Attivita' f'Dar il-Mediterran — Storbju minn mużika disco
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga l-istorbju ta' mużika disco li kien hemm nhar il-Ħamis, 6 ta' Novembruf 2003 waqt attivita' li saret f'Dar il-Mediterran, il-Belt u li baqgħet sejra sat-3.00 a.m., meta skond il-liġi l-mużika suppost tieqaf fil-11.00 p.m.?
Peress li minkejja d-diversi mistoqsijiet parlamentari li saru fil-passat dwar dan l-inkonvenjent ta' storbju eċċessiv u l-ħsejjes miċ-chillers ta' air conditioners li ma jidhirx li huma mwaħħla fejn suppost, għadu ma sar xejn, jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha biex jirrimedja s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, il-Pulizija tieħu passi kull meta jkun hemm xi lmenti. Fid-data msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kelliex rapporti simili. Dwar l-attrezzamenti f`dan iċ-ċentru, ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Persuna b'diżabilita' li qed tapplika biex tidħol fl-SVPR
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-problemi li jeżistu rigwardanti l-applikazzjoni li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, biex din il-persuna tkun tista' tidħol f'St. Vincent de Paule?
Jista' jinnota li din hija mara b'diżabilita', tgħix waħedha u ilha tapplika għal żmien konsiderevoli? Jista' jinnota wkoll li din l-anzjana mhijiex ta' waħedha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija daħlet fir-Residenza San Vinċenz de Paule fl-4 ta’ Diċembru 2002 pero’ tablet illi terġa tmur tgħix fid-dar tagħha f’Lulju 2003, liema talba ġiet milqugħa. Reġgħet tefgħat applikazzjoni ġdida f’Ottubru ta’ din is-sena u qegħda tiġi kkunsidrata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isir xogħol ta' manutenzjoni fuq konsenturi li hemm f'entratura D, Binja Msieraħ, George Tayar Str, San Ġwann?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jogħġbu l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' fortune tellers li huma reġistrati mal-VAT department?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li persuni li jaqraw ix-xorti u jagħmlu attivitajiet oħra simili huma obbligati li jkunu reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT.
Izda, billi m’hemmx heading specifiku għal din it-tip ta’ attivita’ ekonomika, taxpayers attivi f’dan it-tip ta’ xogħol, huma inklużi ma’ 1,700 ruħ oħra klassifikati taħt heading li l-attivita’ tagħhom ma tistax tkun klassifikata taħt heading speċifiku tan-NACE Code.
Din il-kategorija tista' tinkludi nies li staqsa dwarhom l-Onorevoli Interpellant.
Jogħġbu l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' mastrudaxxi li huma reġistrati mal-VAT department bħala self-employed?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li 1,084 huma reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT fil-qasam ta’ manifattura ta’ għamara. Dawn jinkludu kemm kumpaniji u mastrudaxxi individwali.
Jista' il-Ministru jinformani kemm hu l-ammont globali ta' flus li ġie ripatrijat lura għal Malta, jew ġew iddikjarati bl-iskema tal-gvern li għalqet fil-15 ta' Novembru, 2003 u l-ammont ta' penalita' li tħallset?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li naħseb li jkun aħjar li nistennew sakemm tingħalaq l-iskema u jiġu sottomessi r-returns lill-Bank Centrali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk dawk il-persuni li għandhom kontijiet pendenti assoċjati mat-taxxa tas-CET u li skond l-ittra mibgħuta lilhom mid-dipartiment tal-VAT f'Marzu 2003, għadhom sa nofs Novembru 2003 ma rċevew l-ebda informazzjoni dwar il-pożizzjoni tagħhom, humiex se jingħataw id-dritt li jħallsu il-kontijiet pendenti tagħhom fuq tul ta' żmien hekk kif kien qal il-Ministru tal-Finanzi stess fid-diskors tiegħu tal-Budget, is-sena l-oħra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ser jinforma lil dawk il-persuni li huma eliġibbli taħt l-iskema dwar il-posizzjoni tagħhom kif mwiegħed fl-ittra mibgħuta f’Marzu 2003 u skond kif imħabbar fid-Diskors tal-Budget 2003.
Għalhekk ma jidhirx li ser ikun hemm ħtieġa għal estensjoni fiż-żmien biex jitħallsu il-kontijiet pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabu karozzi tal-linja ġodda? Kemm fadal li jridu jiġu? Dawk li qegħdin hawn kollha bdew jintużaw fuq ir-rotot? X'se jiġri minn dawk il-karozzi tal-linja li issa m'hemmx bżonnhom għax ġew il-ġodda flokhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s'issa, 122 karozzi tal-linja ġodda ġew importati jew mibnija f'Malta. Mill-122 karozza, 37 għadhom qegħdin fil-proċess li jiġu liċenzjati, filwaqt li l-kumplament ta' 85 huma liċenzjati sabiex joperaw.
Il-karozzi tal-linja l-qodma li qed jiġu mibdula mal-ġodda, bħalissa qegħdin jinżammu mill-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex ikun hemm tnaqqis fin-numru tal-karozzi tal-linja? X'se jiġri minn dawk li mhux se jitbiddlu mis-sidien tagħhom ma' karozzi ġodda u qdiemu sew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa għaddejin diskussjonijet ma' l-ATP fuq ir-riforma tan-network. L-Awtorita` minn naħa tagħha qed tagħmel l-istudju tagħha sabiex tistabbilixxi n-numru ottimu li hemm bżonn biex is-servizz jilħaq il-bżonnijiet tal-pubbliku. Jekk dan l-istadju jirriżulta li m'hemmx bżonn il-508 xarabank, wieħed irid isib il-mezz kif ser jimplimenta t-tnaqqis.
Dawk il-karozzi li s-sidien tagħhom mhux ser ibiddlu x-xarabank iridu jassiguraw li jkunu tajbin għat-triq.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex in-nies jitħajru jużaw it-trasport pubbliku u b'hekk iħallu l-vetturi privati tagħhom id-dar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta flimkien ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku qed jaħdmu flimkien fuq pjan sabiex jitkompla l-bdil ta' rotot eżistenti, filwaqt li - jiffaċilitaw l-ivjaġġar bil-karrozzi tal-linja, sabiex b'hekk is-servizz jattira aktar l-użu tal-passiġġieri.
Għal dan il-għan studji qed isiru biex:
Isir servizz aħjar ta' xogħol bi skeda bil-lejl;
Jiġu introdotti rotot ġodda fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Lokali;
Jiġu introdotti rotot ġodda u
interchanges
ġodda li iktar jiffaċilizzaw il-vjaġġ għall-passiġġieri.
Huwa maħsub li b'dawn l-aranġamenti ġodda n-numru ta' passiġġieri ma jibqax jonqos.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm mindu bdiet din is-sena skolastika li karozzi tal-linja/mini-vans li jġorru l-istudenti ta’ l-iskola inqabdu b'numru aktar milli suppost? X'passi ttieħdu? Isiru kontrolli minn uffiċjali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex ikun żgurat li n-numru permess ma jinqabiżx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta waqqfet tiċċekkja 241 vettura li kienu qed iġorru studenti ta' l-iskola. Minn dawn, 57 vettura ġew irrapurtati għal ksur tal-liġi. Il-każi issa jinstemgħu quddiem il-Qrati jew Tribunali lokali
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru t-traffic lights f'Tal Barrani meta toħroġ miż-Żejtun, eżattament minn Vjal il-25 ta' Novembru? X'qed iżomm biex dan ix-xogħol jibda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ser toħroġ sejħa għal offerti għat-tqçgħid tat-traffic lights imsemija mill-Onor. Interpellant. Malli dan il-proċess ta' tendering jitlesta' x-xogħlijiet ikunu jistgħu jibdew.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jdaħħlu annimali illegalment ġo pajjiżna illum? X'kienu il-ħlejjaq u kemm kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, it-Taqsima ta` l-A.L.E. tal-Pulizija, investigat 4 persuni li nstab li ippruvaw jimpurtaw f`Malta xi speċi ta` annimali illegalment. Il-kwantita` involuta hija kif ġej:-
Ġlud ta` għasafar 871
Ġlud ta` qtates 3
Ġlud ta` friefet il-lejl 5
Ġlud ta` Mongoose Eġizzjani 2
Ġlud ta` volpi 13
Ġlud ta` Gazelle 1
Ġlud ta` Monitor lizard 3
Green monkey 1
Jista' il-Ministru jgħid kemm tiswa lill-gvern fuq medja, sodda ġo l-isptar San Luqa u kemm hu maħsub li tiswa ġo l-isptar Mater Dei meta jitlesta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li sodda ġewwa l-isptar San Luqa tiswa skond kif qegħda kwotata fl-Avviż Legali 147 ta' 1989 kif emendat b'Avviż Legali 53 ta' 1992, 18 ta' 1997 u 147 ta' 2002.
Qabel ma jibda jopera l-isptar Mater Dei wieħed ma jistax jikkalkula bl-eżatt kemm ser tkun tiswa sodda, pero' qed jitlesta studju dettaljat biex tkun ikkalkulata l-ispiża rikorrenti globali ta' l-isptar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku din is-sena? Kemm minn dawn kienu kkaġunati minn kuntratturi li jkunu qed jagħmlu xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li n-numru ta' qtugħ fil-provista ta' l-elettriku fl-aħħar sena u cioe' bejn l-01/10/2002 u t-30/09/2003 kien ta 420. Minn dawn kien hemm 32 qtugħ ikkawżati minn kuntratturi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern minn fuq il-VAT fuq il-funerali u kemm minnhom ġew refunded?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-snin 2002 u sa Settembru 2003 ir-Rifużjoni tal-VAT fuq il-funerali kienu –
2002 – Lm69,160.32
2003 – Lm40,464.95
Rigward id-dħul ta’ VAT fuq il-funerali, ma tistax tingħata figura kemm għal 2002 u għal 2003 minħabba li l-VAT titħallas kemm mill-kummissjonant kif ukoll minn dawk VAT registered taxpayers li jkunu taw xi tip ta’ servizz lill-kummissjonant waqt il-funeral bħal kiri ta’ karozzi, fjuri, avviżi eċċ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn foreign direct investment kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-tabella li ġejja:
Foreign Direct Investment f’Malta bejn l-1998 u l-2002
(Lm000)
1998
1999
2000
2001
2002
103,657
327,949
272,486
126,383
-188,282
L-FDI hu magħmul minn:
· investiment inizzjali ta' l-ishma ( equity) u ż-żjieda jew it-tnaqqis li jista' jkun hemm wara;
· il-profit ri-investit (re-invested earnings); u
· self (loans) u trade credits bejn il-kumpaniji nnifishom (parent and daughter companies)
Ta’ min jinnota li l-figura negattiva għall-2002 hi dovuta prinċipalment għall-ħlas lura ta’ self minn kumpanniji sussidjarji Maltin lill-kumpanniji parent tagħhom (naturalment barranin).