Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi — Wied is-Sewda - Tindif ta' widien

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 2296 tat-22/10/903 li t-tweġiba rreferiet il-mistoqsija lill-ministru konċernat u li tgħid: "Jista' il-Ministru jgħid għaliex Wied is-Sewda f'Ħal Qormi ilu s-snin ma jitnaddaf?"

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li nterventi ta' tindif tal-widien jeħtieġ li jsiru b'mod ippjanat għaliex daqs kemm jista' jir ġid tista' wkoll issir ħsara, inkluż ħsara ambjentali. Kif diġa' ħabbart, il-Marine Section fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tiġi riorganiżżata biex tassumi wkoll ir-responsabbilta' ta' l-immaniġġjar ta' l-ilma tax-xita, inkluż l-ilma tax-xita li jgħaddi mil-widien. Wied is-Sewda f'Ħal Qormi huwa wieħed minnhom. Ix-xogħol huwa mistenni li jsir fil-futur immedjat.

Persuni li jgħixu bl-għajnuna soċjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1895 u cioe' kemm hemm persuni li qed jgħixu bl-għajnuna soċjali? Kemm hemm familji jiddependu minn dan u kemm għandhom tfal? Fit-tweġiba intqal li ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' persuni u tfal fil-familji li jgħixu bl-għajnuna soċjali. Kif jista' ikun dan meta l-ammont ta' l-għajnuna soċjali jingħata skond kemm hemm membri fil-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk persuna tkunx eliġibbli jew le għall-Għajnuna Soċjali ma jiddependix minn numru ta’ persuni li jkunu jgħixu fil-familja. In-numru ta’ persuni fil-familja hu biss wieħed mill-fatturi li fuqu jiddependi l-ammont ta’ l-Għajnuna Soċjali li titħallas, wara li jiġi stabbilit li wieħed ikun intitolat għal din l-Għajnuna. Minbarra n-numru ta’ persuni fil-familja, l-ammont ta’ l-Għajnuna jiddependi wkoll mid-dħul ta’ dik il-familja. Barra minn hekk l-eta’ tal-persuni fil-familja ma tinfluwenzax ir-rata ta’ l-Għajnuna. Għal dawn ir-raġunijiet li semmejt wieħed ma jistax jiddetermina n-numru ta’ tfal f-familja billi sempliċiment jara l-ammont ta’ l-Għajnuna Soċjali li tkun qed titħallas u kien għalhekk li fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 1895 li tajt f’Seduta 41 jien għidt li n-numru ta’ persuni u t-tfal fil-familja mhux wieħed mill-kriterji biex titħallas din l-Għajnuna u li ma tinżammx l-istatistika mitluba.

WTO — Tariffi/dazji ġodda

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2107, jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm minn dawn is-sussidji se jiġu ffinanzjati mill-UE u kemm se jiġu ffinanzjati mill-Gvern Malti prodott prodott, sew f'materja prima u sew meta l-prodott ikun applikat bħala kompożizzjoni separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għar-rigward ta' l-iskema ta' refunds mħaddma mill-Unjoni Ewropeja, wieħed jirrimarka li għaddejjin preparattivi bejn il-Kummissjoni Ewropeja u l-pajjiżi membri u dawk resqin għal-sħubija biex jiġi stmat il-valur ta' budget neċessarju biex jitħallsu r-refunds dovuti mill-Kummissjoni. Naturalment, dan l-ammont jiġi stmat fuq xejriet ta' kummerċ ta' kull pajjiż fl-Unjoni ma' pajjiżi barra mill-istess Unjoni. Għar-rigward ta' l-iskema li l-Gvern Malti nnegozja ma' l-Unjoni Ewropeja fil-kuntest ta' l-SMPPMA, għaddejjin l-preparamenti neċessarji biex jiġi stabbilit l-ammont neċessarju għat-tħaddim ta' dan il-ftehim. Dawn il-preparattivi għaddejjin fil-kuntest tal-ħidma tal-Gvern biex jippreżenta l-estimi finanzjarji għas-sena 2004 fil-Kamra tad-Deputati.

MEPA — Proġett ta' Chambray

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-MEPA dwar il-proġett ta' Chambray tul is-sena 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Monitoring team spezzjona il-Forti Chambray fl-24 ta’ Ġunju 2003. Ġie kkonfermat li x-xogħlijiet kienu wieqfa skond Enforcement Notice li ħarġet l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Il-ħames (5) issues ta’ infurzar kollha ġew riżolti għax il-kuntrattur ħa l-passi mitluba mill-MEPA.
Leg 10 PQ #2606 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Istituzzjonijiet edukattivi — Maintenance grant

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-istituzzjonijiet edukattivi lokali li l-istudenti li jattendu fihom huma ntitolati għall-maintenance grant? Kemm hemm studenti li qed jieħdu din il-grant u x'somma laħqet is-sena li għaddiet? Jista' jgħid liema huma l-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra li s'issa talbu li l-istudenti tagħhom ukoll jiġu ntitolati għall-maintenance grant? Kemm għandhom studenti jattendu fihom? X'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar din it-talba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istituzzjonijiet edukattivi lokali li l-istudenti li jattendu fihom intitolati għall-Għotja tal-Manteniment lill-Istudenti, kemm il-darba jikkwalifikaw skond ir-regolamenti, huma: L-Universita' ta' Malta (inkluż l-Iskola Medika) Il-Junior College - Gian Franġisk Abela Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija L-Iskola Sekondarja Għolja - Giovanni Curmi L-Iskola Sekondarja Għolja - Mikielang Refalo, Għawdex Kulleġġ San Alwiġi - VI Form Kulleġġ De La Salle - VI Form Kulleġġ St. Edwards - VI Form L-istudenti li llum - 5 ta' Novembru - qed jibbenefikaw minn dawn l-għotjiet jammontaw għal 12,902. Is-sena li għaddiet tħallset is-somma ta' LM 6,899,949 f'Għotjiet ta' Manteniment lill-istudenti. Dan wara li skond ir-Regolamenti tnaqqsu flus lil studenti li assentaw ruħhom bla ġustifikazzjoni, mid-diversi istituzzjonijiet edukattivi. L-istituzzjonijiet li talbu li l-istudenti tagħhom ukoll jibdew jieħdu l-Għotja ta' Manteniment huma l-Verdala International School fejn hemm madwar 50 student li kieku jikkwalifikaw għal din l-għotja u ċ-Ċentru għat-Taħriġ tal-Kompjuters li jinsab fis-Swatar (limiti ta' Ħad Dingli) fejn in-numru ta' studenti ivarja skond in-numru u l-livell ta' korsijiet li ċ-ċentru jkun qed jorganizza.
Leg 10 PQ #2607 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Lasti tal-football

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li fil-faċilitajiet sportivi tagħhom il-lasti tal-football ma kienux imwaħħlin ma' l-art fil-bidu tas-sena skolastika? Matul din is-sena skolastika kien hemm każi fejn l-iskola ġibdet l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet għal dan il-fatt? F'liema skejjel? Jekk iva, x'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni trid tinġabar mill-iskejjel kollha, it-tagħrif mitlub qed jiġi kkompilat biex tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra. Kif diġa' ġie mħabbar pubblikament ingħataw struzzjonijiet biex sakemm joħorġu direttivi oħra ma jintużawx 'mobile goalposts'.
Leg 10 PQ #2608 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Programmi edukattivi tal-UE

Question

Jista' isir sforz serju biex l-uffiċini li jmexxu l-ħidma dwar il-programmi edukattivi tal-UE: Socrates, Leonardo u Comenius jinformaw sewwa lill-istudenti u lill-ġenituri tagħhom x'fondi jridu joħorġu huma u x'fondi joħroġ il-gvern u x'fondi toħroġ l-UE? F'kull programm, kemm fondi joħorġu l-ġenituri u għal xiex? Kemm joħroġ il-gvern u kemm toħroġ l-UE?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li billi l-programmi edukattivi tal-UE m'humiex uniformi fil-metodoloġija ta' tmexxija, (per eżempju fil-programm Leonardo da Vinci ma jidħlu xejn il-ġenituri u f'ħafna azzjonijiet tal-programm Socrates anke l-Comenius, il-programm hu intenzjonat għall-għalliema u mexxejja edukattivi) ikun aħjar jekk l-Onor. Membru ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Leg 10 PQ #2609 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel primarji/sekondarji — Studenti b'nuqqas ta' smiegħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandna studenti b'nuqqas ta' smiegħ fl-iskejjel primarji u sekondarji u kemm għandna għalliema speċjalizzati jgħinuhom? X'passi qed jittieħdu dwar it-taħriġ ta' iżjed għalliema speċjalizzati f'dan il-qasam?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti b'nuqqas ta' smiegħ fl-iskejjel Primarji hawn:- Malta 29 Għawdex 6 Total 35 Fl-iskejjel Sekondarji hawn:- Malta 25 Għawdex 4 Total 29 Għalliema speċjalizzati:- Malta 6 Għawdex 2 Għalliema kwalifikati jistgħu japplikaw sabiex jiġi kkunsidrati għal taħriġ speċjalizzat hekk imsejjaħ 'distance learning'. Ma kien hemm ebda applikazzjoni minn għalliema li huma interessati sabiex jitħarrġu bħala għalliema speċjalizzati b'nuqqas ta' smiegħ. Qed jitħejjew programmi ohra ta’ taħriġ, inkluz barra minn Malta, f’diversi oqsma ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali. Nittama li meta jintalbu applikazzjonijiet jirnexxielna nattiraw il-persunal meħtieġ.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Gozo Channel u fiex jikkonsisti x-xogħol tagħhom? Issa li l-kumpannija naqqset il-vjaġġi tagħha, jista' jgħid kif qed jitqassam ix-xogħol fuq il-ħaddiema reklutati għal iżjed vjaġġi milli qed isiru bħalissa?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Qrati — Separazzjonijiet pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm separazzjonijiet pendenti quddiem il-qrati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sal-5 ta` Novembru 2003 kien hemm 535 kawża pendenti għal separazzjoni f`Malta u 28 f`Għawdex.

Reġistru Pubbliku — Maltin li żżewwġu persuni ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm Maltin li matul dawn l-aħħar sentejn iżżewwġu barranin u x'nazzjonalita' kellhom dawn il-barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` żwiġijiet ta` Maltin ma` persuni ta` nazzjonalita` barranija fis-snin 2001 u 2002 kienu kif ġej:- Sena f`Malta ` f`Għawdex 2001 291 16 2002 337 20 Il-barranin kienu ġejjin mill-pajjiżi kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #2627 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu

White Rocks Holiday Complex — Ħaddiema

Question

Meta ġew ingaġġati it-73 persuna b'kuntratt definit mal-White Rocks Holiday Complex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Kumpless tal-White Rocks għadda f'idejn is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu fl-1 ta' Lulju 1987. Il-Kuntratti definiti bdew isiru minn dak iż-żmien.

Ministeru għat-teknoloġija — Ħaddiema bil-kuntratt

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2473 u ċioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #2633 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Ħal Far — Ġibjuni

Question

Possibbli li spetturi sanitarji jagħmlu inspection fl-aqsar żmien possibbli fil-ġibjuni mikxufa li hemm ħdejn il-fabbriki ta' Ħal Far biex jiġi stabilit jekk dawn il-ġibjuni mikxufa mimlija sa fuq humiex ta' periklu għas-saħħa tan-nies u jekk hux suppost li jkunu mikxufa u aċċessibbli għal terzi persuni? Possibbli jittieħed kampjun biex jiġi stabilit jekk dawn il-ġibjuni humiex mimlija b'ilma tossiku jew bi drenaġġ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li spezzjonijiet fil-lokal indikat mill-Onor. Interpellant ilhom isiru minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fejn ġie determinat li tali ġibjuni mikxufa jagħmlu parti minn sewage treatment plant abbandunat. Jidher ukoll li hemm xi ħsara w ħiereġ xi drenaġġ tal-fabriki fil-viċin. Peres li din il-materja ma taqax direttament taħt id-diviżjoni nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi tali mistoqsija lill-Ministu konċernat.

Pjani lokali għan-naħa t'isfel ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jindika meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-local plans għan-naħa t'isfel ta' Malta? Billi kien hemm min ċempel il-MEPA u l-perit li kellmu allegalatament qalilhom li "dawn jistgħu joħorġu s-sena d-dieħla jew tliet snin oħra", jista' jagħti indikazzjoni aktar eżatta ta' meta se joħorġu dawn il-local plans?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-tfassil ta' l-abbozz tal-Pjan għan-nofsinhar ta' Malta huwa fi stadju avvanzat u jekk il-proċess iżomm ir-ritmu li qabad hu maħsub li l-abbozz joħrog għal Ġunju 2004 wara li jiġi approvat mill bord ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Bormla — Ħsara fil-kanen ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li tintlaqa' it-talba tar-residenti ta' Bieb il-Polverista, Bormla, liema talba f'forma ta' petizzjoni qed tintbagħat separatament, sabiex tissewwa l-ħsara li hemm fil-kanen ta' l-ilma li qed twassal sabiex ibatu minn nuqqas ta' pressa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #2665 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Malta-China Extradition Agreement

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet li nifhem li kien hemm maċ-Ċina biex jintlaħaq Malta-China Extradition Agreement?

Response (BORG, JOE)

It-test ta' l-Extradition Agreement propost bejn Malta u ċ-Ċina għadu qed jiġi studjat min-naħa taċ-Ċina, u għalhekk sa issa għadhom ma sarux taħdidiet dwaru.
Leg 10 PQ #2666 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija f'Hague — Kuntatti ma' kumpanniji ta' insurance mediċi

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li saru kuntatti mill-Ambaxxata Maltija f'The Hague ma' diversi kumpanniji ta' insurance mediċi fin-Netherlands biex jikkonsidraw lil Malta bħala destinazzjoni għall-interventi mediċi? Kien hemm xi eżitu dwar dawn l-attentati?

Response (BORG, JOE)

L-Ambaxxata Maltija t'The Hague għamlet kuntatti ma' kumpanniji ta' l-assikurazzjoni mediċi fl-Olanda biex jikkonsidraw lil Malta bħala destinazjzoni għal interventi mediċi. L-eżitu ta' dawn it-tentattivi kien illi hemm xi intraprendituri privati Olandiżi illi qed ikollhom taħdidiet kemm mad-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll ma' sptar privat Malti sabiex jiġi studjat jekk il-proposta li pazjenti Olandiżi jiġu ikkurati f'Malta hijiex vijabbli.
Leg 10 PQ #2667 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Korp tal-pulizija — Courses offruti mill-Guardia Civilia Spanjola

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li il-Guardia Civilia Spanjola offriet diversi courses speċjalizzati lill-korp tal-pulizija Malti? Dawn se jsiru bl-Ispanjol jew le u jekk iva, kemm hemm pulizija eliġibbli li jafu bl-Ispanjol?

Response (BORG, JOE)

Fl-ambitu tal-kooperazzjoni teknika bejn Malta u Spanja, il-Guardia Civilia Spanjola reċentement offriet korsijiet speċjaliżżati bil-lingwa Spanjola intiżi għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Din l-offerta ma setgħetx tintlaqa' għax ma nstabux uffiċċjali fil-Korp li jafu l-lingwa Spanjola.
Leg 10 PQ #2668 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Integrated regional planning — Sehem ta' Malta bħala partner country

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tan-naħa Maltija għall-proposta tal-Gvern ta' Iżrael biex Malta tieħu sehem bħala partner country fl-organizzazzjoni ta' kors internazzjonali dwar integrated regional planning kemm f'Iżrael kif ukoll fil-partner country?

Response (BORG, JOE)

F'Settembru li għadda, Aġenziji Iżraeljani ressqu l-proposta li Malta tkun pajjiż sieħeb fl-organiżżazzjoni ta' kors internazzjonali fuq 'Integrated Regional Planning'. Filwaqt li l-Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma kienx f'pożizzjoni li jilqa' din il-proposta, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed jikkonsidra jekk jaċċettahiex.