Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Uffiċjali kadetti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali kadetti jsegwu l-kors għal spetturi? Fiex inhuma gradwati? Meta bdew il-kors u meta se jiggradwaw għal spetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm 25 kadetti li qed isegwu l-kors għal Spetturi fil-Korp tal-Pulizija. Il-kors beda fil-11 ta` Frar ta` din is-sena u huwa mistenni li jintemm għal bidu tas-sena d-dieħla. Il-kwalifiki li għandhom dawn il-kadetti jinkludu: B.A. Communications B.A. Legal & Humanistic Studies B.A. Commerce B.A. History of Arts B.A. Arts B. Pharm B.A. Science B.A. Education Dip. Legal Procurator Dip. Notary Public

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa mill-aktar fis possibbli l-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċċju inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

Għawdex — San Lawrenz - problema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rimedjata l-problema tad-drenaġġ f'Corner Street u f'Dalelands Street, f'San Lawrenz, Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li diġa qed tittieħed azzjoni mis-Sezzjoni tad-Drenaġġ f'Għawdex biex tiġi rimedjata l-problema imsemmija fis-sistema tad-drenaġġ.
Leg 10 PQ #2704 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għawdex — Skola tal-biedja Kelinu Galea - studenti

Question

B'riferenza għall-istudenti ta' l-iskola tal-biedja Kelinu Galea li ġiet magħluqa biex issir MCAST, b'riferenza għall-assigurazzjoni mogħtija mill-Ministru li dawn l-istudenti se jiġu mqiegħda f'post alternattiv adegwat u peress li dawn l-istudenti qed jitqiegħdu viċin ħafna tat-toilets, jista' jara li dawn l-istudenti jiġu posted adegwatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qegħdin isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex dawn l-istudenti jiġu akkomodati fi klassijiet oħra.

Għawdex — Bajja tax-Xlendi - hump

Question

Peress li fil-bajja tax-Xlendi s-sajf li għadda s-sidien ta' diversi stabbilimenti lmentaw dwar il-problema tat-traffiku u saħansitra ġiet ippreżentata petizzjoni lill-kunsill lokali tal-Munxar, peress li issa ġejja x-xitwa u fil-bajja tax-Xlendi jkun hemm kumulu ta' ilma li jikkawża ħsara lill-istabbilimenti iktar u iktar issa li hemm hump li żżomm l-ilma, jista' il-Ministru jikkonsidra dawn il-problemi u jara kif isolvi jew ta' l-inqas itaffi l-inkonvenjent ta' dawn in-nies?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta l-Awtorita' dwar it-Trasport ikkonsultat mal-Kunsill Lokali tal-Munxar ġiet infurmata li fil-ġranet li gejjin din il-hump ser titneħħa.
Leg 10 PQ #2706 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għawdex — Rabat - skola primarja tal-Vajringa

Question

Peress illi fl-iskola primarja tal-Vajringa tar-Rabat, Għawdex hemm librerija frekwentata minn ħafna nies ta' eta' differenti, peress illi t-taraġ li jieħu għal din il-librerija mhuwiex addattat għan-nies anzjani u għall-persuni b'diżabilita', jista' il-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jiġi nstallat lift għal dan l-iskop jew isiru xi xogħlijiet biex jiffaċilitaw l-aċċess għal-librerija?

Response (GALEA, LOUIS)

Rigward l-installazzjoni ta' 'lift' fil-librerija ta' l-iskola primarja tal-Vajrinġa tar-Rabat Għawdex, nitlob lill-Onor. Membru sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #2707 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Raħal Ġdid — MCAST

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-surmast ta' l-MCAST f'Raħal Ġdid mingħajr l-ebda raġuni qiegħed jordna studenti tal-motor vehicle tehnicians IV sabiex jitilqu 'il barra mill-klassi u meta dan jaf ben tajjeb li b'ordni bħal dik qiegħed jippreġudika d-drittijiet ta' l-istess studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-impostazzjoni tal-mistoqsija hi għal kollox żbaljata u lill-MCAST ma jirriżultalux li xi drittijiet ta' l-istudenti qed jiġu preġudikati. Informat li dawn l-istudenti qegħdin isegwu kors ta' Technician Diploma f'Inġinerija tal-Karozzi tas-City and Guilds. Dan il-kors apprendistat huwa t'erba' snin. Għal dawn l-aħħar tlett snin kienu qegħdin jistudjaw f'Mikielang Sapiano Technical Institute. Dawn l-istudenti ingħaqdu ma' l-MCAST f'Ottubru 2003. Informat ukoll li biex jingħataw id-Diploma, l-istudenti jkollhom jistudjaw u jgħaddu minn tliet kategoriji separati li huma Engine Systems; Chassis Systems; Maths u Electronics. Normalment l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet fl-aħħar tar-raba' sena tagħhom. Iżda uħud mill-istudenti fl-aħħar tat-tielet sena jagħmlu ż-żewġ kategoriji (Engines u Chassis). Fir-raba' sena, l-istudenti jagħmlu tlett ijiem fil-ġimgħa fil-Kulleġġ u jumejn fil-ġimgħa ma' l-isponsor tagħhom. Iżda peress li dawn l-istudenti kienu diġa' għamlu żewġ kategoriji inħass li l-istudenti ma jkollhomx għalfejn jattendu l-Kulleġġ iktar minn tlett ijiem fil-ġimgħa. Dan sar biex ma jkunx hemm repetizzjoni minn tas-sena ta' qabel. Inħass il-bżonn li l-istudenti jibbenefikaw aktar jekk jaħdmu ma' l-isponsor għal ġurnata żejda biex b'hekk ikollhom aktar ħin għal on-the-job training.

Ta' Qali — Fieri

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tingħata art f'Ta' Qali biex jibdew jiġu organizzati xi tip ta' fieri fuq skala nazzjonali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s 'issa l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m' għanda l-ebda talba għall-permess ta' l-iżvilupp pendenti għal xi tip ta' fiera fuq skala nazzjonali f' Ta' Qali.

Uffiċċju konġunt — Applikazzjoni A3872/97

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni bin-numru A3872/97 ntavolata ma' l-uffiċċju konġunt, sal-lum għadha ma ġietx proċessata meta ma kien hemm u m'hemm l-ebda ntopp fiha?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-talba ta` rikonoxximent ta` qbiela, jien infurmat li l-Uffiċċju Konġunt għadu qiegħed jistenna li jirċievi dokument mitlub lill-applikant fit-28 ta` Mejju 2003, sabiex ikun jista` jipproċessa t-talba tiegħu.
Leg 10 PQ #2712 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti b'diżabilita' - lift

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid liema huma dawk l-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex li għandhom studenti b'diżabilita' ta' mobilita'? Liema minn dawn l-iskejjel għandhom lift? Liema huma l-iskejjel li fihom hemm ippjanat li jiġi nstallat lift u meta hu ttamat, bejn wieħed u ieħor, li dan ix-xogħol ikun lest f'kull skola?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 10 PQ #2713 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel speċjali — Studenti

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid: a) kemm kien hemm studenti f'kull skola speċjali, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin? b) kemm hemm ħaddiema full time u part-time jaħdmu f'kull skola speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.

Tas-Sliema — Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jinfurmani jekk ix-xogħlijiet ta’ uċuh ġodda fix-xatt ta’ Tas-Siema u fi Triq it-Torri biswit il-pjazzetta, sarux mill-gvern ċentrali? Fil-każ affermattiv kemm swew? Kien hemm sehem mill-kunsill lokali ta’ Tas-Sliema?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li riċentement l-Awtorita' dwar it-Trasport għamlet xogħlijiet ta' tiswija fl-uċuħ ta' parti minn Triq it-Torri u ta' parti minn Triq ix-Xatt li taqa fil-konfini tal-Kunsill Lokali tal-Gzira, biex jitneħħa periklu li kien qed jinħoloq għall-vetturi tat-trasport pubbliku, wara li kienu ġew ikkonsultati ż-żewġ kunsilli kkonċernati. Dan ix-xogħol ġie jiswa madwar Lm8000.

Qrati — Kawżi deċiżi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm proċessi ta' kawżi deċiżi qed jistennew sabiex tinħadmilhom it-taxxa (taxed bills of costs): 1) fit-Tribunal għal talbiet żgħar; 2) fil-Qorti tal-maġistrati (Malta); 3) fil-Prim'Awla tal-Qorti ċivili; u 4) fil-Qorti ta' l-appell?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sat-13 ta` Novembru 2003, ma kien hemm l-ebda kawża deċiża, u li kienet intalbet it-taxxa għaliha sa dakinhar, li kienet qed tistenna sabiex tinħadmilha t-taxxa (taxed bill of costs) fil-Qrati tal-Maġistrati u fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar. Hemm biss 5 kawżi fil-Prim Awla li għadhom ma ġewx intaxxati. Dawk se jitlestu sa kmieni l-ġimgħa d-dieħla. Ninsab infurmat ukoll illi sat-13 ta` Novembru 2003, kien hemm 10 kawżi deċiżi fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar (Għawdex) li kienu qed jistennew sabiex tinħadmilhom it-taxxa.

Birkirkara — Traffic lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta d-direttorat tat-toroq fi ħdan l-awtorita' tat-trasport pubbliku għandu l-ħsieb li jinstalla t-traffic lights fil-junction bejn Triq Salvu Psaila u Triq Fleur-de-Lys, fejn il-cables għal dawn il-lights kienu diġa' ġew mgħoddija max-xogħlijiet fl-istess triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta saru x-xogħlijiet f'dan il-junction tqegħdu katusi bħala ducts sabiex jekk ikun hemm bżonn li jiġu mgħoddija xi cables, dawn ikunu jistgħu jgħaddu minn dawn id-ducts. Fir-rigward ta' traffic lights imsemmija mill-Onor. Interpellant, l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha qed tikkunsidra jekk f'dan il-junction għandhomx isiru it-traffic lights.

Birkirkara — Pelican crossings

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-direttorat tat-toroq fi ħdan l-awtorita' tat-trasport pubbliku jikkonsidrax il-ħtieġa li ż-żewġ pelican crossings li jagħtu għall-Knisja ta' Santa Tereża min-naħa ta' Triq il-Wied u min-naħa ta' Triq Naxxar, jiġu mibdula fi traffic light crossings u dan minħabba li l-volum tat-traffiku u l-periklu li qed jinħoloq minħabba n-nuqqas ta' preċedenzi li qed tiġi mogħtija mis-sewwieqa meta n-nies jiġu biex jaqsmu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex tikkunsidra s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant sabiex tara xinhu l-aħjar li jsir.
Leg 10 PQ #2741 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Naxxar — Giovanni Curmi higher secondary - xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jara li x-xogħlijiet li qed isiru f'Giovanni Curmi Higher secondary fin-Naxxar isiru kemm jista' ikun malajr peress illi l-istudenti qed ibatu ħafna minn dan l-inkonvenjent, speċjalment dawk l-istudenti li jbatu mill-asthma?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 10 PQ #2748 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Dwejra - Tindif mill-iskart

Question

Tista' il-Ministru tgħid f'liema stadju wasal it-tindif tad-Dwejra mill-iskart li kien intefa' minn persuni rresponsabbli?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar­risposta mogħtija għall­mistoqsija 34703 li nqrat fis­seduta 774 tal­15 ta' Lulju 2003.