Legislature:
Category:
Reset
Active:

Attivitajiet kulturali — VAT

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega x'sar mill-wegħda li saret fl-aħħar budget li attivitajiet kulturali, fosthom tat-teatru, jitneħħa minn fuqhom il-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-provvista ta’ ċertu servizzi kulturali u oġġetti marbuta mill-qrib magħhom hija eżenti jekk din issir minn entitajiet regolati b’liġi jew minn entitajiet kulturali oħrajn rikonoxxuti mill-Istat. Id-Direttiva tal-VAT tistipula li dawn l-entitajiet għandhom ikunu entitajiet amministrati b’mod voluntarju u li joperaw mingħajr skop ta’ profitt. Id-Dipartiment tal-VAT jilqa’ talbiet bil-miktub minn dawn l-entitajiet. Wara li jiġu eżaminati, it-talbiet jitressqu għall-appovazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi.

MCAST — Ħatriet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħatriet saru fl-MCAST matul din is-sena? Min huma l-persuni li ġew magħżula u xi kriterji ntużaw? Kien hemm sejħa għal dawn il-karigi? X'inhu l-ħlas f'kull każ u x'benefiċċji għandhom?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Serq minn fabbriki u lukandi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn fabbriki u lukandi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-informazzjoni għax-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 24874, 24876, 24878 u 25834, filwaqt li ninsab infurmat illi l-figuri għax-xhur ta’ Mejju u Ġunju huma kif ġej:- Fabbriki Lukandi Mejju 2 20 Ġunju xejn 40

Serq minn mużewijiet u dipartimenti ta' l-istat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn mużewijiet u dipartimenti ta' l-istat matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, ġew irrapurtati 28-il serqa minn postijiet tal-Gvern, li 11 minnhom kienu jinvolvu oġġetti personali ta' persuni waqt li kienu f'dawn il-postijiet.
Leg 10 PQ #27077 Sitting 551 2007-07-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Żvilupp ta' Għawdex — Trattat ta' adeżjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru għamilx ir-rakkmandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern u lill-Kummissjoni Ewropea skond it-trattat ta' adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp ta' Għawdex biex jitnaqqsu l-iżvantaġġi bejn Għawdex u Malta u mal-bqija Ewropea? X'kienu dawk ir-rakkmandazzjonijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Fuq parir tal-Gvern, ir-rakkmandazzjonijiet imsemmija ma sarux minħabba l-fatt li l-pajjiż kollu, Malta kif ukoll Għawdex, baqa’ taħt l-ambitu ta’ Objective 1 (illum magħruf bħala l-Għan ta’ Konverġenza). Kif kulħadd jaf, Għawdex dejjem kien priorita’ ghall-Gvern Nazzjonalista u hekk se jibqa’. Fil-fatt, fil-Qafas ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali (2007-2013) u fil-Programmi Operattivi rispettivi, il-Gvern impenja ruħu li jonfoq mill-inqas 10 fil-mija tal-Fondi biex jissaħħaħ l-iżvilupp soċjali u ekonomiku f'Għawdex.

Triq bejn il-Manikata u l-Mellieħa

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 26893 dwar it-triq bejn il-Manikata u l-Mellieħa, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tkun approvata l-ispiża addizzjonali ta' Lm50,000 biex din it-triq tingħata wiċċ ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ispiża addiżżjonali ta' madwar Lm50,000 trid tkun approvata mid-Dipartimenti tal-Kuntratti u Finanżi. Fit-triq bejn il-Manikata u l-Mellieħa ħadmu żewġ kuntratturi differenti għall-xogħlijiet tat-trinek għall-Korporazzjoni tal-Ilma u tad-Dawl. Minħabba raġuni ta' garanzija fuq ix-xogħol tat-trinek, ix-xogħol addiżżjonali jrid jingħata bħala "Direct Order" lil istess kuntratturi. Id-Dipartiment tal-Kuntratti u Finanżi jrid japprova iżjed l-għoti tax-xogħol bħala " Direct Order" minħabba r-raġuni msemmija.
Leg 10 PQ #27089 Sitting 551 2007-07-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

EU Post Accession Programmes

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq xiex kellhom jintefqu Lm1,550,000 ta' fondi strutturali EU Post Accession Programmes matul is-sena 2006? Għaliex intnefqu Lm803,454 biss? Fuq xiex intnefqu? X'se jiġri mill-Lm746,546 li ma ntnefqux?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi dawn il-fondi huma għal erba' proġetti: il-proġett ta' taħriġ għas-settur tat-turiżmu u servizzi anċillari, il-proġett ta' konservazzjoni ta' Ħagar Qim u l-Imnajdra, il-proġett ta' tisbiħ ta' prodott turistiku u l-iskema għall-intrapriżi turistiċi. Il-flus intużaw għat-taħriġ, biex jitħallsu xogħolijiet relatati mal-proġetti infrastrutturali, u biex jitħallsu l-intrapriżi li ipparteċipaw fl-iskema. Il-bilanċ qed jiġi minfuq fl-2007. Xi uħud minn dawn il-proġetti ngħatatilhom estensjoni ta’ żmien u għalhekk il-flus qed jintefqu din is-sena.
Leg 10 PQ #27090 Sitting 551 2007-07-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

EU-INTERREG — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq xiex kellhom jintnefqu t-Lm3,000 tal-EU-INTERREG matul is-sena 2006? Jista' jgħid għala ma ntnefqux? X'se jiġri minn dawn it-Lm3,000 li kellhom jiġu mill-EU?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u l-Heritage Malta huma l-entitajiet li qed jipparteċipaw fi proġetti tal-INTERREG. L-entitajiet qegħdin jippreparaw it-talbiet tagħhom għal dawn il-proġetti li ġew estiżi sas-sena 2007.
Leg 10 PQ #27091 Sitting 551 2007-07-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Proġetti turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema proġetti turistiċi hemm maħsuba din is-sena għall-inħawi ta' Buġibba, Qawra, San Pawl il-Baħar u x-Xemxija? Kull proġett meta se jinbeda, kemm se jiswa u meta se jitlesta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #27092 Sitting 551 2007-07-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu — Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu bħala diretturi mal-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? F'kull każ kif ġie mogħti l-ħatra kull direttur?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

In-numru ta’ persuni li jaħdmu bħala Diretturi ma’ l-Awtorita’ tat- Turiżmu huwa ta’ sitta. Ninsab infurmat iili il-ħatra ta’ kull persuna saret kif ġej: Żewg diretturi inħatru wara li harġet sejħa interna u ntagħżlu wara li attendew għal interview . Żewg diretturi inħatru wara li kienet harġet sejħa interna u ma ntagħżel ħadd u wara ħarġet sejħa esterna u ntagħżlu wara li attendew għal interview . Direttur ġie appuntat wara li sar ir-ristrutturar fid-Direttorat tal – Marketing Support & Development. Direttur ġie trasferit mid- Dipartiment tat-Turizmu, fuq bażi permanenti skond termini ta’ Parti II, sezzjoni 6 (3) ta' l-att tal-1999 tal ‘Malta Travel and Tourism' (Att. Nru. XII 1999).

Siggiewi — Binja Hesri - Parking lines

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli li jagħmel il-parking lines fl-area ta' Binja Hesri, Siggiewi wara li saret it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Nterpellant hija mitluba tagħti l-isem tat-triq li qed tirreferi għaliha minħabba li f'din l-area skond kif indikata fis-siteplan tal-MEPA ma jirrizultax li riċentament saru toroq mill-ADT.

Ħsarat fl-apparat elettriku

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk jistgħux isiru claims lill-Enemalta għall-ħruq ta' apparat elettroniku u ta' l-informatika kkawżat minn surges regolari tad-dawl f'postijiet, bħall-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, aktar u aktar billi dawn is-surges qed jiġru f'dan il-block ta' appartamenti bi frekwenza aktar qawwija minn postijiet oħra fl-istess inħawi ta' Ta' Xbiex? Jekk fl-affermattiv, lil min għandhom jiġu ndirizzati dawn it-talbiet? Fil-każ imsemmi l-familja ndikata garrbet ħsara ta' Lm600 fl-apparat ta' l-IT kif jista jixhed l-equipment maħruq li għadu għandhom.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Zammit Clapp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-Isptar Zammit Clapp? L-assistant physiotherapists ta' Zammit Clapp se jinżammu fil-kariga li għandhom u jekk iva, minn fejn se jkunu qed jagħtu s-servizz tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Huwa ppjanat li eventwalment il-bini ta' l-isptar Zammit Clapp ser jintuża għall-pazjenti tal-Oncology. L-Assistant Phsiotherapists ta' Zammit Clapp se jkomplu jagħtu s-servizz tagħhom fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-isptar ta' riabilitazzjoni u temporanjament fl-isptar Karen Grech.

Pilloli Lescol

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' kostitwent minn San Gwann li llum 6.07.07 mar l-Outpatient Dispensary fl-Isptar San Luqa sabiex jikseb pilloli Lescol 20mg jew 40 mg u qalulu biex jew jixtrihom hu jew inkella jerġa' jittawwal wara xahar għax kienu out of stock?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Fluvastatin 40mg kienet out of stock mill-ispiżerija ta' l-Out Patients sptar San Luqa minħabba li kienet out of stock ukoll mill-Government Pharmaceutical Services bejn it-22 ta' Ġunju u l-5 ta' Lulju. Sabiex ikomplu jinqdew il-pazjenti, ingħataw l-ammont ekwivalenti fid-doża ta' 20mg fejn l-istokk ġħie eżawrit fil-5 ta' Lulju wara siegħa u nofs. Stokk ġdid ta' Fluvastatin 20mg u 40mg ġie mqassam mill-Government Pharmaceutical Services fis-6 ta' Lulju wara nofs in-nhar; jiġifieri l-Ispiżerija ta' l-isptar San Luqa kienet mingħajr stokk taż-żewġ dożi għal inqas minn ġurnata. Hi proċedura li meta ma jkunx hemm xi mediċina fl-ispiżerija, il-pazjent jingħata karta bid-dettalji ta' l-Ispiżerija sabiex iċempel ftit ġranet wara jekk ikunx wasal l-istokk.

Riforma fl-istruttura fl-edukazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm milli jiġi ffirmat il-ftehim ma' l-MUT dwar ir-riforma fl-istruttura fl-edukazzjoni ħalli fost affarijiet oħra jiġi assigurat li dawk impjegati bħala instructors mad-dipartiment u li għandhom il-kwalifiki meħtieġa jkunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-diskussjonijiet dwar il-ftehim ma' l-MUT waslu fil-fazi konklussiva tagħhom.

Siggiewi — Trasport Pubbliku

Question

Jaf il-Ministru li l-arranġamenti tat-trasport pubbliku fis-Siggiewi ma jgħaddix qrib l-akwati kollha fis-Siggiewi? Jista' jgħid meta se jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex it-trasport pubbliku fis-Siġġiewi jkun jista' jaqdi lir-residenti kollha fis-Siggiewi u li ma jgħixux fiċ-ċentru tas-Siggiewi, bħal per eżempju, l-area ta' Wied Ħesri? Jista' jgħid x'sar minnha l-petizzjoni li kienu ffirmaw ir-residenti dwar il-ħtieġa tas-servizz ta' trasport pubbliku adegwat u li jgħixu fl-area ta' Wied Ħesri? Jista' jgħid jekk l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ħaditx passi fuq din il-petizzjoni? Jekk ħadet passi, x'passi ħadet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li saru diversi laqgħat bejn l-ADT, l-Kunsill Lokali u l-ATP sabiex ir-Rotta 89 tas-Siġġiewi tiġi devjata lejn Wied Ħesri u taqdi lil dawn l-inħawi. Infurmat ukoll li ser terġgħa ssir laqgħa oħra sabiex jiġu ffinaliżżati dawn id-diskussjonijiet u jingħata serviżż aħjar fis-Siġġiewi.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Instructors

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk impjegati bħala instructors mad-Dipartiment u li għandhom ħafna kwalifiki fil-qasam edukattiv ma ngħatawx l-opportunita' li japplikaw għall-post ta' assistenti kapijiet ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sejħiet għall-applikazzjonijiet għal pożizzjonijiet fil-Klassi ta' Edukazzjoni huma regolati mill-ftehim li jidħlu fih Gvern u Unions.

Siggiewi — Wied Hesri - Bankini

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jagħmel il-bankini li ġew imwiegħda lir-residenti, li se jsiru madwar sitt snin ilu madwar il-binjiet ta' Wied Hesri?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema

Question

B'riżultat tad-deċiżjoni tal-Gvern u bis-saħħa tal-liġi l-ġdida dwar l-amministrazzjoni pubblika għadd ta' ħaddiema bil-kuntratt definit sejrin jinqalbu għall-ħaddiema b'kuntratt indefinit qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, jista' l-Prim Ministru jgħid b'kollox kemm ser ikun hemm ħaddiema li ser isiru tal-post fis-servizz pubbliku kif wkoll fil-korporazzjonijiet u aġenziji u fondazzjonijiet kollha tal-Gvern kif ukoll f'entitajiet fejn il-gvern għandu maġġoranza ta' l-ishma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej eżerċizzju sabiex ikun magħruf eżatt kemm huwa n-numru ta’ ħaddiema li ser jinġiebu minn kuntratt definit għal wieħed indefinit.

Kontijiet ta' l-Income Tax

Question

Billi kien hemm diversi sentenzi tal-Qorti li jikkonfermaw li d-dipartiment tat-taxxi interni m'għandux dritt joħroġ kontijiet tal-income tax li huma preskritti minħabba ż-żmien li għadda fuqhom, x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tat-taxxi interni baqa' joħroġ kontijiet simili? L-uffiċjali tad-dipartiment ingħataw struzzjonijiet biex iwaqqfu din il-prattika? Jekk iva, meta u jekk le, għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.