Jistaż il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2315 u cioe' jgħid kemm hu s-self li l-Gozo Ferries għandha mal-HSBC, Bank of Valletta jew xi bank ieħor lokali u/jew barrani? Kemm kien l-istess self fl-2001, fl-2002 u fl-2003? Kemm tħallsu interessi fl-2001, fl-2002 u fl-2003?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandna b'kollox irziezet tal-ħut u tat-tonn fil-baħar tal-gżejjer tagħna? X'tip ta' ħut ikabbru/iżommu fihom f'kull każ? Kemm ilhojm jaħdmu? Minn kemm ilhom jaħdmu kemm issottomettew rapporti dwar l-impatt ambjentali tagħhom u xi kkonkludew dawn ir-rapporti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li fl-ibħra Maltin jeżistu ħames liċenzji għall-attivita` tat-tkabbir tat-tonn. L-iktar waħda li ilha taħdem bdiet fis-sena 2000. Minn dawn waħda mill-kumpaniji għadha qatt ma ħadmet minkejja li kellha permess għall-dawn l-aħħar sentejn. L-ispeċi tat-tonn li titkabbar hija Thunnus thynnus. Jeżistu kumpaniji oħra li jrabbu speċi oħra ta' ħut iżda dawn m' għandhomx x' jaqsmu mal-kumpaniji tat-trobbija tat-tonn.
Għandna sitt kumpanniji oħra li huma lliċenzjati biex irabbu l-ispnott u l-awrat. Minn dawn is-sitta, tnejn joperaw fuq l-art, iżda fil-preżent m’ humiex jaħdmu. Mill-erbgħa l-oħra li jinsabu fil-baħar, tnejn m’ humiex jipproduċu fil-preżent. Kumpanija minn dawn l-erbgħa li hija operattiva tipproduċi fuq tlett siti differenti. Dawn kollha ġew illiċenzjati fis snin bejn l-1990 u l-1995.
Kull kumpanija għandha pjan ta' studju ambjentali li kien ġie miftiehem mal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u eżegwit minn tekniċi u esperti approvati. Il-frekwenza ta' dawn l-istudji u rapporti tvarja skond liema aspett, ilma jew qiegħ ikun studjat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk humiex qed isiru tħejjijiet biex Malta tieħu sehem deċiżiv fil-programm ġdid New Neighbourhood Instrument propost mill-Kummisjoni Ewropea għall-punent tal-Mediterran li fih qed jiġi propost li jieħdu sehem Malta, l-Italja, Franza, Spanja, l-Portugall, ir-Renju Unit, il-Marokk, l-Alġerija u t-Tunesija? X'tip ta' inizjattivi qed jiġu studjati biex jiġu mressqa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-“New Neighbourhood Instrument” għadu biss proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-ewwel ta’ Lulju ta’ din is-sena jismu “Paving the way for a New Neighbourhood Instrument”. Malta taqbel ma’ din il-proposta u qed tipparteċipa fit-taħdidiet li qed isiru dwar din il-Komunikazzjoni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ħidma qed issir biex Malta tieħu sehem fil-programm Archimed fil-qafas ta' New Nieghbourhood Instrument propost lil Kummisjoni Ewropea għal sehem minn Malta, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, it-Turkija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Libanu, is-Sirja, il-palestina u l-Ġordan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-programm “Archimed” huwa programm fil-qafas ta’ l-inizjattiva komunitarja “Interreg III” u mhux fil-qafas tan-“New Neighbourhood Instrument”. Dan ta’ l-aħħar għadu biss proposta tal-Kummissjoni.
Malta se tipparteċipa f’“Archimed” meta l-programm jiġi emendat mill-Awtorità ta’ Ġestjoni ta’ l-“Archimed” u approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk, l-Awtorità ta’ Ġestjoni qiegħda taħdem ma l-Awtoritajiet Maltin u “partners” oħra biex tikkonkludi l-programm il-ġdid ta’ l-“Archimed” fi żmien qasir.
Peress li fil-jiem li għaddew kien hemm studenti tal-MCAST li ma kellhomx lezzjonijiet f'għadd ta' suġġetti fil-kors li qed isegwu, jista' il-Ministru jgħid istitut b'istitut, suġġett b'suġġett fejn hemm għalliema nieqsa u x'passi qed jittieħdu biex jiġu reklutati dawn l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li il-biċċa l-kbira ta' lezzjonijiet f'għadd ta' suġġetti, kollha intlew u dawk li għadhom qegħdin jintlew huwa dovut għall-fatt li:
1. Uħud minn dawk li ġew imsejħa biex jgħallmu, irrifjutaw l-appointment; kien hemm xi każi fejn irriżenjaw ftit wara li bdew.
2. Kien hemm żieda sostanzjali fin-numru ta' għalliema li l-Kulleġġ kellu bżonn għas-sena akkademika 2003-2004.
3. Din is-sena il-Kulleġġ żied 3 istituti ġodda u għalhekk l-ammonti ta' sejħiet kienu sostanzjali.
4. Kien hemm ukoll dewmien relatat m'approvazzjoni ta' għalliema li ġew 'On Attachment' minn xi dipartiment/dipartimenti tal-Gvern.
L-għalliema nieqsa li għad fadal huwa kif jidher fit-tagħrif li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ — Korsijiet tal-kompjuter
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm matul din is-sena l-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ organizzat korsijiet fil-qasam tal-kompjuter? Jista jgħid kemm minn dawn il-korsijiet saru ma' ċentri privati? Liema korsijiet saru u ma' liema ċentri privati? Kemm ħadu sehem f'dawn il-korsijiet u kif intagħżlu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom is-servizz tal-home help u minn liema lokalita' huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm 3,612 household li tirċievi s-servizz tal-Home Help.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-swali ġewwa St Vincent De Paule li talbu li ssirilhom maintenance tas-sala u x'kienet ir-risposta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li talbiet biex isir xogħol ta’ maintenance fis-swali fir-Residenza San Vinċenz de Paule jsiru regolarment u kull talba tiġi kkunsidrata fuq il-merti tagħha u l-urġenza tax-xogħol meħtieġ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu ġewwa id-djar ta' l-anzjani u x'inhuwa l-grad tagħhom, kemm hemm persuni li huma bil-kuntratt, x'inhuwa xogħolhom u kemm jitħallsu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija. Ninsab infurmat li fid-Djar ta’ l-Anzjani m’hemmx impjegati fuq kuntratt..
Jista' il-Ministru jinforma bil-miktub lill-persuna b'diżabilita' li d-dettalji tagħha jidhru separatament għaliex mhux tieħu l-full amount tal-Benefiċċju Soċjali bħala Boarded out?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Jista' il-Ministru flimkien mal-Ministeru tal-Politika Soċjali jinvestiga il-każ ta' 37 refuġjat li għandhom temporary humanitarian protection 387/02 li allegatament joqogħdu f'ħamest ikmamar fl-indirizz li qed nibgħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Skond ir-records ta` l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati, il-każ numru 387/02 jirrigwarda familja ta` sitt persuni (missier, omm, tifla u tliet subien).
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati ma jkunx involut fil-ħidma dwar fejn imorru jgħixu l-persuni rikonoxxuti bħala refuġjati jew persuni li jingħataw protezzjoni umanitarja temporanja.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni aktar speċifika dwar dan il-każ nitolbu jgħaddihieli anki b`mod kunfidenzjali.
Peress li ġie rapputat li l-Prim Ministru talab lill-Prim Ministru Libjan biex Malta tibqa tixtri żejt bi prezz imraħħas, jista' il-Prim Ministru jgħid, x'kienet ir-rsiposta tal-Prim Ministru Libjan, u jekk il-ftehim li jeżisti bejn Malta u l-Libja dwar xiri ta' żejt mil-Libja bi prezz inqas minn dak tas-suq għadux in vigore?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-ftehim dwar iż-żejt li jinxtara mill-Libja bl-orħos prezz tas-suq għadu jgħodd u mistenni li jiġi mġedded.
Produtturi tat-tadam — Bdiewa li jissuplixxu t-tadam
Question
Tista' jekk jogħġbok għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sax-xahar ta' Settembru) tagħti din l-informazzjoni fir-rigward tal-produtturi tat-tadam u tal-bdiewa u jissuplixxuhom bit tadam ta' Malta: i) Is-Sussidju mogħti mill-Gvern għall kull kilo ta' tadam lokali - lill-bdiewa - lill-produtturi, ii) Il-prezz imħallas għal kull kilo ta' tadam mill-produtturi lill-bdiewa, iii) It-total ta' ħlasijiet li saru f'kull sena mill Gvern - lill-bdiewa - lill-produtturi, iii) Il-prezz tal-prodotti ta' tadam proċessat f'Malta lill-konsumaturi matul is-snin imsemmija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qiegħed nassumi li bil-kelma "produttur" l-Onor. Interpellant irid ifisser "proċessur".
L-informazzjoni mitluba tinstab fit-Tabella annotata li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-prezzijiet tal-prodotti ta' tadam proċessat lill-konsumatur, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat billi l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma jżommx statistika ta' din ix-xorta.
B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari numri 2079 u 2238 fejn it-tnejn wieġbu biex ''il-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat'' u wara li l-istaff tal-parlament ipporva jistabilixxi liema Ministeru għandu jwieġeb din il-mistoqsija, u dan b'eżitu negattiv, u billi ma jidhirx li l-Ministeri l-oħrajn kollha jistgħu jwieġbu din il-mistoqsija minħabba x-xorta tad-dikasteru tagħhom, jista' il-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2238?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li kif l-“Environment Impact Assessment” dwar iż-żewġ siti li jistgħu isiru “engineered landfills” proposti ikun lest, tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li zoni ta' parkeġġ pubbliku (car parks) jiġu devoluti lill-kunsilli lokali bil-għan li ssir regolamentazzjoni dwar l-użu ta' dawn l-artijiet pubbliċi kif ukoll fir-rigward tat-tariffi li jitħallsu mis-sidien tal-vetturi lill-car park attendants li mhux dejjem wiehed jista' jagħmel distinzjoni bejn dawk li huma liċenzjati bħala car park attendants u dawk li m’humiex ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-regolamentazzjoni taż-żoni tal-parkeġġ u tal-Car Park Attendants hija funzjoni ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta. Għaldaqstant l-Awtorita' qed taħdem ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli bil-għan li dawn il-parkeġġi jkunu regolariżżati.
Infurmat ukoll, li diġa ngħata taħriġ lill-Car Park Attendants liċenzjati mill-Awtorita', fejn ġew spjegati r-regolamenti li għandhom josservaw, l-uniformi li għandha tintlibes u ngħatat ukoll it-Tag il-ġdida maħruġa mil-istess Awtorita', li diġa bdew jintlibsu mill-Car Park Attendants liċenzjati.
Proposti dwar l-immaniġjar ta' dawn iż-żoni qed jiġu diskussi ma l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u qed jiġu kkunsidrati l-aspetti legali w amministrattivi kollha li dan il-pass ikun jimplika.
Jista’ l-Ministru jgħid f’għaxar snin ta’ kunsilli lokali, jiġifieri mill-1993 sal-lum, kemm- il persuna (u mhux kemm-il nominazzjoni intefgħet) ikkontestat l-elezzjonijiet lokali? Jista’ wkoll jingħata rendikont ta’ kemm minn dawn kienu nisa u rġiel u kemm kien hemm żgħażagħ u anzjani? Kemm-il persuna kkontestat aktar minn darba? Jista’ l-Ministru jagħti r-rendikont lokal b’lokal?
Response (BORG, TONIO)
Peress li din il-materja tikkonċerna l-Uffiċċju Elettorali nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.