Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2466 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx ingħatat għajnuna finanzjarja mid-Dipartment tal-Kultura, biex jittelgħu opri liriċi f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv kemm kien l-ammont ta' din l-għajnuna li d-dipartiment ta' liż-żewġ teatri tal-opra f'Għawdex, sena b'sena, fl-aħħar għaxar snin?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat illi bejn l-1990 u Frar 1998 il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni kien jipprovdi għal żewġ opri kull sena minn kull teatru :-
- spejjeż komuni bħal ikel u rqad f'Għawdex għal membri kollha ta' l-Orkestra;
- trasport għall-mużiċisti kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex;
- ħlas ta' noll tal-vapur.
Fi Frar 1998 kien hemm ftehim ġdid -
"Il-Gvern ikun lest meta jkun possibbli li jipprovdi trasport għall-mużiċisti kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex; f'kull każ iżda jħallas in-noll tal-vapur għall-imsemmija membri kollha ta' l-Orkestra għal ġranet tar-rappreżentazzjoni tal-opri u tad-"dress rehearsals"".
Kif ukoll "is-servizz ta' l-Orkestra Nazzjonali komposta mill-elementi kollha tagħha u li fil-present hija ta' 35 membru jingħata b'xejn sa' massimu ta' żewġ rappreżentazzjonijiet ta' opri liriċi f'kull wieħed mit-teatri ta' l-opra Astra u Aurora kull sena għal tliet snin."
Fis-sentejn 2001-2002 il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni kien ta' is-somma ta' Lm 1,000 kull sena lil kull teatru.
Ninsab infurmat ukoll illi għal din is-sena ġiet imwiegħda għajnuna ta' Lm6,000 mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għall-opri Otello u l-Barbiere di Siviglia li qed jittellgħu tul dawn il-ġimgħat.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm kienu, sena b'sena, n-nollijiet tal-vapuri tal-Gozo Channel, għal-passiġġieri u l-karozzi separatament, mis-sena 1980 sal-lum? F'kull każ u fejn hu applikabbli, jista' il-Ministru jgħid kemm kienu n-nollijiet għar-residenti ta' Għawdex, Maltin u barranin?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Minstru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għas-servizz ta' inkontinenza mill-1 ta' Awwissu 2003 u mil-liema lokalita' huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm erba’ talbiet pendenti għas-servizz ta’ inkontinenza li huma dawk li daħlu mill-bidu ta’ Novembru 2003. Tnejn saru mill-lokalita’ ta’ Birkirkara, waħda mill-Furjana u oħra minn tas-Sliema.
Jista' il-Viċi Prim Ministru iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-social impact asessments li saru mill-gvern għal budgets 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u dak għal ta' l-2004 fir-rigward ta' dawk il-familji li jgħixu bil-minimum wage, bl-għajnuna soċjali, bil-benefiċċju tal-qgħad, pensjoni minima nazzjonali, pensjoni ta' l-invalidita', pensjoni tad-diżabilita' u dawk oħrajn li jaqgħu fil-faxxa t'isfel tas-soċjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif taf l-Onor. Interpellanti, iż-żieda għall-għoli tal- ħajja mħabbra fil-Budgets tkun stmata fuq l-indiċi tal-prezzijiet liema żieda tkun inkluża mal-minimum wage. Din iż-żieda tiġi wkoll riflessa fir-rati tal-benefiċċji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali skond kif provdut fl-Artikolu 90A ta’ l-istess Att.
Għal dak li jirrigwarda l-pensjonijiet imħallsa taħt l-imsemmi Att, minn din is-sena, tfassal indiċi ġdid għall-għoli tal-ħajja apposta għall-pensjonanti li jirrifletti l-infieq partikolari ta’ din il-kategorija. Minn Jannar ta’ din is-sena l-pensjonanti bdew jingħataw iż-żieda kollha li tirriżulta minn dan l-indiċi maħdum speċifikament għalihom u mhux żewġ terzi taż-żieda għall-għoli tal-ħajja skond l-indiċi ġenerali kif kien isir qabel.
Minn din is-sena wkoll ittieħdu diversi miżuri oħra biex itejbu l-ħajja ta’ dawk li l-aktar għandhom bżonn. Fost dawn ġew riveduti ‘fuq it-test tal-meżżi kapitali biex persuna tirċievi l-Għajnuna Soċjali, l-Għajnuna Medika u l-Pensjoni tal-Wens. Ġie rivedut wkoll it-test tal-meżżi għall-eliġibilita’ għall-Għajnuna Supplementari fil-każ ta’ koppja miżżewġa kif ukoll ir-rata tal-ħlas kemm għall-koppji miżżewġa kif ukoll għall-persuni weħidhom. Minn din is-sena wkoll żidna r-rata taċ-Children Allowance għal min għandu tlett itfal jew aktar. Dawn il-miżuri flimkien ma’ diversi oħrajn relatati mat-taxxa tad-dħul, ġew implimentati propju biex jgħinu lil dawk li jaqgħu fil-faxxa t’isfel fis-soċjeta’.
Jikkonsidra l-Ministru li l-familji li jgħixu bil-minimum wage, i.e. 2369, skond mistoqsija parlamentari 1896, huma parti mill-15% ta' ċittadini Maltin u Għawdxin li qegħdin fir-riskju tal-faqar? Jikkonsidra li l-1,487 ta' tfal fl-eta' tat-twelid sat-18-il sena li jgħixu f'familji b'income ta' minimum wage jagħmlu parti minn 20% ta' tfal bejn twelid u 15-il sena li huma fir-riskju tal-faqar skond l-istatistika mxandra ta' l-NSO?
Response (DALLI, JOHN)
It-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 1896 hi bażata fuq informazzjoni miġbura mill-Labour Force Survey (LFS) li sar f’ Marzu ta’ din is-sena. L-informazzjoni li kienet pubblikata fuq ir-riskju tal-faqar hi bażata fuq il-Household Budgetary Survey (HBS) li kien sar bejn l-2000 u 2001. Ta’ min jinnota li l-LFS jiġbor informazzjoni fuq dħul minn salarji biss waqt li l-HBS ġabar informazzjoni fuq id-dħul kollu regolari tal-familja, inkluż salarji. Għalhekk għal dawn ir-raġunijiet wieħed ma jistax jagħmel paragun dirett.
Biex wieħed jara familja hix fir-riskju ta’ faqar irid jara d-dħul kollu regolari tagħha, n-numru ta’ nies fil-familja u l-etajiet tagħhom. Id-dħul regolari jinkludi salarji wara tnaqqis ta’ taxxa u bolla, sussidji, dħul minn interessi, dividendi, kirjiet, u benefiċċji soċjali. Informazzjoni dettaljata ta’ kif inħadmet r-rata ta’ nies li huma f’ riskju ta’ faqar tinsab fil-pubblikazzjoni ‘Structural, Poverty and Social Exclusion Indicators’ li kienet maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika fl-2002.
Biex wieħed ikun jista’ iqabbel irid jassumi li
(a) d-dħul regolari tal-familji baqa’ fl-istess livell bħas-sena 2000 u li
(b) d-dħul regolari kollu ta’ dawn il-familji ġej mill-paga minima tal-kap tal-familja.
Jekk wieħed jassumi hekk allura jista’ jikkonkludi li jekk dawn in-nies jgħixu waħedhom u jaqilgħu l-paga minima huma ma jkunux f’riskju ta’ faqar. Jekk il-familja tkun magħmula minn żewġ persuni jew iżjed u d-dħul regolari kollu ta’ din il-familja jkun ġej mill-paga minima, il-persuni li jagħmlu parti minn din il-familja jkunu viċin jew f’ riskju ta’ faqar. Per eżempju jekk familja tkun magħmula minn persuna adulta u persuna li għandha inqas minn 14-il sena dawk in-nies ikunu viċin li jkunu f’riskju ta’ faqar. Jekk it-tieni persuna jkollha 14-il sena jew aktar dawk il-persuni jkunu f’riskju ta’ faqar. Familji li huma magħmula minn iżjed minn żewġ persuni u li d-dħul regolari tal-familja ġej mill-paga minima tal-kap tal-familja huma f’ riskju ta’ faqar. Dan li ġie spjegat hawn hu bbażat fuq sistema ta’ kalkulazzjoni li tinstab f’pagni 45 sa 47 tal-publikazzjoni ‘Structural, Poverty and Social Exclusion Indicators’: (http://www.nso.gov.mt/NSO%20indicators/NSO%20Structural%20Indicators.pdf )
L-istess kriterji japplikaw għal dawk l-1,487 tfal sat-18-il sena li jgħixu f’familji bi qliegħ ta’ minimum wage.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1896, jista' il-Ministru jispjega u jagħti dettalji u statistika għall-aħħar parti tat-tweġiba tiegħu li tgħid:-
"Naturalment fil-maġġoranza ta' dawn il-każi dan id-dħul hu supplimentat bi dħul ieħor kemm minn xogħol part-time u kemm minn benefiċċji soċjali?"
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn xi nżid fuq is-suġġett.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2297 tat-22/10/03 li t-tweġiba rriferiet il-mistoqsija lill-ministru konċernat u li tgħid:
"Jista' il-Minsitru jgħid meta se jitnaddaf il-Wied il-Kbir f'Ħal qormi mill-ġebel u t-terrapien li waqa' fih fil-maltemp tal-15/09/03? Jista' il-Ministru jinnota li f'partijiet sostanzjali minnu huwa mimli b'mod li jasal sal-livell tat-triq u li dan huwa ta' riskju kbir f'każ ta' maltemp li jista' jikkawża għargħar akbar minn dak li diġa' intlaqtu bih in-nies li joqogħdu f'areas ta' Wied iċ-Ċawsli, De La Cruz Avenue u l-madwar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għalkemm xi postijiet f'Wied il-Kbir imtlew bil-materjal, it-taħmil jista' joħloq problemi ta' għargħar aktar l-isfel fil-wied. Għalhekk l-intervent li huwa meħtieġ li jsir f'dan il-Wied, ma jistax jitqies bħala tindif ordinarju. Fil-fatt, ix-xogħol fuq dan il-wied ser isir ful-futur qarib skond pjan li qed jitħejja u li mistenni jkun finaliżżat fi żmien qasir.
Sadanittant qiegħed isir tindif ordinarju b'mod speċjali f'tarf il-widien sabiex l-ilma tax-xita jkun jista' jibqa sejjer ġol-baħar.
Jaf il-Ministru li l-pumping station ta' l-ilma f'Wied is-Sewda qed terġa' twaddab ilma barra fil-wied bil-konsegwenza li fi Triq il-Wied u fi Triq il-Blata Ħal Qormi l-ilma jibqa' għaddej għal ġranet sħaħ? Għaliex? X'qed jagħmel jew x'se jagħmel il-gvern biex dan l-inkonvenjent jieqaf?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Fid-dawl tad-dikjarazzjoni riċenti tas-sotto segretarju ta' l-istat Amerikan John Bolton dwar iċ-ċaħda ta' l-għajnuna lil dawk il-pajjiżi li jonqsu milli jiggarantixxu immunita liċ-ċittadini ta' l-Istati Uniti mill-prosekuzzjoni quddiem l-International Criminal Court permezz tal-hekk imsejħa article 98 - Exemption Agreement, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi rappreżentazzjonijiet ġodda lill-Gvern Malti minn dak Amerikan u jekk le, kienx hemm xi żviluppi oħrajn marbutin ma' dan il-każ? Min-naħa l-oħra fid-dawl tal-pressjoni li allegatament saret mill-UE fuq l-acceding countries, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi rappreżentazzjonijiet lill-Gvern Malti dwar dan il-każ mill-Kummissjoni Ewropea f'tali mod li tista' tinfluwenza id-deċiżjoni finali tal-Gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Ir-rapprezentazzjonijiet li saru mill-Gvern Amerikan lill-Gvern Malti rigwardanti l'hekk imsejjah Artiklu 98, jigifieri ftehim bejn iz-zewg Gvernijiet li jiggarantixxi immunita' lil cittadini Amerikani minn prosekuzzjoni quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, huma l-istess bhalma saru ma' Gvernijiet ohrajn madwar id-dinja sa nofs din is-sena, u ma saru ebda rapprezentazzjonijiet godda minn dakinhar u ma kien hemm l-ebda zviluppi ohra marbuta ma' dan il-kaz. F'din il-materja, il-Gvern Malti jaderixxi mal-linji gwida ta' l-Unjoni Ewropea, u ma hemm l-ebda htiega li ssir xi forma ta' pressjoni biex Malta tonora l-obbligi taghha internazzjonali f'dan ir-rigward.
Il-Gvern Malti addotta d-direttiva dwar privacy and electronic communications tal-UE li hija magħrufa aħjar bħala il-ban on spam directive? Għalkemm Malta mhijiex membru tal-OECD, ġiet mistiedna sabiex tattendi l-konferenza ta' Frar 2004 li se tiddiskuti l-koperazzjoni multilaterali fil-ġlieda kontra l-użu ta' l-ispam u l-cookies fuq il-web?
Response (GATT, AUSTIN)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Dwar it-tieni parti, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s'issa fil-Ministeru tiegħi għadha ma waslitx l-istedina għall-konferenza msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Ħaddiem li sofra minn inċident fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet ta' l-occupational health & safety authority dwar l-inċident li persuna - isimha qed jintbagħat separatament - kellu fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-Freeport fl-10 ta' Awissu, 2002 u li fih sofra diżabilita' permanenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol investigat il-każ li għamel referenża għalih l-Onor. Interpellant. Minn din l-investigazzjoni rriżultaw diverġenzi serji dwar l-inċident bejn kif rappurtat mill-impjegat konċernat u kif rappurtat mix-xhieda li raw l-inċident. Spezzjoni fuq il-vapur fejn seħħ l-inċident ma wrietx li kien hemm xi negliġenza minn naħa ta’ l-operaturi tal-vapur.
Ninsab infurmat ukoll li għall-finijiet ta’ l-Att dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol, l-Awtorita’ tikkunsidra l-investigazzi magħluqa.
Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jagħti l-prezz tal-prodotti ta' tadam proċessat f'Malta lill-konsumaturi għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sax-xahar ta' Settembru)?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni miġbura mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni dwar market leaders ta' prodotti tat-tadam proċessat lokalment, jidher li l-prezzijiet varjaw minn ħanut għal ieħor b'riżultat ta' kompetizzjoni fis-suq. Qed tiġi annessa tabella li turi l-varjazzjoni bejn l-irħas u l-ogħla prezz li bihom kienu qed jinbiegħu dawn il-prodotti bejn 1999 u Settembru 2003.
Jista' il-Ministru jara li t-tabelli li juru d-direzzjoni tat-traffiku u l-one ways fil-ġonna tal-Buskett jerġgħu jitwaħħlu peress li dawn tneħħew u qiegħed ikun hemm konfużjoni sħiħa tat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena tlabt lill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta tinvestiga l-ilment ta' l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jara li anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - u li ma għamilx donation minn fuq it-telephone tiegħu titħassarlu minn fuq il-kont tat-telefon peress li kull darba jgħidulu li se titħassar imma dejjem tidher mal-kont li jirċievi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-djar li l-okkupanti/sidien tagħhom jikkwalifikaw għall-għajnuna ta' l-awtorita' tad-djar u san sabiex jirranġaw jew iwettqu bdil strutturali fl-istess djar? Meta jridu jkunu nbnew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita’ tad-Djar tagħti sussidju taħt Skema Z, suġġett għall-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema li l-applikant irid jissodisfa, lil sidien biex jirranġaw djarhom jekk id-dar tkun imbniet mill-anqas tletin sena qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għall-irranġar u jekk il-valur tad-dar wara x-xogħol ma jeċċedix Lm40,000.
Jista' il-Ministru jivverifika fejn wasal il-proċess ta' l-applikazzjoni għall-proġett propost mill-Kapitlu l-Parroċċa tal-Katidral ta' Victoria, Għawdex? Jista' jivverifika jekk l-applikazzjoni saritx Malta flok Għawdex għax jitqies bħala major project? Jista' jgħid x'wassal biex imbagħad l-applikazzjoni terġa' issir f'Għawdex? Jista' jgħid jekk din l-applikazzjoni saritx fid-29 ta' Settembru 2003 (0584/03)? Jista' jgħid x'passi se tieħu issa l-MEPA biex tipproċessa l-applikazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-applikazzjoni PA 584/03 kkwotata fil-Mistoqsija hija għal "construction of 3 basement garages, class 4 shop, 2 maisonettes and 4 flats" u ġiet sottomessa fit-3 ta' Frar 2003. Il-proposta hija fuq sit fil-Mellieħa.
Jiena naħseb li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni PA 5484/03 u li kienet sottomessa fid-29 ta' Settembru 2003 għal "creation of stabilised slopes and car parking". f' sit ġewwa r-Raba ta' wara s-Sur, it-Telgħa tal-Belt, Rabat, Għawdex.
Sa issa din l-applikazzjoni għadha mhijiex validata peress li għadu ma ntbagħatx l-originali tal-“payment voucher” mill-applikant. Huwa għalhekk li teknikament jingħad li ma hemmx applikazzjoni. Għall-istess raġuni, fit-tweġiba għall-mistoqsija 2041 ingħad li għad ma hemmx applikazzjoni.