Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew importati vetturi second hand is-sena l-oħra u din is-sena? Minn liema pajjiż jiġu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar vetturi mpurtati second hand hija kif ġej:
2002 (Jannar sa Diċembru) 3964
2003 (Jannar sa Settembru) 4115
Dwar il-vetturi impurtati minn dawn il-pajjiżi:
Arabja Sawdija Ġappun Kuwajt Repubblika Ċeka
Awstrija Ġermanja Malasja UAE
Belġjum Irlanda Olanda UK
Danimarka Jugoslavja Spanja USA
Dubaj Kanada Svezja
Franza Koreja t'Isfel Svizzera
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' food poisoning din is-sena u x'kien il-mikrobu responsabbli f'kull kas?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Matul is-sena 2003 sa l-aħħar ta' Settembru kien hemm 395 każ ta' food-poisoning. Minn dawn, kien hemm 176 każ individwali u 219 il-każ kienu involuti fi 33 outbreak.
Minn dawn, Salmonella kienet responsabbli għal 43 każ individwali w 106 każijiet involuti f'7 outbreaks.
Campylobacter kien responsabbli għal 32 każ individwali w 5 każijiet involuti f'2 outbreaks.
E.Coli kien responsabbli għal każ wieħed individwali.
Shigella kien responsabbli għal każ wieħed individwali.
Scombrotoxic food-poisoning affetwa 2 każijiet individwali u 5 każijiet involuti f'2 outbreaks.
F'97 każ individwali u f'103 każijiet involuti f'22 outbreaks, il-mikrobu ma ġiex identifikat.
Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat — Xiri ta' X-Ray Machine
Question
Jista l-Ministru jaggornani dwar PQ 109 u cioe’ meta se tinxtara X-ray machine ġdida għaċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, ħalli l-eluf ta' residenti fir-Rabat, Mtarfa, Baħrija, Landrijiet, Mtaħleb, Kunċizzjoni, Nigret, Tal-Virtu’, Buskett, Ħad-Dingli, eċċ, mill-ġdid jibda jkollhom is-servizz ta’ l-X-ray wara li ilu wieqaf miċ-Ċentru ta' saħħa għal dawn l-aħħar tliet snin ? Jista’ l-Ministru jara li din it-talba li jien qed inressaq f’isem ir-residenti tiġi milqugħa bla aktar telf ta' żmien ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
M'għandix x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 109 datata 23/06/2003, ħlief li mill-eluf ta' residenti li qiegħed tirreferi għalihom kien hemm 1109 li ħadu X ray ġewwa l-Mosta mit-22 ta' Jannar 2002, sa l-aħħar ta' Ottubru 2003.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Technical office
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għandux technical office? Jekk fl-affermattiv, min huma l-impjegati assenjati f'dan l-uffiċċju u f'liema gradi huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment m’għandux technical office. Għandu inspectorate office fejn hemm żewġ senior technical officers u żewġ technical officers impjegati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew installati lifts f'postijiet tal-gvern (fi proġetti qodma) fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 sal-lum? Liema kienu l-lokalitajiet u kemm kienet in-nefqa sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li taħt Skema V, l-Awtorita’ tad-Djar installat 14-il lift fis-sena 2002, li swew Lm174,400. Matul l-2003, taħt l-istess skema l-Awtorita’ s’issa nstallat 20 lift li swew madwar Lm280,800.
Dawn il-lifts ġew installati fil-Belt, Bormla, Furjana, Lija, Tarxien, Ta’ Xbiex u ż-Żejtun.
Ninsab infurmat ukoll li hemm 17-il lift ieħor li preżentement qed jiġu nstallati jew ġew ordnati.
Postijiet tal-gvern/postijiet tal-privat — Stallazzjoni ta' lifts
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern vis-a-vis l-installar tal-lifts fil-postijiet tal-gvern u fil-postijiet tal-privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-politika tal-Gvern dwar installar ta’ lifts fi blokki tiegħu hi li blokki ġodda mibnija mill-Awtorita’ tad-Djar li jkunu ogħla aktar minn tlett sulari jitlestew mill-ewwel bil-lifts.
Għal dawk li jirrigwarda blokki tal-Gvern eżistenti, l-Awtorita’ għandha skema apposta (Skema V), li permezz tagħha jiġu nstallati lifts f’dawn il-blokki jekk tkun tgħix persuna b’diżabilita’ ta’ mobilita’.
Fil-każ ta’ postijiet privati l-Awtorita’ tagħti għajnuna finanzjarja taħt Skema 7 għal installazzjoni ta’ lift fejn tkun tgħix persuna b’diżabilita’ ta’ mobilita’ li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema.
Dipartiment ta' l-artijiet — Postijiet tal-gvern - ħlas ta' kera
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-orħos kera u l-għola kera li jitħallsu minn inkwilini li jgħixu f'postijiet tal-gvern lid-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-orħos kera u l-għola kera li jitħallsu minn inkwilini li jgħixu f`postijiet tal-gvern lid-Dipartiment tal-Artijiet huma ta` Lm1.02c5 u ta` Lm600 rispettivament.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu postijiet il-gvern għall-akkomodazzjoni bil-kiri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta` postijiet li għandu d-Dipartiment tal-Artijiet u l-Uffiċċju Konġunt għall-akkomodazzjoni bil-kiri hu ta` madwar għaxar t`elef (10,000).
Din il-figura ma tinkludix il-kirjiet tal-Awtorita` tad-Djar.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Spezzjonijiet fid-djar ta' l-applikanti
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm isiru spezzjonijiet fid-djar ta' l-applikanti tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali fil-ġimgħa? Għal liema raġuni jsiru dawn l-ispezzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li jsiru madwar 10 spezzjonijiet fil-ġimgħa fid-djar ta’ applikanti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Dawn l-ispezzjonijiet isiru primarjament biex issir verifikata ta’ l-informazzjoni meħtieġa dwar l-applikazzjonijiet li jirċievi d-Dipartiment.
Kemm kien in-numru ta' applikanti li wieġbu għas-sejħa MPO Circular 85/2003 għal technical attaches and researchers sabiex iservu fil- Mission ta' Malta fi brussel fl-oqsma tas-Sajd, Agrikoltura, Veterinarji u Ambjent Rurali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi skond kif hemm provdut fil-paragrafu 9 ta’ l-imsemmija Ċirkulari, l-applikazzjonijiet saru direttament lill-Ministeru konċernat.
L-Onorevoli Interpellant mitlub għalhekk li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-membri tal-korp tal-pulizija qed idumu biex jitħallsu għall-overtime li għamlu fil-qadi ta' dmirijiethom?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega fi tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, bħala regola ġenerali l-ħlas ta` l-overtime lill-membri tal-Korp tal-Pulizija jsir xahrejn b`lura.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri fil-Faċiltia' Korrettiva ta' Kordin fl-1998, fl-1999, fl-2000, fl-2001, fl-2002 u sa l-aħħar ta' Ottubru, 2003? Kemm hemm priġunieri li bħalissa qed iservu fuq reati konnessi mad-droga u jispeċifika x'inhu r-reat? Kemm hemm priġunieri li qed jinżammu taħt arrest preventiv u qed jistennew li jibdew jew jintemmu proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom in konnessjoni mad-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru (medja kuljum) ta` priġunieri fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin fis-snin 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sa Ottubru), kien ta` 258, 256, 237, 255, 277 u 262 rispettivament.
Infurmat ukoll illi n-numru ta` dawk sentenzjati u taħt arrest preventiv dwar każi relatati mad-droga hu ta` 74 u 26 rispettivament. Ir-reati jinkludu, importazzjoni, kompliċita` biex tiġi traffikata, pussess u traffikar, pussess b`intenzjoni ta` traffikar, importazzjoni u kompliċita` u kultivazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li qed iservu għal delitti li m'għandhomx x'jaqsmu mad-droga iżda qed jieħdu l-kura mill-vizzju tad-droga? Riferibbilment għall-istess kategorija ta' priġunieri, kemm hemm li qed jinżammu taħt arrest preventiv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm tlieta u għoxrin (23) priġunier li qegħdin jingħataw kura kontra l-vizzju tad-droga. Meta wieħed jintbagħat għall-programm dan ma jiġix magħżul għax ikun daħal il-ħabs fuq sentenza relatata ma` droga. Dawn jintagħżlu wara li jiġu studjati diversi riżultati ta` testijiet li jsirulhom mill-aġenziji li jkunu ser jaċċettawhom għall-programm.
Biex wieħed jikkwalifika għall-programm ma jistax ikollu każi pendenti u jrid ikun fl-aħħar sentejn tas-sentenza tiegħu, u għalhekk dawk li jintbagħtu għall-programm huma kollha sentenzjati. Minn dawk li qegħdin għall-programm bħalissa hemm ħdax b`sentenza konnessa mad-drogi u tnax b`sentenza ta` serq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus għal proġetti infrastrutturali fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u sa l-aħħar ta' Ottubru 2003? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol? Liema kienu d-ditti li ġew ikkonsidrati u għal liema xogħol? Liema kienu b'direct order jew b'sejħa għal offerti? Kemm kienet tiswa kull tender li ġiet assenjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1998 u illum, il-proġetti infrastrutturali li saru fid-dipartiment tas-Servizzi Korrettivi kienu tnejn. Sar il-proġett prinċipali li kien jikkonsisti fir-Remand & Administration and servicing tunnel u l-Anti Climb Fence.
Fir-rigward tal-Anti climb fence, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Numru 28899 fis-seduta Numru 622 fil-leġislatura preċedenti.
Fir-rigward tal-proġett tar-Remand/Administration & servicing tunnel il-kuntratt kien ingħata mid-dipartiment tal-kuntratti. Dan il-proġett sewa madwar Lm4,800,000.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm qed jinżammu klandestini fi kwartieri maniġġjati mill-pulizija? Fejn qed jiġu alloġjati l-klandestini? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal status ta' refuġjati? Kemm ilhom pendenti waħda waħda? Jista' jgħid x'isir meta immigrant ma jagħtix xi dettalji dwar in-nazzjonalita' tiegħu, dan jibqa' f'detenzjoni permanenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 185 immigrant illegali li qed jinżammu fiċ-Ċentri ta` Akkomodazzjoni mmexxija mill-Pulizija, ċioe` 74 f`Ta` Kandja u 111 f`Ħal Far. Dawn ta` l-aħħar pero`, kellhom jiġu temporanjament akkomodati fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fil-Floriana, sakemm isiru t-tiswijiet meħtieġa fiċ-Ċentru ta` Ħal Far wara l-ħsarat li l-immigranti stess kienu għamlu nhar il-Ħadd 2 ta` Novembru 2003.
Għal dak li jirrigwardja t-talbiet ghal rikonoxximent ta’ status ta’ refuġjat li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati għandu pendenti, ninsab infurmat illi fl-4 ta’ Novembru 2003, dawn kienu kif ġej:
· Talbiet fi stadju tal-bidu, jiġifieri persuni f’ċentri ta’ akkomodazzjoni (tal-pulizija jew is-suldati) li rreġistraw t-talba tagħhom ma’ l-Uffiċċju billi mlew Kwestjonarju Preliminari: 110.
· Talbiet fi stadju tal-bidu magħmula minn persuni li jinsabu Malta legalment u li avviċinaw l-Uffiċċju huma stess: għaxra (10).
· Talbiet fejn (a) saret l-intervista iżda l-applikant talab iż-żmien biex iġib dokumenti jew evidenza addizzjonali – erbgħa (4); (b) saret l-intervista iżda l-avukat talab iżjed żmien biex jagħmel sotomissjonijiet – sebgħa (7); (c) saret l-intervista u l-każ għadu qed jiġi eżaminat u/jew wasal fi stadju finali – tlieta u tletin (33); (d) il-każ inbeda iżda ma jistax jitkompla għalissa għax l-applikant hu persuna minuri mhux akkompanjata li għaliha għad irid jinħatar Legal Guardian - tlettax (13).
Aktar tagħrif dwar dawn il-każi pendenti, fit-tliet kategoriji, jinsab fl-iskeda li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid minn liema vot tal-ministeru tiegħu qed jitħallsu l-ispejjeż għall-kura u l-kustodja tal-klandestini? Jista' jagħti rendikont dettaljat ta' l-ispiża li qed issir għal kura u l-kustodja tal-klandestini għas-snin 2000, 2001, 2002 u sa l-aħħar ta' Ottubru 2003? Jekk ma tinżammx din it-tip ta' statistika, ma jaħsibx il-Ministru li fiċ-ċirkostanzi attwali jkun għaqli li tibda tinżamm din l-istatistika?
Response (BORG, TONIO)
Kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant il-kura u l-kustodja ma tinvolvix biss lill-Pulizija. Dawn minn naħa tagħhom jipprovdu għall-kustodja u manteniment u ħtiġijiet oħra ta` kuljum li jista` jkun hemm bżonn għal dawk il-klandestini miżmuma fiċ-ċentri mmexxija mill-Pulizija. Bħalhom jagħmlu l-Forzi Armati ta` Malta fiċ-ċentri tagħhom. Magħhom hemm ukoll id-Dipartiment tas-Saħħa li jipprovdi l-kura medika lill-klandestini hekk kif u meta meħtieġa. Għaldaqstant huwa ferm diffiċli sabiex tinżamm statistika, kif qed jissuġerixxi l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jagħti break down lokal b'lokal separatament f'Malta, tan-numru ta' persuni li fil-preżent qed jirreġistraw għax-xogħol sija fuq part one u part two?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown sena b'sena ta' minn ħadhom u f'liema ħinijiet ġew reġistrati t-tenders li ħarġu mill-Medigrain matul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress illi r-risposta għal din il-mistoqsija tirrekjedi volum kbir ta' xogħol, sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jispjegax l-importanza tagħha ma narax skop għala għandha tingħata.
Wara li fis-settur agrikolu l-Gvern Malti nnegozja ma' l-UE d-dritt li jitħawlu aktar dwieli f'zoni adattati għall-produzzjoni ta' l-inbid, jista' il-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex jieħu vantaġġ minn dak li ġie nnegozjat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li twaqqaf l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Vitikultura u Enoloġija fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali. Dan l-uffiċċju nieda programm biex tiżdied il-produzzjoni ta' l-għeneb għall-produzzjoni ta' l-inbid ta' kwalita’, u biex titjieb it-teknika tat-tkabbir ta' l-għeneb. Għal dan il-għan qed jingħata sussidju ta' 10,000 Euro kull ettaru biex bidwi Malti ikun jista jħawwel dwieli għall-inbid ta' kwalita’ u sussidju ieħor ta' 1000 Euro kull ettaru biex ikun jista jżomm dawn id-dwieli.
Wieħed għandu jsemmi wkoll li f' Ġunju 2003 beda Twinning Programme, mħallas prattikament kollu mill-Unjoni Ewropeja, fejn is-Sezzjoni tal-Vitikultura, flimkien ma' esperti mill-Italja, qegħda twettaq ħidma biex Malta tkun f' pożizzjoni li tuża fondi mill-Unjoni Ewropeja sabiex titjieb il-kwalita’ ta' l-għeneb li jitkabbar Malta, u jiġu identifikati varjetajiet indiġeni li permezz tagħhom il-vitikultura f’ Malta jkollha karatteristiċi uniċi.
Fl-istess ħin żdied in-numru ta’ ettari ddedikati għad-dwieli minn 350 għal ‘il fuq minn 700 ettaru. Dan in-numru hu mistenni li jiżdied minħabba l-interess qawwi mill-proċessuri kif ukoll mill-bdiewa sakemm tintlaħaq il-mira ta’ 1,000 ettaru.
Ta’ min iżid ukoll li f’ dan is-settur l-integrazzjoni bejn proċessuri u produtturi qed tittieħed bl-akbar serjeta’ u dan qed iwassal għal prezzijiet vantaġġjużi għall-bdiewa u prattiċi aktar professjonali fil-vitikultura. Dan jawgura tajjeb għal meta l-inbejjed prodotti minn dwieli mkabbra lokalment ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti bħal DOK, jiġifieri nbejjed ta’ kwalita’ ta’ Denominazzjoni Oriġini Kontrollata.