Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tarzna — Baċir nru. 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li ntuża l-Baċir Nru. 1? Liema vapur kien fil-Baċir dak inhar? X'inhuma l-pjanijiet li ilhom jistennew aktar minn ħames snin, tal-gvern għall-area ta' madwar il-Baċir? Meta se jinbeda?

Response (GATT, AUSTIN)

L-aħħar vapur li ddaħħal fil-Baċir Numru 1 kien il-'Karwela' f'April tal-2001. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30.

Bormla — Proġett ta' pjazza Sta. Margerita

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-pjan tal-gvern ta' aktar minn tmien snin, rigward il-proġett ta' Pjazza Sta. Margerita f'Bormla? X'qed iżomm lill-gvern li dan il-proġett jinbeda?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta' din in-natura jiġu nklużi fi programm ta' riabilitazzjoni skond il-prijoritajiet.

Bormla — Proġett fi pjazza P. Vassallo

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnu l-proġett li suppost sar fi pjazza P. Vassallo, f'Bormla? Jekk il-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera għad għandu l-ħsieb li jsir, jista' jgħid meta se jinbeda dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta' din in-natura jiġu nklużi fi programm ta' riabilitazzjoni skond il-prijoritajiet
Leg 10 PQ #2208 Sitting 48 2003-10-28 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Leg 10 PQ #2279 Sitting 48 2003-10-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Taħdidiet mal-Libja dwar żvilupp tal-continental shelf

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta mistennija jsiru t-taħdidiet mal-Libja dwar l-iżvilupp tal-continental shelf?

Response (BORG, JOE)

Il-Gvern Malti qed jikkunsidra l-possibiltajiet f'dan ir-rigward mal-Libja.
Leg 10 PQ #2280 Sitting 48 2003-10-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Żjara tal-Prim Ministru Malti f'Washington

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-ambaxxata Maltija f'Washington kompliet iżżomm taħdidiet ma' personalitajiet u senaturi Amerikani bil-għan li tkun tista' tiġi ffissata data għal żjara tal-Prim Ministru f'Washington ħalli jkun jista' jiltaqa' mal-President Amerikan Bush?

Response (BORG, JOE)

Iva, nikkonferma li l-Ambaxxata Maltija f'Washington għamlet u qiegħda tagħmel ħilitha kollha sabiex tkun tista' tiġi ffissata data, li tkun konvenjenti għaż-żewġ naħat, meta l-Prim Ministru Malti jkollu laqgħa mal-President Amerikan George Bush.
Leg 10 PQ #2281 Sitting 48 2003-10-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ġnus Magħquda — Riżoluzzjonijiet tal-kumitati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm u liema kienu r-riżoluzzjonijiet tal-kumitati tal-Ġnus Magħquda li ġew co-sponsored minn Malta?

Response (BORG, JOE)

Billi il-co-sponsorships tar-reżoluzzjonijiet isiru matul iż-żmien kollu li fiha tiltaqa' l-Assemblea Ġenerali jiġifieri bejn Settembru u Diċembru ta' kull sena nixtieq nistieden lill-Onorevoli Interpellant jerġa' jitlob din l-informazzjoni f'Jannar li ġej meta nkun nista' nagħti informazzjoni kompleta dwar ir-riżoluzzjonijiet li jkunu ġew addotati tul it-58 sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali.
Leg 10 PQ #2282 Sitting 48 2003-10-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Segretarjat tal-Kunsill ta' l-Ewropa — Eżami ta' staff members

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti li qagħdu għall-eżami ta' staff members fis-segretarjat tal-Kunsill ta' l-Ewropa? Kemm minnhom għaddew? Kemm minnhom se jiġu ngaġġati?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill tal-Ewropa minn żmien għal żmien jorganiżża eżamijiet fl-iStati Membri biex jimpjega staff members biex iservu fl-uffiċċju tas-Segretarjat tal-Kunsill fi Strasbourg. L-eżamijiet jiġu organiżżati mill-Kunsill stess. L-unika għajnuna li l-Kunsill jitlob mill-istat fejn ikunu se jsiru l-eżamijiet hija li l-istat jgħin biex tingħata pubbliċita għal dawn l-eżamijiet. F'Jannar ta' l-2002 il-Kunsill ħareġ Vacancy Notice li permezz tagħha nforma li eżami kompetittiv biex jiġu ngaġġati persuni ta' nazzjonalita' Maltija għall-postijiet amministrattivi fis-Segretarjat tal-Kunsill fi Strasbourg kien se jiġi organiżżat f'Malta. Fi Frar ta' 2002 l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin permezz tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni ħareġ press release jinforma lill-pubbliku Malti b'dan l-eżami. L-eżami sar fil-Hotel Pheonicia fit-30 ta' Settembru tal-2002 taħt is-superviżżjoni ta' l-uffiċċjali tal-Kunsill ta' l-Ewropa biss. Meta l-Kunsill ta' l-Ewropa ġie kkuntattjat mill-Ambaxxata ta' Malta fi Strasbourg dwar dan l-eżami l-unika informazzjoni li l-Kunsill kien lest jagħti hija din: Il-kandidati li kellhom suċċess f'dan l-eżami kienu sebgħa. Ma nagħtatx informazzjoni dwar minn kienu dawn il-kandidati. Waħda minn dawn il-kandidati ġiet offerta impieg. Din ma kienetx f'pożizzjoni li taċċetta dan l-impjieg minħabba impenji ta' studju. Fil-futur qarib se ssir offerta oħra lill-kandidat ieħor jew kandidata oħra li għaddiet mill-eżami. Il-Kunsill għandu jinforma lill-Gvern Malti meta jiġi ngaġġat xi wieħed jew waħda minn dawn il-kandidati.

Bdiewa — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu megħjuna l-bdiewa f'Tal-Ħandaq u fl-area tal-Wied il-Kbir biex għallinqas jiġu msewwija t-toroq li jgħaddu għall-għelieqi tagħhom, bħal Sqaq il-Ħarrub?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li għalkemm inġabret l-informazzjoni fuq it-toroq ta’ bdiewa li ġarrbu ħsarat bil-maltempati ta’ Settembru li għadda, għadu kmieni wisq biex wieħed jagħti risposta.

Karozzi abbandunati — Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitneħħew il-karozzi li issa ilhom żmien esaġerat abbandunati fi Triq Valletta, faċċata ta' Triq in-Nassab, Ħal Qormi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi żewġ vetturi li rriżulta li kienu abbandunati fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant, issa tneħħew.

Ħal Qormi — Problemi ta' għarar - Rapporti

Question

Wara li ġie rrapportat li se jsir studju dwar l-ilma tax-xita u li dan l-aħħar ikkawża għargħar kbar f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudju li kien intqal li sar mill-Ministru Censu Galea fil-leġislatura l-oħra hux se jingħata konsiderazzjoni? Jista' l-Ministru jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra (mhux pjanta biss, iżda l-istudju kollu)? Kemm huwa ppjanat li se jdum l-istudju li ssemma dan l-aħħar biex isir? X'passi se jiehu l-Gvern fl-immedjat biex il-widien f'Ħal Qormi jkunu jistgħu jilqgħu l-ilmijiet tax-xita mingħajr problemi li jikkawżaw ħsarat kbar u riskji enormi għal ħajjet in-nies?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għal dawk li huma passi mmedjati, diversi Dipartimenti fi ħdan il-Ministeru diġa' għamlu ħafna xogħol u għadhom għaddejjin b'diversi xogħlijiet biex jissewwew il-ħsarat li ġew ikkaġunati mill-għargħar tal-15 ta' Settembru li għadda. Reġgħu nbnew diversi ħitan li waqgħu u sar ħafna xogħol ta' tindif kemm ta' widien, inkluż dak ta' Ħal Qormi li tnaddaf mill-ingombru u materjal ieħor li nġabar fih, kif ukoll f'diversi nħawi ta' Malta. Biex jiġi evitat kemm jista' jkun li jkollna ħsarat kif rajna dan l-aħħar, kull darba li jkollna għargħar bħal dawk ta' Settembru li għadda, hemm bżonn li wieħed jara x' inhuma x-xogħlijiet infrastrutturali li jeħtieġ li jsiru fuq perjodu ta' tul kif ukoll il-ħidma li trid issir matul is-sena kollha fuq bażi regolari, f'dawk l-inħawi li jgħaddi ħafna ilma minnhom, l-aktar il-widien. Għal dan il-għan, il-Marine Section fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tiġi riorganiżżata biex tassumi wkoll ir-responsabbilta' tal-immaniġġar ta' l-ilma tax-xita. L-ewwel inkarigu huwa li jsir programm ta' xogħlijiet li jridu jitwettqu fit-tlett xhur li ġejjien. Fl-istess ħin, din it-Taqsima qed tħejji rapport dwar dawk it-xogħlijiet li jridu jsiru fil-futur. Diġa' sar eżerċizzju li fih ġew identifikati dawk l-inħawi li ġarrbu ħsarat f'Settembru li għadda. Issa jrid jiġi ppjanat x'inhuma x-xogħlijiet meħtieġa biex ċerti problemi li ġew identifikati u li jeħtieġu xogħlijiet fit-tul, jiġu ndirizzati. Rigward ir-rapport imsemmi mill-Onor. Membru nitlobha tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Ħal Qormi — Problema ta' għarar - Għajnuna

Question

Jista' l-Onor Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jagħti għajnuna lill-familji vittmi ta' l-għargħar li tilfu kważi kollox minn darhom f'Ħal Qormi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2135 f’din l-istess Seduta.

Ħal Qormi — Negozji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jgħin lil dawk in-negozji f'Ħal Qormi li tilfu b'eluf kbar ta' liri minħabba li ntlaqtu mill-għargħar?

Response (DALLI, JOHN)

Billi ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet b'mod superfiċjali jew populisti, nixtieq inkun naf x'tip ta' negozju qegħda tirreferi għalih l-Onorevoli Membru, x'tip ta' ħsara u jekk din il-ħsara setgħatx ġiet inxurjata.

Kunsilli lokali — Rapporti dwar ħsarat

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi rapporti lill-ministeru tiegħu minn kunsilli lokali dwar id-diversi ħsarat li saru fil-lokalita' tagħhom? Kien hemm xi talbiet għal għajnuna biex jissewwew il-ħsarat? Xi ħsarat kienu? Jista' jgħid liema huma l-kunsilli li għamlu dawn ir-rapporti u jagħti dettalji dwar kull talba? Xi tweġiba kien hemm tal-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal ħsarat li ġraw fil-maltempata tal-15 ta` Settembru 2003 u għalhekk nirreferih għar-risposta li tajt għad-domanda parlamentari nru. 1707. Wara li ngħatat dik it-tweġiba, l-uffiċċju tal-Prim Ministru talab lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali informazzjoni mill-Kunsilli Lokali dwar ħsarat rapportati lill-Kunsilli. Il-lista tal-ħsarat fil-lokalitajiet li l-Kunsill Lokali bagħat informazzjoni dwarhom hi dik li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kalaxlokk Construction Ltd. — Self mill-banek

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu s-self li l-Kalaxlokk Construction Ltd. għandha mal-HSBC, Bank of Valletta jew xi bank ieħor lokali u/jew barrani? Kemm kien l-istess self fl-2001, fl-2002 u fl-2003? Kemm tħallsu interessi fl-2001, fl-2002 u fl-2003?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ma kien hemm ebda self minn ebda bank fis-snin imsemmija.

WSC — Self mill-banek

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu s-self li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għandha mal-HSBC, Bank of Valletta jew xi bank ieħor lokali u/jew barrani? Kemm kien l-istess self fl-2001, fl-2002 u fl-2003? Kemm tħallsu interessi fl-2001, fl-2002 u fl-2003?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.