Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna ħadet liċenzja għall-kaċċa kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni li ħadu liċenzja tal-kaċċa fis-snin indikati mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Sena Numru
1999 416
2000 463
2001 427
2002 612
2003 243
Jista' il-Ministru jara li l-kont ta' l-anzjana - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - jiġi ċċekkjat sewwa minħabba li hi qegħda tallega li qed jiġi għoli ħafna u tħoss li l-ilment tagħha ma' l-awtoritajiet qed jiġi njorat?
Response (GATT, AUSTIN)
Skond ir-records tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, fid-dar ta' l-anzjana hemm irreġistrati ħamsa minn nies u mhux biss mara anzjana.
Rigward il-konsum ta' l-ilma, dan jidher li hu wieħed konsistenti minn 1999 sa l-aħħar qari li sar, jiġifieri sa Ġunju 2003. Madankollu l-konsumatur jista' jitlob li ssir spezzjoni ta' l-installazzjoni nterna tal-post biex wieħed jara jekk hemmx xi leakages mill-arloġġ il-ġewwa. Jekk ma jinstab ebda leak, il-konsumatur jista' jitlob li jsir test tal-meter.
Il-konsum tad-dawl jidher li żdied fl-aħħar sena għalkemm jidher raġonevoli għal ħames persuni. Anke f'dan il-każ il-konsumatur jista jitlob għall-test ta' l-arloġġ jekk jaħseb li l-konsum huwa eċċessiv.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn spiżeriji f'Malta u f'Għawdex? X'inhuma r-rekwiżiti li fuqhom jingħata permess biex tinfetaħ spiżerija? Kemm hemm applikanti jistennew li jingħatalhom tali permess f'Malta u f'Għawdex? Ir-restrizzjonijiet li jeżistu bħalissa biex jingħata permess għall-ftuħ ta' spiżerija se jaqgħu ladarba issa sirna membri ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bħalissa jeżistu 200 spiżerija f'Malta, li minnhom 8 huma għal mediċini veterinarji, u 13 -il spiżerija ġewwa Għawdex. Bħalissa teżisti friża amministrattiva għall-ħruġ ta' permessi ġodda. Madankollu, din il-friża ma tgħoddx jekk -
1. L-applikazzjoni tkun għal spiżerija li minnha jinbiegħu biss mediċinali veterinarji.
2. Jekk qabel ma bdiet tithaddem il-friza, kien diġa deċiż li jinħareġ permess, iżda sakemm saret din il-friża, il-permess ikun għadu ma hariġx minħabba xi xogħolijiet pendenti, eċċ.
3. Jekk ikun hemm deċiżjoni ulterjuri minn awtorita` gudizzjarja jew awtorita` oħra kompetenti bħalma hija l-Ombudsman.
4. Jekk, għal raġuni umanitarji, tinħass il-ħtieġa li tinfetaħ spiżerija, bil-patt li -
a. it-talba ssir mill-Kunsill Lokali tal-post fejn jiġu spjegati r-raġunijiet kollha għaliex għandha tinfetaħ spiżerija,
b. ma jkunx hemm oġġezjoni mill-imsieħba soċjali kollha u mill-Gvern,
ċ. ma jkunx hemm konflitt ma' spiżeriji eżistenti jew applikazzjonijiet preċedenti f'din il-lokalita` jew area ġdida fl-istess lokalita`.
Applikazzjonijiet fil-waiting list għal ftuħ ta' spiżeriji ġodda huma 300 għal Malta u 17 għal Għawdex.
Ir-restrizjonijiet li jeżistu bħalissa għal permessi ġodda ma għandhomx x'jaqsmu mal-fatt li Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea. L-adezjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea ma ċċaħħadx lill-Gvern milli jirregola u jimponi kundizzjonijiet li jidhirlu xieraq fil-ħruġ ta' liċenzji ġodda.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex fir-rigward ta' l-inkwilina - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li llum hija armla, il-kont tal-kera żdied u mhux naqas meta d-dħul finanzjarju tagħha huwa inqas minn meta kienet miżżewġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi s-sussidju tal-kera nħadem skond il-kuntratt li l-inkwilina ffirmat meta applikat taħt l-Avviż 57, f’Lulju 1987. Nistieden lill-inkwilina sabiex tmur fis-sezzjoni tal-Customer Care tad-Dipartimant għall-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex jispjegawlha kif inħadmitilha l-kera.
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' l-impjegat - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - biex jiġi trasferit u mibdul ma' impjegat ieħor - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu wkoll separatament - tad-dipartiment tal-public works?
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' l-impjegat - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - biex jiġi trasferit u mibdul ma' impjegat ieħor - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu wkoll separatament - tad-dipartiment tal-public works?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Kalkara — Triq l-Isptar Navali: Binja Bighi - entratura B
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-ministeru tiegħu biex jiġi nstallat meter tad-dawl fil-parti komuni ta' Binja Bighi, Entrance B, Triq l-isptar navali, Kalkara, u dan meta ir-residenti ta' din il-binja ilhom jgħixu f'din il-blokka għal aktar minn għaxar snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Mir-rekords li għandha l-Enemalta ma jirriżultax li hemm xi applikazzjoni biex jiġi provdut servizz ġdid ta' l-elettriku f'dan il-post. Biex ikun jista' jingħata servizz ġdid trid issir applikazzjoni għal dan il-għan.
Jista' il-Ministru jgħid minn min hu kompost il-bord li jipproċessa l-applikazzjonijiet għal klandestini għal status ta' refuġjati? Jista' jgħid kemm-il darba qed jiltaqa' dan il-bord fil-ġimgħa? Jista' jgħid jekk ġewx maħtura bordijiet oħrajn biex ilaħħqu ma' l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet tar-refuġjati? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Bord ta' l-Appell? Kemm ilhom pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati immexxi minn Kummissarju għar-Refuġjati hu responsabbli għall-ipproċessar ta` dawn l-applikazzjonijiet.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati jaħdem b`mod kontinwat, inkluż is-Sibt, fuq l-ipproċessar ta` l-applikazzjonijiet għal rikonoxximent ta` status ta` refuġjat.
Għal dak li għandu x`jaqsam il-Bord ta` l-Appelli dwar ir-refuġjati, ninsab infurmat illi mill-Bord ta` l-Appelli s`issa ġew deċiżi 190 applikazzjoni, filwaqt li b`kollox hemm 157 applikazzjoni pendenti.
Minn dawn, 68 applikazzjoni ilhom jistennew anqas minn tliet xhur, 29 applikazzjoni ilhom jistennew bejn tliet xhur u sitt xhur, filwaqt li 60 applikazzjoni ilhom jistennew bejn sitt xhur u ħdax-il xahar.
Jista' il-Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li jwettaq il-bord li jipproċessa l-applikazzjonijiet tar-refuġjati u x'inhuma l-kriterji li jintużaw biex jiġi stabilit jekk applikazzjoni għandhiex tiġi milqugħa jew irrifjutata? Jista' jgħid minn min huwa kompost l-istaff ta' l-uffiċċju tal-Kummissarju tar-refuġjati?
Response (BORG, TONIO)
1. Id-definizzjoni li jsegwi l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati biex jiddetermina jekk persuna tkunx tissodisfa l-kriterji biex tiġi rikonoxxuta bħala refuġjat hija dik stabbilita mill-Att ta’ l-2000 dwar ir-Refuġjati, jiġifieri: “’refuġjat’ tfisser min, minħabba f‘biza’ msejsa fuq ir-realta’ li jista’ jiġi ppersegwitat għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalita’, sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalita’ tiegħu u ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biza’, ma jkunx irid jinqeda bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew min, mingħajr ma jkollu nazzjonalita’ u filwaqt li jkun barra mill-pajjiż fejn soltu kien joqgħod, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biza’, ma jkunx irid jerġa’ lura fih, iżda ma tinkludix lil min –
(a) ikun qed jirċievi xi protezzjoni jew assistenza mingħand l-organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (minbarra l-Kummissjoni Għolja),
(b) dwaru jkun hemm raġunijiet serji biex jiġi kkunsidrat li huwa (i) ikun għamel reat kontra l-paċi, reat ta’ gwerra, jew reat kontra l-umanita’, kif imfisser fl-istrumenti internazzjonali kostitwiti biex jipprovdu dwar reati bħal dawk; jew (ii) ikun għamel reat gravi mhux ta’ xorta politika barra minn Malta qabel ma jkun daħal Malta; jew (iii) ikun ħati ta’ attijiet li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti:
Izda meta persuna jkollha iktar minn nazzjonalita’ waħda, il-kelma ‘pajjiż’ imsemmija hawn aktar qabel, għandha tkun tirreferi għal kull wieħed mill-pajjiżi li tiegħu tkun ċittadin, u dik il-persuna ma għandhiex titqies bħala li ma għandhiex il-protezzjoni ta’ pajjizha, jekk, mingħajr biża’ msejsa fuq il-persekuzzjoni, ma tkunx fittxet il-protezzjoni ta’ xi wieħed mill-pajjiżi li tiegħu dik il-persuna tkun ċittadin.”
2. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati jimla` l-Applikazzjonijiet għal Rikonoxximent ta’ Status ta’ Refuġjat u jintervista l-applikanti fis-sede tiegħu f’Sant’Iermu nkella fiċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni (tal-pulizija jew is-suldati) fejn ikunu qegħdin l-applikanti. Bi thejjija għall-intervisti, kif ukoll wara, l-Uffiċċju jagħmel ħafna xogħol ta’ riċerka. L-intervisti jiġu ttajpjati f’forma ta’ mistoqsija u tweġiba. Spiss, l-intervisti jkunu jridu jsiru bl-għajnuna ta’ interpreti. Ġieli jkun hemm każi fejn applikant ikun irid jiġi intervistat aktar minn darba. Ikun hemm ukoll każi fejn l-applikant jitlob iż-żmien biex ikun jista’ jipprova jikseb dokumentazzjoni jew evidenza oħra. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati dejjem jilqa’ talbiet bħal dawn. Wara li jistudja u jevalwa l-każ, l-Uffiċċju jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar jekk l-applikazzjoni għandhiex tiġi milqugħa jew le. L-Uffiċċju jagħti raġunijiet għar-rakkomandazzjoni tiegħu.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati jieħu ħsieb ukoll (a) joħroġ u/jew iġedded iċ-ċertifikati ta’ dawk li jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati jew jingħataw status umanitarju; (b) joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-pulizija għat-tiġdid tal-viża ta’ dawk li jkunu jinsabu Malta (mhux f’ċentri ta’ akkomodazzjoni) u japplikaw għal status ta’ refuġjat; (c) jagħti s-sehem kollu possibbli tiegħu dwar pariri u/jew ħidma b’konnessjoni ma’ laqgħat u dokumenti ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ l-asil.
3. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati bħalissa huwa kompost mill-Kummissarju għar-Refuġjati, żewġ Uffiċjali Prinċipali u Skrivana. L-Uffiċċju għandu wkoll l-għajnuna ta’ żewġ persuni part-time.
Ħaddiema ta' nazzjonalita' barranija — Permessi tax-xogħol
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' work permit għal ħaddiema barranin fid-department of citizenship and expatriates qed jaqa' lura minħabba żieda fin-numru ta' applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' work permits matul dawn l-aħħar xhur? Jista' jgħid kemm ingħataw work permits fis-snin 2000, 2001, 2002 u sa l-aħħar ta' Ottubru 2003? Jista' jingħata rendikont dettaljat tas-sess tal-persuni li jingħataw work permit u l-ġeneru tax-xogħol li qed jaħdmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ipproċessar ta` applikazzjonijiet għall-ħruġ ta` "work permits" waqa` xi ftit lura minħabba li ftit xhur ilu mietet "key person" fid-Dipartiment konċernat li kellha x`taqsam ma` dan l-ipproċessar u n-nuqqas ta` din il-persuna affettwa l-istess ipproċessar.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1516. Inżid ngħidlu li sa Ottubru 2003 in-numru ta` permessi ġodda jew imġedda kien 2,484 filwaqt li n-numru ta` dawk li ġew rifjutati kien 238.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, kif diġa` infurmajtu fi tweġibiet oħra, lista ta` persuni barranin li għandhom permess jaħdmu Malta tidher kull l-ewwel Tnejn ta` kull xahar fuq il-website tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Din il-lista tinkludi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba u meta ltaqa' l-Airport security committee mill-1 ta' Ottubru 1998 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kumitat għas-Sigurta` fl-Avjazzjoni, mill-1 ta` Ottubru 1998 sa llum iltaqa` 39 darba fid-dati li jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm flus ivvotati bħala spiża kapitali għall-Airport security committee fl-1999, fl-2000, fl-2001, fl-2002 u fl-2003 (sa Ottubru)? Kemm intnefqu minnhom għat-tiswija ta' Airport perimeter fence?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ivvutat għal spiża kapitali għall-Airport Security (mhux l-Airport Security Committe) fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant kien kif ġej:-
1999 Lm105,000
2000 Lm 60,000
2001 xejn
2002 xejn
2003 xejn
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-ammonti indikati ma kienux intenzjonati għat-tiswija ta` l-Airport perimeter fence. Din il-manutenzjoni issir mill-MIA.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk din is-sena kienx hemm tentattiv ta' ħarba mill-ħabs ta' Kordin? X'passi dixxiplinarji jew kriminali ttieħdu dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kien hemm tentattiv jew aħjar kienet qed tiġi ppreparata ħarba mill-ħabs li ġiet imxejna mill-awtoritajiet tal-ħabs.
Kif isir f`każi bħal dawn saret Inkjesta Maġisterjali. Fir-rigward ta` passi dixxiplinari interni, l-priġunier konċernat ser jitressaq quddiem il-Bord tad-Dixxiplina fi żmien qasir.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2107 u għall-materja prima ta' l-ikel li ma nipproduċux lokalment, jista' il-Ministru jinformani jekk is-sussidji in kwestjoni sabiex ma jkunx hemm effett fuq il-kompetittivita' ta' pajjiżna japplikawx ukoll sabiex ikopru spejjeż fuq il-prodotti kawżati mill-kontrolli ta' kwoti, dazji u tariffi meta importati f'pajjiżna bil-prezzijiet kompetittivi ta' swieq internazzjonali u cioe' mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa kellna l-okkażjoni naffermaw fir-risposta tagħna għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2107, l-Unjoni Ewropeja tħaddem sistema ta' refunds relatati mal-użu ta' ċertu materja prima użata fil-manifattura ta' prodotti proċessati esportati lejn pajjiżi li m’humiex membri ta l-Unjoni. Din l-iskema hi intiża biex tnaqqas il-prezzijiet ta' dawk il-prodotti agrikoli li jeħtieġu protezzjoni temporanja sakemm jintlaħaq livell ogħla ta' kompetittivita fil-produzzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropeja. B’hekk, waqt li jingħata nifs lil dawk is-setturi agrikoli li jeħtieġu l-protezzjoni, ma titnaqqarx il-kompetittivita ta' l-industrija ta' l-ipproċessar ta' l-ikel ta' l-Unjoni fuq is-suq internazzjonali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2107 separatament mill-qmuħ u ċ-ċereali, jista' il-Ministru jagħti breakdown sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin ta' kemm swew f'sussidji ta' flus lill-gvernijiet Maltin is-sussidji fuq l-importazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel u tal-materja prima ta' l-ikel kollha li ma nipproduċux lokalment bħala laħam aħmar, zokkor, dairy products, eċċ.?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li nformazzjoni dwar kemm hu s-sussidju li tagħti l-Unjoni Ewropeja fuq esportazzjoni ta’ prodotti ta’ l-ikel u tal-materja prima tal-ikel jista’ jinkiseb mill-website:
http://europa.eu.int/comm/taxation_customs/dds/cgi-bin/tarchap?Lang=EN
Minn din il-website, jista’ jinġabar ukoll tagħrif dwar kemm kienu dawn is-sussidji f’dawn l-aħħar ħames snin.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2234, jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-ispejjeż għal kull delegazzjoni u ta' kull seminar, diskussjoni, attivita', eċċ. li pparteċipaw fiha l-uffiċjali li siefru u min kienu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li wara xi aġġustamenti li saru fiċ-ċifri li ngħataw għall-mistoqsijiet Parlamentari Nru 1662 u 2234 (Jannar - Settembru 2003), in-nefqa fuq spejjeż ta' safar hija kif qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta' min jgħid li aġġustamenti fiċ-ċifri jsiru meta, per eżempju jiġu ppreżentati 'credit notes' mill-Air Malta fuq l-ispiża tal-biljetti ta' l-ajru, jew jiġu ppreżentati xi rċevuti ta' spiża addizzjonali minn xi uffiċjali tad-Delegazzjoni.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1812 u 2234 u cioe' jista' il-Ministru jagħti breakdown tan-nefqa tal-flights, akkomodazzjoni, allowances, eċċ? Jista' jaġġorna t-tweġiba tiegħu u jinkludi x-xahar ta' Ottubru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li nagħtat għall-mistoqsija parlamentari numru 2596.
Jista' il-Ministru jinformani meta ntlaħqu l-arranġamenti sabiex karkassa tal-broilers tiġi sussidjata għall-piż ta' 1.3 kilos irrispettivament minn kemm tkun tiżen?
Meta ġew diskussi u ma' min intlaħqu dawn l-arranġamenti tas-sussidji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kriterji li fuqhom jitfasslu s-sussidji kienu proposti u stabbiliti mill-uffiċjali tekniċi tal-Ministeru, taħt id-direzzjoni tad-Direttur Ġenerali ta' l-Ikel u l-Affarijiet Veterinarji skond it-termini tal-ftehim ma' l-Unjoni Ewropeja, skond statistika uffiċċjali u skond parametri ta' kontabilita'. F'dan ir-rigward inħarġet ċirkulari datata 27 ta' Ottubru 2003 fejn hemm indikat mid-Direttur Ġenerali kif is-sussidji għas-sena li ġejja fis-settur tat-tjur għandu jitħallas.
Jista' il-Ministru jgħid kemm iffrankat spejjeż s'issa l-kumpannija Gozo Channel bit-tnaqqis tal-vjaġġi bejn Malta u Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat illi fil-ħames ġimgħat minn meta bdiet sseħħ l-iskeda l-ġdida, jiġifieri l-ħames ġimgħat bejn id-29 ta' Settembru u t-2 ta' Novembru, ġew iffrankati Lm15,700.
Għawdex — Skejjel primarji/sekondarji - Tfal neqsim mis-smiegħ
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm tfal neqsin mis-smiegħ jattendu skejjel primarji u sekondarji f'Għawdex? Kemm għandhom għalliema speċjalizzati jaħdmu magħhom? X'tip ta' servizz jagħtuhom f'ġimgħa tipika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li f'Għawdex hemm 14il student/a neqsin missmiegħ li jattendu liskejjel primarji, sekondarji u postsekondarji governattivi. Dawn listudenti għandhom għalliema speċjalizzata waħda li tagħti servizz peripatetiku billi toħroġ lillistudenti millklassi biex tagħtihom attenzjoni individwali skond ilbżonnijiet partikulari tagħhom.