Pulizija — Każi dwar minorenni mressqa quddiem il-qorti
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu minorenni l-qorti din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena tressqu 47 persuna taħt is-sittax-il sena l-Qorti. Ir-reati li dwarhom kienu akkużati kienu jinkludu:
Ħebb/theddid/feriti fuq il-persuna
Ksur ta` bon ordni
Ma obdiex ordnijiet leġittimi
Serq
Pussess ta` arma taqta` u bil-ponta
Pussess ta` droga
Użu hażin tat-telefon
Ksur tar-Regolamenti tat-traffiku
Ksur tar-Regolamenti dwar il-kaċċa
Offiża fuq il-pudur
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' permessi u kunses jenħtieġu dawk li jkunu se jiftħu ħwienet: (a) tax-xorb; (b) ta' l-ikel (take-away/restaurants); u (c) tal-laħam?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawk li jkunu ser jiftħu ħwienet tal-laħam, dawn jeħtieġu l-permessi mill-MEPA u d-Dipartiment tas-Saħħa.
Fir-rigward ta’ ħwienet tax-xorb u ta' l-ikel il-mistoqsija trid tiġi riferuta lill-M.T.A.
WTO — Laqgħat f'Cancun li attenda għalihom il-Gvern Malti
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1731, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hi t-tariffa u d-dazju fuq il-prodotti in kwestjoni ġaladarba l-Unjoni Ewropea mhux se tneħħi dawn il-kontrolli wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea f'Mejju 2004?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kategoriji ta' prodotti msemmija fill-mistoqsija parlamentari 1731, jiġifieri vegetable oils and fats, ikopru numru estensiv ta' prodotti differenti. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li informazzjoni dettaljata fuq id-dazji li jitħallsu fuq dawn il-prodotti mpurtati fl-Unjoni Ewropeja tinstab fit-TARIC li hija aċċessibbli mill-Website http://europa.eu.int/comm/taxation_customs/databases/taric_en.htm
WTO — Laqgħat f'Cancun li attenda għalihom il-Gvern Malti
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1732, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hi t-tariffa u d-dazju fuq il-prodott inkwestjoni ġaladarba l-Unjoni Ewropea mhux se tneħħi dawn il-kontrolli wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea f'Mejju 2004?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kategoriji ta’ prodotti msemmija fill-mistoqsija parlamentari 1732, jiġifieri vegetables and fruits, ikopru numru estensiv ta’ prodotti differenti. Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li informazzjoni dettaljata fuq id-dazji li jitħallsu fuq dawn il-prodotti impurtati fl-Unjoni Ewropeja tinstab fit-TARIC li hija accessibli mill-Website http://europa.eu.int/comm/taxation_customs/databases/taric_en.htm
Qtugħ fis-servizz tat-telefon waqt xogħlijiet mill-kuntratturi
Question
Mill-1 ta' Jannar 2003, jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba kellu jinqata' is-servizz tat-telefon minħabba xogħlijiet li kienu qed isiru minn xi kuntrattur? F'liema inħawi ta' Malta u Għawdex? Kemm dam kull qtugħ? Jista' jgħid ukoll min kien il-kuntrattur responsabbli f'kull każ? X'passi ttieħdu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.1130.
Jista' il-Ministru jara li ssir spezzjoni fil-Wied tal-Ħemsija bejn ir-Rabat, l-Imtarfa u Ħ'Attard, mid-dipartiment tal-biedja ħalli wara jiġi rrapportat lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jitnaddaf dan il-wied?
Billi fil-preżent il-ħmieġ li jinsab fil-wied in kwestjoni qed jikkawża problemi lill-bdiewa fl-inħawi, jista' jara li l-każ jiġi trattat b'urġenza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Saret spezzjoni minn uffiċjal tad-Dipartiment ta’ l_Agrikultura u jien infurmat li diġa sar xi xogħol ta’ tindif tal-wied fuq in-naħa tal-Infetti. Se jittieħdu passi neċessarji mal-Ministeru kkonċernat biex Wied Ħemsija jiġi inkluż max-xogħolijiet oħra ta’ tindif tal-widien.
Jikkonferma l-Ministru jew jiċħad li tħallas sussidju ta' flus fuq 7,000 kilo tadam għall-iproċessar lill-bdiewa unknown?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li kull sussidju tħallas wara li awdituri privati ċċertifikaw li l-bdiewa kienu rreġistrati u t-tadam li nxtara mill-proċessuri kien fil-fatt ipproċessat.
Jirriżultalu l-Ministru li bdiewa li ma mlewx il-formolarju neċessarju għas-sussidju tat-tadam għall-iproċessar tħallsu xorta waħda minkejja li nkisret din il-kondizzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Ministeru tal-Biedja w Sajd kien qabbad awdituri privati biex jiċċekkjaw il-proċeduri kollha kkonċernati mal-ħlas ta' dan is-sussidju. Fejn il-Ministeru ma kienx sodisfatt dwar id-dokumentazzjoni, dawn l-awdituri intalbu speċifikament biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa u biex jiċċertifikaw li din l-informazzjoni, li fuqha jinħadem is-sussidju, kienet korretta. Kien biss meta l-Ministeru kien sodisfatt dwar dan li l-ħlas tas-sussidju ġie approvat.
Fejn wasal il-proċess ta' l-għażla ta' l-għalliema għall-ICT fl-iskejjel? Kemm minnhom ġew intervistati? Kemm minnhom intagħżlu? Kif intagħżlu? Jirriżulta li kien hemm għalliema li ntervistaw għalliema oħra u spiċċaw intagħżlu dawn li intervistaw lill-għalliema oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Nifhem li l-Onor. Membru qed jirreferi għal għalliema tal-Information Technology (I.T.):
Ġejt informat li:-
1. Il-proċess ta' l-għażla għall-għalliema intemm fid-29 ta' Awissu 2003.
2. Applikaw 23 kandidat li 5 minnhom kienu ineliġibbli. Mit-18 li ġew intervistati, għaddew 16. Dawn intgħażlu permezz ta' Selection Board tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li fuqu ma kien hemm ebda għalliem. Il-bord kien kompost minn Education Officer, Subject Co-Ordinator, u rappreżentant ta' l-MPO.
Informat ukoll li it-tagħrif dwar għalliema tal-Computer Studies hu kif ġej:-
1. Il-proċess ta' l-għażla għall-għalliema intemm fl-1 ta' Awissu 2003.
2. Applikaw 8 kandidati li 5 minnhom kienu ineliġibbli. It-3 li ġew intervistati għaddew kollha. Dawn intgħażlu permezz ta' Selection Board tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li fuqu ma kien hemm ebda għalliem. Il-bord kien kompost minn Education Officer, Subject Co-Ordinator u rappreżentant ta' l-MPO.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus fl-iskola FX Attard tal-Marsa biex tiddaħħal sistema tat-tisfija tal-arja biex tilqa' għall-effetti ħżiena tat-tniġġis mill-power station tal-Marsa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ix-xogħolijiet li saru fuq is-sistema tat-tisfija ta' l-arja ser jiswew LM 159,540.22
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li riħ li għamel dan l-aħħar tajjar għal ġol-bitħa tal-iskola FX Attard parti mis-sistema tat-tisfija tal-arja u ċnagen minn fuq il-bejt ftit wara li t-tfal daħlu lura mill-break?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultalix li xi ċnagen ittajjru minn fuq il-bejt ta' din l-iskola kif qed isaqsi l-Onor. Membru. Ġejt informat li waqt maltempata ta' riħ qawwi ħafna nhar l-24 ta' Ottubru 2003, parti żgħira mid-ducting tas-sistema ittajret fil-bitħa ta' l-iskola. Ittieħdu passi mill-ewwel mill-kuntrattur inkarigat mill-installazzjoni biex ma jkunx hemm periklu għall-istudenti u l-istaff ta' l-iskola, u immedjatament sar survey mill-enġinierresponsabbli mid-disinn tas-sistema. Fuq il-bejt kien qed isir xogħol ta' waterproofing
Jista' il-Ministru jgħid jekk kull darba li tagħmel ix-xita kienx qed jidħol ilma ġo l-iskola FX Attard għax din is-sistema tat-tsifija tal-arja ma twaħħlitx tajjeb?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultalix li xita li daħlet minn żewġ toqob fil-ħajt kienet ġejja mill-installazzjoni tal-purifikazzjoni ta' l-arja u lanqas jirriżulta li hemm xi difetti f'din l-installazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li mindu daħlet din is-sistema tat-tisfija tal-arja fl-iskola FX Attard u peress li ma ssaħħitx is-sistema tad-dawl fl-iskola, l-għalliema u l-istudenti spiċċaw li ma setgħux iħaddmu l-kompjuters u l-apparat tat-teknoloġija u spiċċaw bla lezzjonijiet fil-kompjuter, fil-craft u fit- teknoloġija? X'passi se jittieħdu biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadhom kif inbnew sub-station u switch room ġodda għal din l-iskola li fihom ġie nstallat switchgear ġdid. Dawn iservu wkoll għall-iskola primarja Lorenzo Balbi u l-iskola sekondarja Fra Diego Bonanno.
L-istallazzjonijiet ġodda ġewwa l-iskola huma lesti, u ġew iddisinjati sabiex ilaħħqu kemm mas-sistema l-ġdida tal-purifikazzjoni ta' l-arja u kemm mal-workshops u computer labs ġodda.
Dan ix-xogħol kollu sar għall-iskop li tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku kemm interna u wkoll tal-main supply.
Jonqos isir iċ-change-over mis-sistema l-qadima għas-sistema l-ġdida. Din hija imminenti li ssir mill-Enemalta Corporation. Kif titlesta din, is-saħħa ta' l-elettriku f'dan il-kumples ta' skejjel tiġi f'livell għoli ħafna u tkun tiflaħ għal aktar tkabbir fil-ġejjieni.
Sadanittant kien hemm xi qtugħ ta' l-elettriku f'parti mill-iskola li rriżulta li kien minn difett fil-main il-qadim. Dan ġie rranġat u s-sitwazjoni reġgħet ġiet għan-normal fi żmien qasir.
Skola FX Attard — Problemi - Sistema tat-Tisfija tal-arja
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga jekk kienx hemm nuqqasijiet kbar fit-twaħħil ta' din is-sistema tat-tisfija tal-arja fl-iskola FX Attard u jekk kien hemm, jittieħdu l-passi dwarhom? X'passi se jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirriżultax li hemm nuqqasijiet fl-installazzjoni tas-sistema imsemmija. Din is-sistema hija ibbażata fuq disinji skond il-prattika ta' l-inġinerija.
Kunsilli Lokali — Talbiet għall-ftuħ ta' day centres
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm huma u liema huma l-Kunsilli li għamlu talba għall-ftuħ ta' day centres għall-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm erba’ Kunsilli Lokali li qed jikkunsidraw il-possibbilta’ li jinfetaħ Day Centre għall-Anzjani ġdid fil-lokalita’ tagħhom. Dawn huma Marsa, Pieta’, Rabat u Santa Lucia.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qegħdin jingħataw flus f'sussidju għal djar ta' l-anzjani tal-privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-iskema ta’ sussidju fuq sodod fi djar privati għall-anzjani, l-ammont ta’ sussidju hu ta’ Lm150,000 fis-sena.
Bini ta' uffiċini ġodda tal-Kunsilli Lokali — Self ta' flus
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli li talbu li ssir laqgħa biex isir self ta' flus biex ikunu jistgħu jibnu uffiċini tal-kunsilli ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba numru 1165 fejn ġie indikat u spjegat il-proċess li għandu jiġi esegwit fil-każ ta` talba minn Kunsill Lokali għal self. Preżentement għad ma hemm ebda kunsill li qiegħed fl-aħħar fażi ta` dan.