Jista' il-Ministru jiddeskrivi fil-qosor il-passi fil-proċess ta' devoluzzjoni ta' art lill-Kunsilli Lokali? Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju jieħu l-aktar ħin dan il-proċess? Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex jinstab metodu kif dan il-proċess jitħaffef?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma l-Onor. Membru li l-proċess ta` devoluzzjoni ta` proprjeta` tal-Gvern isir billi l-ewwel il-kunsill partikolari jidentifika proprjeta` pubblika li tkun jew mitluqa, jew mhux żviluppata, jew użata ħażin jew li tista` tkun żviluppata aħjar, u li din b`xi mod tirrelata ma` xi funzjoni tal-Kunsilli Lokali skond id-dispożizzjonijiet ta` Kap. 363 sub-artiklu 33(1).
Wara dan il-kunsill għandu jissottometti t-talba tiegħu lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u jibgħat id-dokumenti relatati mal-proġett flimkien ma` spjegazzjoni dettaljata ta` x`inhuwa propost li jsir mill-post u kif ser jiġi ġestit mill-istess kunsill.
Wara d-dipartiment jagħmel l-istudju u analiżi neċessarji u jekk iqis li hija ġustifikata jibgħat din lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern li da parti tagħha hija ukoll tagħmel din l-evalwazzjoni mill-lenti tagħha u tara x`għandhom ikunu l-kundizzjonijiet.
Jekk ikun hemm din l-approvazzjoni l-Kunsill jista` jkun mitlub jikseb l-Outline Full Development Permit mill-MEPA. Wara li dan jiġi approvat l-istess Taqsima tħejji l-abbozz tal-ftehim sabiex dan jiġi finalment firmat.
Għalhekk il-proċess kollu jieħu l-ħin tiegħu u huwa intenzjonat sabiex jassigura li l-proprjeta` tintuża sewwa u għal ġid komuni.
Ħlas ta' liċenzji ta' vetturi — Ħlas ta' multi pendenti
Question
B'referenza għat-tweġiba 1924, billi huwa ċar li hemm mekkaniżmu legali li permezz tiegħu ma jistgħax isir tiġdid ta' liċenzji ta' vetturi qabel ma jsir il-ħlas ta' multi pendenti, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-istess mekkaniżmu legali jiddaħħal ukoll fil-każ ta' trasferiment ta' vetturi billi jidher li jista' jkun hemm abbuż fejn sid ta' vettura li għandu arretrati ta' multi fuq il-vettura tiegħu jittrasferixxi l-istess vettura fuq ħaddieħor biex ma jintalabx iħallas għall arretrati ta' multi sa dak in-nhar li jkun qed isir it-trasferiment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li din il-materja qed tiġi studjata fil-livell tekniku/legali.
Jista' il- Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir l-asfaltar ta' Triq D'Argens Gżira billi jidher li minkejja li d-Direttorat tat-Toroq ħareġ sejħa għall-offerti u ngħatat l-istess offerta għall-aħħar tas-sena 2000 u l-bidu tas-sena 2001 tant li sar parti mix-xogħol fi Triq Sliema, l-ebda xogħol għadu ma nbeda fi Triq D'Argens?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li biex tkun tista' tiġi asfaltata Rue d'Argens iridu jinbidlu l-mains ta' l-ilma u peress illi l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma f'2001 ma kienitx f'pożizzjoni li twettaq dan ix-xogħol, dan l-asfaltar ma setax isir.
Id-diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport, il-kunsill Lokali u l-Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għadhom għaddejjien u meta dawn jitlestew tkun tista terġa toħroġ sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol.
Billi għada fuq il-programm televiżiv Bondi Plus għandu jidher xi filmat ta' quddiesa sewda u billi f'din il-quddiesa jingħad kliem ħażin u dagħa u l-isem imqaddes ta' Alla jiġi mżeblah, għandhiex il-pulizija tifli il-filmat u anki tinterroga lill-preżentatur ħa jiġi stabbilit min ikun kiser il-liġi u jittieħdu passi skond il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ksur ta` liġi allegat mill-Onorevoli Interpellant huwa regolat bl-Att dwar ix-Xandir (kap. 350). Għaldaqstant ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Jekk jirriżulta li xi xandira li tkun saret tikser il-liġijiet tal-pajjiż, jittieħdu passi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn tfal barranin li qed jirċievu l-edukazzjoni tagħhom Malta? Kemm qegħdin fi skejjel tal-Gvern? Kemm f'tal-Knisja u kemm fi skejjel privati?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba nagħtiha f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa barranin jgħixu permanentament f'Malta? Minn liema pajjiż jiġu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni barranin li għandhom permess biex joqogħdu Malta u l-pajjiżi li minnhom oriġinaw hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm bħalissa hawn persuni nieqsa? Kemm ilhom, kemm minnhom huma nisa, kemm huma irġiel u kemm huma minorenni? Kemm kien hawn din is-sena u kemm instabu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`dawn l-aħħar 33 sena hemm 44 persuna li ġew irrapurtati nieqsa u ma nstabux. L-iktar każ antik imur lura sas-7 ta` Frar 1970, filwaqt li l-aktar wieħed riċenti kien fit-18 ta` Awissu 2003. Dawn huma 38 tas-sess maskili u 6 tas-sess femminili. Minn dawn hemm 7 li kienu taħt it-18-il sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 165 persuna li ġew irrapurtati lill-Pulizija bħal nieqsa, li kollha ħlief 2 ġew accounted for.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn każi ta' qtil mhux solvuti illum? Kemm ilhom u liema huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każi ta` omiċidji jew imwiet taħt ċirkostanzi suspettużi li seħħew mill-1970 l`hawn u li dwarhom il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ, huma kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu persuni traġikament din is-sena? Kif mietu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-20 ta` Ottubru 2003 l-imwiet traġiċi irrapurtati lill-Pulizija kienu kif ġej:
Inċidenti tat-traffiku 14
Suwiċidji 13
Oħrajn 23
Jista' il-Ministru jgħid kif inhuwa klassifikat skond il-MEPA bini antik? Liema tip ta' bini antik ma' jista' jsirlu ebda tibdil? Liema tip ta' bini antik jista' jsirlu sogħol ta' twaqqigħ basta tinżamm il-faċċata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tikklassifika il-bini antik skond kriterji stabbiliti minn policy UCO 7 tal-Pjan ta' Struttura għall-Gżejjer Maltin (ippubblikat fl-1990) fejn propjeta' ta':
a) Grad 1 huma meqjusa bħala ta' importanza arkitettonika u storika fuq livell internazzjonali u nazzjonali, u li għandha tiġi kkonservata kollha kemm hi. Twaqqiegħ jew alterazzjonijiet mhux permessi. L-uniċi xogħolijiet permessi f' propjeta' ta' Grad 1 huma llimitat għar-restawr xjentifiku, u xogħolijiet oħra li jrendu l-bini abitabbli jew ta' użu kompattibbli.
b) Grad 2 huma dawk li għandhom xi valur arkitettoniku jew storiku u li huma ta' importanza lokali, jew li jikkontribbwixxu għad-dehra tal-Arja tal-Konservazzjoni Urbana. It-twaqqiegħ ta' propjetajiet ta' Grad 2 mhux normali li jiġi aċċettat. Alterazzjonijiet fuq ġewwa ta' dawn il-propjetajiet jistgħu jiġu aċċettati kemm il-darba l-proposta tkun sensittiva u toħloq l-inqas dannu għall-karattru arkitettoniku tal-propjeta'.
c) Grad 3 Bini li mhux ta’ importanza storika u ta’ ftit valur arkitettoniku. It-twaqqiegħ ta’ dawn il-binjiet jista’ jiġi aċċettat sakemm il-bini li jitla minn floku jkun ta’ disinn li jikkumplimenta il-bini ta’ madwaru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi fis-sena skolastika 2002/2003 sabiex studenti jitilqu mill-iskola qabel l-eta' ta' 16-il sena? Xi kriterju jintuża biex dan jiġi deċiż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 385 student li spiċċaw il-kors sekondarju u jkunu sabu xogħol ingħataw permess jaħdmu fis-sena skolastika 2002 - 2003, għalkemm kien fadlilhom ftit żmien biex jilħqu l-eta' ta' 16-il sena.
Ftit ferm każi kienu għal raġunijiet umanitarji.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mit-talba sabiex jitwessa Sqaq il-Mużew, f'Ħad Dingli, ħafna snin ilu ( WD1792/84)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara li d-Dipartiment tat-Toroq iċċekja l-file li rrefera għalih l-Onor. Interpellant irriżulta li kien hemm korrispondenza biex ħajt li kien hemm fl-imsemmi sqaq jitneħħa minħabba li seta jaqa. Jidher li dan il-ħajt fil-fatt kien issewwa u għalhekk ma kienx hemm għalfejn jitwaqqa. Ma jidhirx iżda li kien hemm talbiet għat-twessiegħ ta' din it-triq.
Kunsilli lokali — Ġbir ta' flus minn ħlasijiet ta' l-e-government
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-flus li l-kunsilli lokali ġabru bħala ħlasijiet mill-e-government? X'kien il-ftehim oriġinali? Jaf li l-intendiment bejn il-ministeru u l-kunsilli kien li l-flus jinżammu mill-kunsilli li fil-fatt hemm kunsilli li kienu diġa' kkommettew dan l-istess dħul?
Response (BORG, TONIO)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal dik il-parti ta` l-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali li tirrigwarda l-inizjattivi ta` l-eGovernment.
Din is-sena, il-Gvern permezz tal-eMalta Commission fi ħdan il-Ministeru għat-Teknoloġija ta` l-Informazzjoni u Investiment nieda diversi inizjattivi relatati mat-teknoloġija informatika. Fil-fatt matul din is-sena twaqqfu Internet Centres kif ukoll Public Internet Access Points madwar Malta kollha u dan biex jagħtu aċċess għall-Internet kif ukoll għas-servizzi tal-eGovernment għaċ-ċittadini kollha.
Bil-għan li jitkattar aktar it-tagħrif dwar l-Informazzjoni Teknoloġika tnieda wkoll il-MyWeb project li permezz tiegħu ingħataw numru ta` korsijiet b`xejn liċ-ċittadin. Dawn il-korsijiet kienu suċċess kbir u hemm il-ħsieb li jsiru aktar minnhom.
Dawn l-inizjattivi saru kollha bi spejjeż kbar u biex jittieħed l-aħjar valur possibli u jiġu ffrankati ħafna aktar spejjeż, il-flus ta` l-eGovernment ġew utilizzati mill-Gvern f`isem il-Kunsilli Lokali.
Madanakollu nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li l-Kunsilli xorta ser jingħataw dik il-parti ta` l-allokazzjoni li tirrigwarda l-iskema ta` ġbir ta` kirjiet tal-Gvern. Il-Kunsilli qegħdin jingħataw ukoll is-sussidji biex jagħmlu l-Website tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid liema dipartimenti tal-gvern ħarġu sejħiet għall-impjieg minn Jannar 2003 sal-lum? X'tip kien kull impjieg? Kemm f'kull każ applikaw nies u kemm ġew impjegati? Jista' jagħti l-istess tagħrif għall-koperazzjonijiet, aġenzija u kumpanniji li fihom il-gvern għandu sehem?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma lahaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-bord tad-diretturi tal-korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid x'renumerazzjoni u benefiċċji oħra għandhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li r-remunerazzjoni u l-benefiċċji li qed jirċievu l-Membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta huma kif ġej -
Onorarja Benefiċċji Oħra
Chairman
Mr. T Tabone Lm7000 (i) użu ta' karozza tal-Korporazzjoni
(ii) faċilitajiet tat-telefon
Deputy Chairman
Mr. G W Borg Lm1500 (i) Lm5 kuljum bħala 'Disturbance Allowance'
Diretturi-
Mr. J Borg Manduca Lm1500
Mr. E Cachia Caruana Lm1500
Dr. H Zahra Lm1500
Mr. A Abela Lm1500
Mr. R Soler Lm1500
Mr. A Ciantar Lm1500
Direttur Ħaddiem-
Mr. A Debono Lm1500 (i) Health Scheme Privata
Barra minn hekk il-Membri kollha tal-Bord huma nxurjati kontra l-inċidenti, etc. u anke għandhom 'Professional Indemnity Cover'.
Dipartiment ta' l-artijiet — Trasferimenti ta' artijiet
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1965, jista' il-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern sal-lum mill-proprjeta' trasferita (a) Manoel Island u Tigne' Point; (b) Cottonera; u (c) Ta' Pinto?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statement li juri kemm daħħal flus il-Gvern sal-lum mill-proprjeta` li ġiet trasferita għal proġetti ta` Manoel Island, Tigne` Point, Cottonera, u Pinto Wharf.
Possibbli jittieħdu passi biex titnaddaf u tigi żbarazzata trejqa li hemm ħdejn l-impjant tar-riċiklagg f'Wied il-Għajn (eżattament ħdejn il-bypass) għaliex din it-trejqa hemm karrijiet ta' dgħajjes mingħajr roti kif ukoll żjut u ħmieg ieħor?
Billi l-imbarazz f'dan il-post qed jiżdied tant li ftit żmien ilu xi ħadd ta' n-nar lil dan l-imbarazz u minħabba l-fatt li qed issir ħsara f'għelieqi tan-nies possibbli jittieħdu passi biex dan il-post ma jibqax jintuża bħala dumping site?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta' li jsir it-tindif u l-ġbir ta' l-iskart fiż-żona msemmija hija tal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn.
Jista' il-Ministru jgħid min ser ikun is-CEO il-ġdid tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada? Jista' jgħid x'inhu x'xogħol tal-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament? Kemm titħallas din il-persuna fis-siegħa mill-Fondazzjoni? Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallset fix-xahar mill-bidu ta' l-impjieg tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li il-Bord għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni fir-rigward tal-ħatra ta' CEO ġdid. Ir-rwol tal-persuna imsemmija hija ta' 'Management Consultant' u bħalissa qed tikkonċentra fuq ix-xogħol ta' project management fuq il-proġett ta' l-iskola Junior Lyceum Sir Adrian Dingli, Pembroke.
Fit-13 ta' Novembru, 2002, f'PQ 35951 tajt it-tagħrif mitlub fit-tielet parti tal-mistoqsija, jiġifieri, li dan il-konsulent jitħallas bir-rata ta' LM 10.00 is-siegħa eskluż il-VAT, l-istess rata stabbilita bl-approvazzjoni tal-Finanzi sa mill-1995 għal konsulenti ta' dan it-tip f'dan il-Ministeru.
Mill-bidu ta' l-ingaġġ tas-servizzi tiegħu f'Mejju 2001 dan il-konsulent ħadem medja ta' 140 siegħa fix-xahar.