Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Drydocks

Question

Jista' il-Ministru: a) jagħti dettalji dwar ir-rati u kondizzjonijiet ta' kiri ta' l-assi tat-tarzna; b) jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra business plan tax-shipyard illum ġestiti minn kumpanniji ġodda mwaqqfa mill-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-kiri tal-art, l-baċiri u l-equipment mill-kumpanija Malta Shipyards Ltd., għadhom qed isiru negozjati bejn il-Gvern u l-Malta Shipyards fuq il-kundizzjonijiet tal-kiri ta' dawn l-assi. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Business Plan tat-Tarzna hu ta' natura kummerċjali u sensittiva u għalhekk m'għandux ikun publikat.

Bormla — Ħsara fil-kanen ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li tintlaqa' it-talba tar-residenti ta' Bieb il-Polverista, Bormla, liema talba f'forma ta' petizzjoni qed tintbagħat separatament, sabiex tissewwa l-ħsara li hemm fil-kanen ta' l-ilma li qed twassal sabiex ibatu minn nuqqas ta' pressa?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-problema ta' nuqqas ta' ilma fl-inħawi ta' Bieb il-Polverista, Bormla hi kkawżata minn kanen li huma miżdudin . Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma stabbiliet li jridu jinbidlu madwar 175m ta' kanen. Diġa' bdew il-preparazzjonijiet biex isir dan ix-xogħol u l-kanen mistennija li jibdew jinbidlu fi żmien qasir.
Leg 10 PQ #2681 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Laqgħa ministerjali f'Cancun — Negozjati

Question

Jista' il-Ministru jippubblika il-working paper li tħejjiet mill-ministeru tiegħu dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-falliment tan-negozjati tal-laqgħa ministerjali ta' Cancun jew executive summary tagħha?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li ebda working paper jew executive summary tal-working paper ma ġiet ippreparata mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-falliment tan-negozjati tal-laqgħa ministerjali ta' Cancun.
Leg 10 PQ #2682 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

UNDP — Status ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li fil-UNDP l-istatus ta' Malta inbidel minn dak ta' receiving għal contributing state?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma li fil-UNDP l-istatus ta' Malta inbidel minn dak ta' receiving country għal net contributing country.
Leg 10 PQ #2683 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Laqgħa tal-OSCE — Nuqqas ta' attendenza minn naħa Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li ħadd ma attenda minn naħa Maltija għal-laqgħa tal-OSCE għall-police experts?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #2684 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Kunsill ta' l-Ewropea — Dettalji dwar special investigation techniques in relation to acts of terrorism

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif wieġbet Malta lill-kunsill ta' l-Ewropa dwar it-talba għal dettalji dwar special investigation techniques in relation to acts of terrorism?

Response (BORG, JOE)

It-tweġiba ta' Malta lill-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-talba da parti ta' l-istess Kunsill għal dettalji dwar special investigation techniques in relation to acts of terrorism għada qed tiġi formulata mill-awtoritajiet konċernati.
Leg 10 PQ #2685 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Commonwealth heads of government meeting

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali ta' Malta dwar il-commonwealth heads of government meeting li jmiss? Intgħażlet diġa' jew għadha fil-proċess tal-lobbying dwar dan? U jekk iva, x'appoġġ inkiseb s'issa mill-pajjiżi membri tal-commonwealth?

Response (BORG, JOE)

Deċiżjoni dwar fejn se tinżamm il-Commonwealth Heads of Government Meeting fis-sena 2005 tittieħed fil-laqgħa li jmiss fin-Niġerja f'Diċembru li ġej. Malta esprimiet l-interess tagħha li tospita din il-laqgħa mal-pajjiżi tal-Commonwealth. Fil-fatt jien bgħatt ittra f'dan is-sens lil kull Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' din l-organiżżazzjoni. Ma naħsibx li jkun prudenti u għaqli li niżvela l-appoġġ li Malta kisbet s'issa sabiex tospita il-Commonwealth Heads of Government Meeting li jmiss, minħabba f'raġunijiet ovvji.

Vettura FBN — 608

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn għadu ma ħariġx il-permess għal-liċenzja u għar-reġistrazzjoni ta' vettura FBN - 608? Jista' jgħid meta se joħroġ dan il-permess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din il-vettura ġiet reġistrata mad-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet fit-12 ta' Ġunju 2002. Peress li din il-vettura ma kienitx ġdida meta din ġiet reġistrata, is-sid kien mitlub jippreżenta Inspection Form mingħand i-pulizija qabel ma tinħareġ il-liċenzja tat-triq. Fis-7 ta' Novembru 2003, il-pulizija informat id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet li ma għandix oġġezzjoni għal-liċenzja ta' din il-vettura u għaldaqstant din il-vettura tista tiġi liċenzjata.

MEPA — Każ bil-file no: HAV 3/2003

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2463 u cioe' jista' jgħid x'passi ttieħdu mill-MEPA biex jitneħħew jew jiġu regolarizzati strutturi llegali f'numru ta' appartamenti in konnessjoni ma' każ DN 598/03 biex ikun jista' jiġi nstallat lift bir-riferenza ta' l-awtorita' tad-djar HAV 3/2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet ħadet diversi miżuri kontra sidien jew okkupanti / residenti t' appartamenti minn ġo dan il-Housing Estate u dan peress li kienu twaħħlu aperturi ta' aluminium / ħadid u ħġieġ ma’ verandi miftuħa u mal-faċċati rispettivi tal-blokki sabiex dawn il-verandi ikunu jistgħu jintużaw bħala estensjoni interna ta’ l-istess appartamenti. Fil-fatt kienu ġew servuti 15-il Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq kontra min hu ikkonċernat inkluż il-Kummissarju ta l-Artijiet bħala sid u dan skond l-Att Nru 1 tal 1992 dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp. Kienu saru diversi applikazzjonijiet mis-sidien sabiex dan l-iżvillupp jiġi rregolarizzat skond il-liġi iżda dawn ġew kollha irrifjutati mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Minħabba f' hekk l-Avviżi maħruġa ġew inklużi fil-lista ta' Azzjoni Diretta sabiex il-MEPA tgħaddi hija stess biex tneħħi l-iżvillupp in kwestjoni.
Leg 10 PQ #2688 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

SRE teachers

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li t-team ta' SRE Teachers li jiltaqgħu darbtejn fil-ġimgħa jingħataw premises permanenti minn fejn jistgħu joperaw? Dan jista' iservi wkoll bħala point of reference għall-ġenituri, għalliema, eċċ.?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ġiet identifikata kamra fis-sular t'isfel tal-Curriculum Centre, Furjana li qed tintuża minn Peripatetic Teachers tal-PSD. Saret talba biex isir refurbishment ħalli din il-kamra tkun tita' sservi aħjar bħala point of reference għall-għalliema, ġenituri, eċċ. Saret ukoll talba biex ikun hemm servizz ta' l-internet f'din il-kamra.
Leg 10 PQ #2689 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

SRE teachers — Lap top computers

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jingħataw lap tops lil SRE Teachers billi dawn għandhom bżonnhom fil-qadi ta' dmirijiethom? Jista' jgħid jekk huwiex possibbli wkoll li dawn l-għalliema jingħataw unlimited access fuq l-internet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hi l-'policy' tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li 'laptops' jingħataw lill-għalliema tal-klassi primarja, lill-ICT peripatetic teachers, lis-Subject Co-Ordinators u lill-'complimentary teachers'. Rigward l-aċċess għall-internet, id-Diviżjoni qiegħdha tikkunsidra li tagħti dan l-aċċess fiċ-ċentri speċjalizzati.

UE — Ban on spam directive

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti addottax id-direttiva dwar privacy and electronic communications ta' l-Unjoni Ewropea li hi magħrufa aħjar bħala l-ban on spam directive?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-direttiva numru 2002/58/EC ta' l-Unjoni Ewropeja intitolata "dwar l-ipproċessar ta' data personali u tal-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika" ġiet addotata kważi pjenament tramite l-Avviżi Legali 16 u 19 ta' l-2003. Il-parti li tikkonċerna l-spam mail tinsab fir-regolament 10 ta' l-A.L. 16 tat-2003.

Bdiewa — Sussidju għal xiri ta' makkinarju ġdid

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'sussidju lill-bdiewa għal makkinarju ġdid f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lill-bdiewa għal makkinarju ġdid.

Bdiewa — Sussidju għal xiri ta' pompi ġdoda

Question

Jisa' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'sussidju lill-bdiewa għal pompi ġodda f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lil-bdiewa għal pompi ġodda.

Bdiewa — Sussidju għall-bini ta' ġwiebi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'ussidju lill-bdiewa għall-bini ta' ġwiebi ġodda f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lill-bdiewa għal bini ta’ ġwiebi ġodda.

Bdiewa — Sussidju għall-bini ta' agriculture stores

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'sussidju lill-bdiewa għall-bini ta' agriculture stores ġodda f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lil-bdiewa għal bini ta’ agricultural stores’ ġodda.

Bdiewa — Sussidju għal xiri ta' makkinarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet is-somma ta' flus mogħtija f'sussidju lill-bdiewa għal makkinarji bħal tractors f'Malta u Għawdex separatament minn April ta' din is-sena 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f’ dan il-perjodu ma ġewx mogħtija sussidji lill-bdiewa għal makkinarju bħal ‘tractors’.

Fabbriki — Impjiegi ġodda

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 73 u 2332, jista' il-Ministru jinformani x'ħiliet, snajja', eċċ jirrikjedu l-5,152 impjieg li mistennija jiġu ġġenerati fil-fabbriki eżistenti? Liema huma l-fabbriki li joħolqu dawn il-5,152 impjieg? Jista' jinformani jekk il-mira ta' 5,152 impjeg ġdid skond it-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 73 u 403 intlaħqietx?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħiliet, snajja, etc li huma mistennija jiġu ġġenerati mill-fabbriki eżistenti ġew mgħoddija lil din il-Kamra fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 403, Seduta Numru 21. Fir-rigward ta’ l-impjiegi ġodda li ġew krejati qed ngħaddi t-tabella kif ġej: Projected Employment New Jobs Created 2000 - 2003 1,807 2000 - Ottubru 2003 443 (jinkludu 47 p/t) 2001 - 2004 1,645 2001 - Ottubru 2003 529 2002 - 2005 1,318 2002 - Ottubru 2003 301 (jinkludu 9 p/t)

Kumpanniji ta' l-insurance — Poloz ta' l-assigurazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'rimedju se jinstab għall-problema li qegħdin jikkawżaw l-aġenziji ta' l-insurance meta dawn qegħdin jirrifjutaw illi jinxurjaw persuna ta' inqas minn 21 sena meta l-makna tkun ta' kapaċita' ta' 23 litri 'il fuq?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għandu jiġi spjegat illi la il-Ministru u lanqas il-Gvern jew awtorita' pubblika m'għandha l-jedd li toqgħod tindaħal f'każijiet ta' poloz individwali tal-assikuruazzjoni. Din hi materja li tikkonċerna l-awtonomija tal-partijiet li jixtiequ jidħlu f'transazzjoni privata, u għalhekk trid tiġi gvernata mill-forzi tas-suq li jinsabu salvagwardati bil-liġi moderna dwar il-kompetizzjoni introdotta fl-1994.
Leg 10 PQ #2700 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

San Pawl il-Baħar — Tifla li tattendi l-iskola primarja

Question

Peress li l-persuna - li isimha qed jintbagħat separatament - għandha sitt snin u tattendi l-iskola primarja ta' San Pawl, peress li din it-tifla tbati minn autism li jfisser li għandha ntellett ta' sentejn biss; peress li tant huwa każ sever li għadha bin-nappies; u peress li tant tieħu mediċina qawwija li ommha trid toqgħod 24 siegħa magħha għaliex trid titħalla sajma qabel tieħu kull mediċina; jista' il-Ministru jara li jiġi awtorizzat li għalissa t-tifla ma tmurx skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li it-tifla imsemmija ilha ma tattendi skola minn Ottubru. L-assenza tagħha mill-iskola hija ċċertifikata minn tabib mediku, u kull ċertifikat ikopri xahar sħiħ. Skond il-kap ta' l-iskola inħareġ it-tieni ċertifikat li jkopri x-xahar ta' Novembru. L-iskola diġa' kkuntattjat lis-Social Worker li qiegħdha tieħu ħsieb il-każ.