żaru l-Port il-kbir bejn l-10 u t-12 t'Ottubru 2003. Kien meħtieġ li dawn il-bastimenti jkunu rmiġġjati flimkien ma' moll. Skond evalwazjoni tal-parametri tal-bastimenti, kif kienu magħrufa waqt li kien qed jiġi ppjanat l-irmiġġ tagħhom, rriżulta li mhux kollha setgħu joqogħdu ma' tul id-Deep Water Quay. Bl-iskop li jiġu akkomodati l-bastimenti kollha li kien ser ikun hemm fil-port matul dawn il-jiem, id-Direttorat tal-Portijiet ħa l-inizjattiva sabiex jinbidel l-irmiġġ ta' numru ta' bastimenti. Fil-fatt kull meta fil-port ikun hemm iktar minn tlett vapuri, id-Deep Water Quay ikollu jintuża wkoll. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn żmien għal żmien numru ta' Cruise Liners ikollhom jirmiġġjaw id-Deep Water Quay minħabba domanda qawwija. Fil-fatt kull meta fil-port ikun hemm iktar minn tlett vapuri, id-Deep Water Quay ikollu jintuża wkoll.

Reservoirs ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk hux qed isir użu mir-reservoirs ta' l-ilma bħal dawk li hemm madwar l-airport jew li hemm bejn il-Gudja u Santa Luċija (fit-Triq tal-Barrani)? Jista' jgħid kif l-ilma jinġabar ġo dawn ir-reservoirs ladarba m'hemmx kanali biżżejjed li jwasslu l-ilma għalihom u l-ftit kanali li hemm huma misdudin? Dawn ir-reservoirs qed iservu biex l-ilma jmur ġol-water table?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li dawn il-ġibjuni oriġinarjament inbnew sabiex jgħinu jiżdied l-ilma tal-pjan (water table) billi jaħżnu l-ilma tax-xita sakemm bil-mod jinfiltra fil-blat. Madankollu l-effett ta' din is-sistema fuq il-water table hu minimu.
Leg 10 PQ #2238 Sitting 47 2003-10-27 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Engineered landfills — Barrieri

Question

F'każ illi l-gvern jiddeċiedi li jwettaq il-pjan tiegħu li joħloq żewġ engineered landfills fis-siti identifikati qrib it-tempji ta' l-Imnajdra, jista' il-Ministru jgħid min huma l-proprjetarji ossia l-persuni, ditti jew kumpanniji li jmexxu l-barrieri u li magħhom il-gvern ikun qiegħed jinnegozja?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 10 PQ #2275 Sitting 47 2003-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Nordic-Mediterranean seminar on regional co-operation

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li se jsir Nordic-Mediterranean seminar on regional co-operation f'Malta kmieni s-sena d-dieħla? In-Nordic council se jkollu sehem fih? Liema organizzazzjoni se tieħu ħsieb il-parti tal-Mediterran?

Response (BORG, JOE)

Bħalissa għaddejjin taħdidiet mill-Ministeru tiegħi man-Nordic Council fuq proposta illi tiġi organiżżata laqgħa dwar il-Mediterran ġewwa Malta. Ħija prevista l-parteċipazzjoni ta' diversi pajjiżi mir-reġjun. Kull delegazzjoni illi tiddeċiedi li tipparteċipa ser tagħmel dan fuq bażi nazzjonali.
Leg 10 PQ #2276 Sitting 47 2003-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Euro Mediterranean Foundation

Question

Jikkonferma l-Ministru li bħalissa pajjiżna qed jagħmel lobbying intensiv biex jospita l-Euro Mediterranean Foundation?

Response (BORG, JOE)

Malta, kif ukoll l-Eġittu u l-Italja, huma l-kandidati li s'issa ddikjaraw l-interess tagħhom sabiex jospitaw il-"Euro Mediterranean Foundation for a Dialogue on Cultures". Bħal kandidati l-oħra, Malta qegħda fil-proċess illi tinforma l-membri kollha tal-Proċess Ewro-Mediterranju bil-kredenzjali tagħha, u feħsiebha tagħmel ħilitha kollha biex ikollha suċċess f'din il-kandidatura, bħalma żgur ser jagħmlu l-kandidati l-oħra.
Leg 10 PQ #2277 Sitting 47 2003-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Ministru għal Għawdex — Żjara fi Franza

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'kien l-iskop taż-żjara riċenti tagħha fi Franza? Min kienu l-membri tad-delegazzjoni tagħha? Meta saret u ma min iltaqgħu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill­Onorevoli Interpellant li jiena flimkien mas­Segretarju Permanenti fil­Ministeru għal Għawdex attendejna l­Assemblea Ġenerali tal­Konferenza tar­Reġjuni Periferali u Marittimi ta' l­Ewropa u laqgħat tal­Kummissjoni Inter­Mediterranja u tal­Kummissjoni tal­Gżejjer Ewropej. Kelli wkoll laqgħat oħra ma' mexxejja ta' gżejjer ewropej dwar proġett ta' benchmarking tas­servizzi tas­Saħħa u tal­Kura ta' l­Anzjani, proġett li kont ipproponejt jiena fil­laqgħa tal­Kummissjoni tal­Gżejjer li kienet saret f'Orkney f'Mejju tas­sena l­oħra u dwar proġett iehor ta' koperazzjoni fost il­gżejjer għal titjib fit­tmexxija ta' żvilupp sostenibbli tal­gżejjer. Id­delegazzjoni telqet minn Malta fl­10 ta' Settembru u rritornat fl­14 ta' Settembru 2003.
Leg 10 PQ #2278 Sitting 47 2003-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ħames Protocol finanzjarju Taljan

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm proġetti li diġa' ġew approvati għall-finanzjament ġaladarba jiġi fis-seħħ il-ftehim tal-Ħames protocol finanzjarju ma' l-Italja? Jista' jgħid x'jikkonċernaw?

Response (BORG, JOE)

Il-ħames protokoll finanzjarju jipprovdi għall-attwazzjoni ta' tlettax-il proġett li ġew identifikati bi qbil bejn il-Gvernijiet ta' Malta u ta' l-Italja. Dawn huma s-segwenti: - Fil-qasam infrastrutturali hemm il-proġett għall-moderniżżazzjoni tat-toroq u bini ta' impjant għat-tisfija tad-drenaġġ; - Fil-qasam edukattiv u kulturali hemm il-finanzjament tal-Kattedra Taljana għall-istudji Mediterranji u Ewropej fl-Universita' ta' Malta, boroż ta' studju għal studenti Maltin fl-Italja, riabilitazzjoni tal-Orgni tas-seklu sittax li jinstab fil-Kon-Kattidral ta' San Gwann u restawr tal-Kappella tal-Lingwa Taljana ġewwa l-istess Kon-Kattidral; - Fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent hemm sistema ġdida ta' inċinerazzjoni għall-biċċerija; - Fil-qasam ta' l-ikel u s-saħħa hemm żewġ proġetti wieħed li jipprovdi għall-ipproċessar tal-laħam u l-ieħor għall-gradazzjoni u magazzinaġġ ta' prodotti f'temperatura kiesħa; - Fil-qasam tas-sorveljanza marittima hemm proġett għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Maltin f'dan is-settur; - Fl-aħħarnett, fil-qasam tas-saħħa hemm tliet proġetti, wieħed li jipprovdi għall-installazzjoni ta' tagħmir u servizzi oħra għall-isptar Mater Dei, ieħor għall-akkwist ta' sistema informatika għall-istess sptar u proġett ta' riċerka fil-qasam tas-saħħa u inkapaċita' mentali.

Kunsilli Lokali — Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex humiex obbligati din is-sena li jżommu l-10% tal-fondi mogħtija lilhom?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1962.

NGOs — Għajnuna - Għoti ta' flus mill-Gvern

Question

Jista' l-Vici Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali jgħid liema kienu dawk l-NGOs li din is-sena ġew megħjuna mill-Gvern permezz ta' għotja ta’ flus jew inkella permezz ta' servizzi oħra? X'ħadu u kemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Aġenzija Access — Kottonera

Question

X'servizzi qed jingħataw mill-Aġenzija Access fil-Kottonera fil-komunita'? Min qiegħed jieħu ħsieb din l-Aġenzija? Kemm hemm persuni li qed jaħdmu fl-Access u fuq liema programmi? X'taħriġ u / jew kwalifiki għandhom dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li r-risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Programm Formula One

Question

Liema aġenzija jew enti tieħu ħsieb il-Programm Formula One? Kemm-il klijent li qed jingħata dan il-programm? Kemm hemm staff allokat għal dan il-programm? X'taħriġ u/jew kwalifiki għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li r-risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Persuni b'diżabilita' — Supported living

Question

Xi programm qed jingħata lil persuni b'diżabilita' li qegħdin fl-inizjattiva tas-supported living? Kemm hemm persuni b'diżabilita' fis-supported living? Kemm hemm staff li jagħtu l-appoġġ lill-persuni b'diżabilita'? X'taħriġ u / jew kwalifiki għandu s-supporting staff?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-programm tal-persuni b’diżabilita’ hu bbażat fuq Person Centred Planning, fejn il-persuna, flimkien ma’ oħrajn sinifikanti f’ħajjitha, tiġi mgħejjuna tfassal dak li tixtieq tikseb f’ħajjitha u l-mod kif tilħaq dawn l-għanijiet. Il-programm jista’ jinkludi opportunitajiet ta’ xogħol jew servizzi ta’ matul il-jum, taħriġ f’daily living skills u xogħol fid-dar, parteċipazzjoni f’attivitajiet li l-persuna tkun tixtieq tieħu sehem fihom, eċċ. Ninsab infurmat li l-Aġenzija Sapport bħalissa tipprovdi servizz residenzjali lil 25 persuna b’diżabilita’ kif ukoll numru ieħor li qiegħdin fi stadju ta’ tranżizzjoni. L-Aġenzija tagħti wkoll servizz ta’ sapport lil numru ta’ persuni b’diżabilita’ li jgħixu fil-komunita’ inkluż servizz ta’ social work. L-Aġenzija għandha 28 Support Worker full-time u 17 part-time li jaħdmu fis-servizz residenzjali u 3 Support Workers full-time u 10 part-time li jipprovdu servizz fil-komunita’. Barra dawn hemm numru ta’ Supervisors u Professional Support Workers li jgħinu fit-tfassil ta’ programmi, tmexxija tar-residenzi u taħriġ ta’ l-impjegati. Is-Support Workers għandhom ‘O’ level standard fil-Malti u fl-Ingliż jew mill-anqas sena esperjenza fil-qasam tad-diżabilita’ jew ikunu attendew għall-kors ta’ Support Worker mogħti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Il-Professional Support Workers għandhom kwalifiki ta’ livell terzjarju fil-psikoloġija, nursing jew suġġetti oħra relatati mal-qasam. L-impjegati jiġu mogħtija taħriġ dwar Crisis Prevention Intervention biex jippreparhom jaħdmu ma’ persuni b’challenging behaviour, taħriġ dwar proċeduri u policies ta’ l-Aġenzija u taħriġ ieħor skond il-bżonn.

Tribunali lokali — Multi mhux imħallsa

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 1872, jista' il-Ministru jgħid mit-total tal-multi elenkati kemm tħallsu f'kull lokal sal-15 ta' Ottubru? Kemm inħarġu ċitazzjonijiet s'issa għal ġbir tal-multi?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari nru. 1872, dwar kemm tħallsu mill-multi elenkati sal-15 ta` Ottubru, qed tiġi miġbura u tingħata bħala somma totali f`seduta oħra. Dwar lil liema Kunsilli Lokali tħallsu, nitlob lill-Onor. Membru biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsilli Lokali. Għar-rigward l-aħħar parti tad-domanda, nixtieq ngħid li billi skond l-Artikolu 10 (5) ta` l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja kull multa imposta mit-Tribunal tikkonstitwixxi dejn ċivili, u billi l-istess subartikolu jipprovdi li l-ordni tat-Tribunal hija titolu eżekuttiv skond id-disposizzjoni tal-Kodiċi ta` Organizzazzjoni ta` Proċedura Ċivili, għalhekk m`hijiex il-proċedura li jinħarġu ċitazzjonijiet għal ġbir ta` tali multi.

Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku waqt xogħlijiet mill-kuntratturi

Question

Mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena, jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba kellu jinqata' id-dawl għaliex xi kuntrattur laqat xi cable ta' l-elettriku waqt xogħlijiet għall-korporazzjoni Enemalta? F'liema inħawi ta' Malta u Għawdex sar dan? Kemm dam kull qtugħ? Min kien il-kuntrattur responsabbli f'kull każ? X'passi ttieħdu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li mill-ewwel ta' Jannar sal-24/10/2003 kien hemm każ wieħed fejn intlaqat cable minn kuntratturi li kienu qed jaħdmu għall-Enemalta. Dan intlaqat fil-limiti tas-Siġġiewi. Il-provista ta' l-elettriku damet bejn 0.6 sa 2.3 siegħat biex reġgħet ġiet għan-normal. Il-kuntrattur involut kien Joseph Mifsud. L-investigazzjoni għadha għaddejja.

Qtugħ fis-servizz tat-telefon waqt xogħlijiet mill-kuntratturi

Question

Mill-1 ta' Jannar 2003, jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba kellu jinqata' is-servizz tat-telefon minħabba xogħlijiet li kienu qed isiru minn xi kuntrattur? F'liema inħawi ta' Malta u Għawdex? Kemm dam kull qtugħ? Jista' jgħid ukoll min kien il-kuntrattur responsabbli f'kull każ? X'passi ttieħdu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Toroq — Ħsara kawża ta' maltempati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi rapporti dwar toroq li saritilhom ħsara wara l-maltempati kbar tax-xahar li għadda? Jista' jgħid liema toroq sofrew ħsarat? Kemm huwa stmat li jrid jintnefaq biex jissewwew? Saru xi talbiet speċifiċi minn xi kunsilli lokali minħabba ħsarat fit-toroq tal-lokal tagħhom wara l-istess maltempati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' rapporti dwar ħsarat f'diversi lokalitajiet wara l-maltemp ta' Settembru, li tinkludi wkoll lista ta' xogħlijiet li kellhom bżonn isiru fihom li hu stmat li jammontaw għal Lm200,000. Indikazzjonijiet ta' ħsarat minn 8 Kunsilli Lokali ġew irrapurtati lill-Awtorita' dwar it-Trasport u dawn ġew assenjati, iżda peress li jista jkun li kien hemm oħrajn li rrapurtaw direttament lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, l-Onor. Interpellant għandu jirreferi lill-Ministru kkonċernat għal aktar informazzjoni f'dan ir-rigward.