Kemm kien in-numru ta' rapporti li ressqu s-safety officers fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-gvern minn Jannar sal-lum? F’liema skejjel f'Malta u Għawdex separatament ? Kemm minnhom ġew milqugħa u saru x-xogħlijiet u f’liema skejjel u kemm għadhom pendenti u fliema skejjel ?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-Health and Safety Teachers fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Gvern, li, minbarra numru ta’ lezzjonijiet taghhom, ghandhom l-inkariku li jippromwovu l-elementi ta’ sahha u sigurta` fl-iskejjel, ressqu dawn it-talbiet :
Malta Għawdex
Primarji 66 11
Sekondarji 31 2
Informat ukoll li l-problemi indikati jiġu indirizzati fuq direzzjoni tal-Perit tad-Dipartiment. Uħud mix-xogħolijiet saru mis-sezzjoni tal-Maintenance tad-Diviżjoni, waqt li oħrajn jigu indirizzati mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Id-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni issegwi dan il-proċess li hu kontinwu.
Jista’ l-Ministru jaġġornani dwar it-talba tiegħi permezz ta' PQ 1450 rigward dawl adegwat fl-Mtarfa By Pass u dwar it-talba permezz ta' PQ 1449 sabiex tiddawwal it-triq prinċipali tal-Baħrija l/o Rabat? Jista’ l-Ministru jara li din it-talba li jien qed inressaq f’isem ir-residenti tiġi milqugħa bla aktar telf ta' żmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda tibdil minn meta tajt it-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 1450 u 1449 sal-lum.
Jista l-Ministru jinfurmani kemm swew ix-xogħlijiet li saru s’issa fil-by pass ta' l-Imtarfa? Kemm tħallsu f'pagamenti? Meta tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu ? Kemm huwa stmat li se jiswew ix-xogħlijiet li fadal f'din il-by pass ? Meta fil-fatt bdew ix-xogħlijiet u meta huwa maħsub li jiġu finalizzati ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Il-ħlasijiet qed isiru max-xogħol hekk kif kull biċċa mix-xogħol titlesta. L-ewwel fażi ta' dan il-proġett bdiet f'Awissu ta' l-1999 u x-xogħol kollu hu maħsub li jitlesta s-sena d-dieħla.
X'ġara mit-talbiet li l-kunsill lokali tar-Rabat ressaq lill-Ministeru u jew lid-Dipartimenti li jaqgħu taht il-Ministeru sabiex jiġu rranġati t-toroq partikolari fil-lokal ? Liema huma t-talbiet li tressqu, kemm ġew milqugħa u x’xogħlijiet saru fuqhom? Liema għadhom pendenti u liema ma ġewx milqugħa ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dan l-aħħar fir-Rabat saru Triq il-Mużew u Triq il-Wesa tal-Mużew kif ukoll saru Triq il-Kapella l-qadima, Triq il-Girna, Triq il-Qastan, N/S in Triq il-Lewż, Triq Patri Tumas u Triq Saverin Bianco fil-Baħrija.
Sar ukoll ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex dan jagħmel Triq il-Kulleġġ, Triq Santu Wistin, Triq Doni (l-qadima), Triq San Martin, Triq Emanuele Vitale, Triq il-Mitħna, Triq Bir ir-Riebu, Triq San Katald, Pjazza San Pawl u l-Museum Esplanade minn fondi tiegħu bil-patt li dawn l-ispejjeż jitħallsu lura mill-Awtorita' f'perjodu ta' tliet snin.
Fil-preżent l-Awtorita' dwar it-Trasport flimkien mal-Kunsill Lokali tar-Rabat identifikaw Triq l-Iskola, Triq tan-Namra u Triq Raddet ir-Roti li ġew inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq u x-xogħol fihom isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-faċilita' korrettiva ta' Kordina li huma inkwilini rikonoxxuti f'postijiet li s-sid tagħhom huwa l-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ebda Dipartiment jew entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma żżomm l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Priġunieri li għandhom applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin li għandhom applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? Minn liema lokalitajiet ġejjin u għal liema lokalitajiet qed juru preferenza/
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li dawk l-anzjani li qed jgħixu fid-djar ta' l-anzjani u li fl-istess ħin huma inkwilini rikonoxxuti fi proprjeta' tal-gvern, jeħdilhom il-fond tagħhom qabel ma jiġu nieqsa?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-djar ta' l-anzjani tal-gvern u anke fid-djar ta' l-anzjani tal-privat li ġew rakkomandati mill-gvern li huma inkwilini rikonoxxuti f'postijiet tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għandux perit biex jivverifika l-applikanti tad-dipartiment li qed jgħidu li l-fond fejn joqogħdu huwa sub-standard u/jew ikkundannat? Jekk fl-affermattiv, min hu l-perit? Meta sar il-kuntratt ta' impjieg mal-perit? X'inhi l-paga tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 2513 f’din l-istess Seduta.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-bejjiegħa tal-laħam qed jitħallew neqsin mill-majjal meta mbagħad qed jinbiegħ il-majjal lokali lill-meat processors li għandhom il-liċenzja li jimportaw minn barra?
Possibbli li l-ewwel priorita' tibda tingħata lill-bejjiegħa tal-laħam, l-aktar li issa qed joqorbu l-festi tal-Milied u d-domanda għall-majjal tikber?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li t-tqassim tal-majjal huwa skond arranġament li ilu jiġi segwit għal ħafna snin, fejn il-ko-operattiva tagħti kwota regolari ta’ laħam frisk lid-distributuri. Din il-kwota ma ġietx imnaqqsa. Minn barra s-sors dirett mill-biċċerija, tal-ħwienet jixtru wkoll mingħand il-proċessuri.
Hija wkoll regola ġenerali li ftit ġimgħat qabel il-festi, il-kwota mill-biċċerija għal tal-ħanut tiżdied b’ xi 150 majjal.
Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tieħu passi mmedjati biex jinbidel arblu li jinsab ħdejn farmhouse - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - għaliex dan hu perikoluż u qed iżomm permezz ta' biċċiet ta' ħadid u injam li ġew imsammra minn residenti biex ma jaqax?
Billi dan l-arblu ilu jiġi rapportat ħafna u baqgħu ma ttieħdux passi, possibbli jsir xi ħaġa qabel jaqa' fuq xi ħadd?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-intervista tal-Ministru li dehret fuq il-ġurnal Malta Today tal-Ħadd 2 ta' Novembru, 2003, jista' il-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jgħaddi l-emendi maħsuba għad-Dangerous Drugs Ordinance, lill-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali tal-Parlament qabel jiġu diskussi fl-istadju plenarju? Ma jaħsibx li in vista tan-nuqqas ta' qbil li kien hemm meta kienu ġew introdotti emendi għal din l-Ordinanza fil-leġislatura l-oħra u b'turija ta' rispett lejn l-Oppożizzjoni li dak iż-żmien kienet talbet hekk, l-emendi l-ġodda maħsuba għandhom tabilħaqq jiġu mixtarra mill-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali?
Response (BORG, TONIO)
L-aħħar darba li ġiet emendata l-Ordinanza, l-Oppożizzjoni kienet oġġezzjonat li titneħħa l-priġunerija bilfors fil-każ ta` pussess ta` droga għal użu personali fil-mument tal-importazzjoni, tant li ivvotat kontra b`"division" fit-Tieni Qari - mhux għaliex l-emenda ma ġietx diskussa fil-Kumitat referut mill-Onor. Interpellant iżda għal eżiġenzi politiċi.
Minn dakinhar jidher li kelliema ta` l-Oppożizzjoni bidlu fehmiethom dwar tali oppożizzjoni; jekk u meta jsiru l-emendi, wara diskussjoni ma` Kumitat ġa eżistenti li fih jipparteċipaw l-għaqdiet volontarji u l-Pulizija, isir proċess ta` konsultazzjoni.
Għalkemm m`hemm ebda obbligu li tali emendi jintbagħtu lill-Kumitat referut mill-Onor. Interpellant, tittieħed deċiżjoni meta l-emendi jkunu lesti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Settembru 2003? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Settembru 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Settembru 2003 kien hemm 516 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serq matul Settembru 2003? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Settembru 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Settembru 2003 il-każi ta` serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 46 każ ta` serq.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Ottubru 2003? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Ottubru 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Ottubru 2003 kien hemm 361 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serq matul Ottubru 2003? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Ottubru 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Ottubru 2003 il-każi ta` serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 44 każ ta` serq.
Jista' il-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm intnefqu flus f'overtime lill-membri tal-korp tal-pulizija fis-snin 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u sa l-aħħar ta' Ottubru 2003, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta` overtime li tħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija mill-1998 sa Ottubru 2003, huwa kif jidher hawn taħt:
Sena Ammont imħallas
1998 Lm276,954
1999 Lm246,586
2000 Lm259,791
2001 Lm441,157
2002 Lm323,860
2003 Lm369,691
Ministeru Politika Soċjali — Ħaddiema bil-kuntratt
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2468 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2464 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.