Power station tal-Marsa — Pollution emission report
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar snin sarx xi pollution emission report dwar il-power station tal-Marsa? Jekk iva, jista' jqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra u/jew għall-inqas jippubblika executive summary tal-konklużjonijiet tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-Global Partnership against the spread of weapons and materials of mass destruction li oriġinat fil-livell tal-grupp imsejjaħ G8? Billi hija l-politika dikjarata ta' dan il-grupp illi jistieden third countries biex jipparteċipaw f'din l-inizjattiva u jikkontribwixxu bħala donors għall-proġetti mnedija taħt dan il-partnership, jista' jgħid jekk Malta ġietx avviċinata f'dan ir-rigward, x'kienet it-tweġiba tal-Gvern Malti u jekk fl-affermattiv, x'kien l-impenn u l-kontribut ta' Malta f'dan ir-rigward?
Response (BORG, JOE)
Malta dejjem tat l-appoġġ tagħha favur inizjattivi u miżuri mmirati lejn il-waqfien tal-firxa ta' l-armi u materjal maħsuba għad-distruzzjoni tal-massa. Malta hija Firmatarja tat-Trattati ewlenin dwar id-diżarmament u implimentat il-miżuri li jinsabu f'dawn l-istrumenti permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u regolamenti amministrattivi. Il-Gvern jemmen illi bl-eliminazzjoni ta' l-armi maħsuba għad-distruzzjoni tal-massa u bit-trawwim ta' miżuri li jibnu l-kunfidenza bejn il-pajjiżi, permezz ta' koordinazzjoni ta' kontrolli fuq l-esportazzjoni u ta' kooperazzjoni, tista tiżdied s-sigurta' u l-istabbilita' b'mod sinifikanti. Biex tiffaċċja t-theddida terroristika eżistenti u emerġenti, Malta adottat pożizzjoni li biha mpenjat ruħha illi twaqqaf il-proliferazzjoni ta' kull xorta ta' armi maħsuba għad-distruzzjoni tal-massa. F'dan ir-rigward, Malta tappoġġja bis-sħiħ il-prinċipji tal-G8 Global Partnership, adottati fil-laqgħa għolja tal-G8 f'Ġunju 2002, li jżommu lit-terroristi, kif ukoll dawk illi jipproteġuhom, milli jakkwistaw armi jew materjal maħsuba għad-distruzzjoni tal-massa.
Malta tappoġġja wkoll l-adozzjoni mill-G8 tal-linji gwida għal proġetti ġodda u dawk mwessgħa ta' kooperazzjoni, li għall-ewwel se jiffukaw fuq proġetti fir-Russja u l-pajjiżi ta' l-ex Unjoni Sovjetika. Wieħed għandu iżda jifhem illi Malta għandha limitazzjonijiet fil-kontribuzzjoni li tista' tagħti fi proġetti ta' dan it-tip. Malta ma ġietx avviċinata biex tipparteċipa jew tikkontribwixxi f'din l-inizjattiva dwar proġetti mnedija taħt il-Global Partnership tal-G8.
Pitkalija ċentrali — Importazzjoni ta' ħxejjex u frott
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-kwantita' u x'varjeta' ta' frott u ħxejjex importati ddaħħlu fil-Pitkalija ċentrali sabiex jinbiegħu waqt l-attivita' ogranizzata mill-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd, 9 ta' Novembru, 2003?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-bejgħ tal-frott u ħaxix waqt l-attivita’ organizzata mill-Partit Nazzjonalista ma ġiex irrekordjat skond Avviż Legali Nru.360 tal-1952 (Marketing of Agricultural Produce Regulations) peress li din kienet attivita’ privata u dan il-bejgħ ma hux ikkontrollat mill-Avviż Legali numru 24 tal-1975. (Agricultural Marketing Centres Regulations)
B'riferenza għas-sussidji li l-Prim Ministru ħabbar nhar id-9 ta' Novembru waqt attivita' fil-Pitkalija Ċentrali li se jingħataw lill-bdiewa, raħħala u l-agro-industrija, jista' jagħti breakdown ta' dawn is-sussidji, settur settur, u kemm minnhom se jkunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u kemm mill-Gvern Malti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
X'upgrading sar minn April ta' din is-sena ’l hawn fil-packing station ta' Ta' Qali? Kemm sewa flus?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-‘upgrading’ tal-packing station f’ Ta’ Qali jifforma parti mill-pjan ta’ grading station li dalwaqt jiġi ppreżentat biex jiġi implimentat mill-fondi tal-Protocol Taljan.
X'upgrading sar fil-Labaratorji tal-farm esperimentali minn April ta' din is-sena ’l hawn? Kemm sewa flus?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-laboratorji fil-Farm Esperimentali ġewwa l-Għammieri qegħdin jiġu upgraded kompletament mill-ġdid bil-bini ta' kumpless ta' żewġ sulari li jinkorpora diversi units għall- analiżi ta' ħamrija, ilma, pjanti, fertilizzanti, żrieragħ, ġwież u għalf. L-ispiża għall-bini u t-tkomplija tax-xogħlijiet ta' dan il-kumpless hi stmata li tlaħħaq madwar Lm100,000.
S' issa tlestew ix-xogħlijiet ċivili (ġebel u saqaf) u fil-ġranet li ġejjin se joħorġu sejħiet għall-offerti għat-tkomplija tax-xogħlijiet (dawl, ilma, drenaġġ, madum, kisi, arja kundizzjonata etc) u mistennija jkunu lesti sa' l-ahhar ta' April 2004. Fl-istess waqt diġa bdew jinxtraw xi apparat u għamara tal-laboratorju meħtieġa, inkluż fume cabinet, forn, sample mill, homogeniser, fibertech system, scrubber, soxtherm unit u modular furniture tal-laboratorju bi spiża ta' madwar Lm50,000.
Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ħaddiema bil-kuntratt
Question
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2628 u cioe' jista' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2627, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni b'kuntratt definit mal-White Rocks holiday complex sena b'sena, mill-1987?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li in-numru ta' persuni ngaġġati b'kuntratt definit mal-White Rocks Holiday Complex sena b'sena mill-1987 hu kif ġej. Ta' min wieħed igħid li dawn il-ħaddiema huma kollha ngaġġati fuq doveri fl-ITS.
Sena Numru ta' Ħaddiema
1987 -
1988 1
1989 -
1990 5
1991 8
1992 2
1993 3
1994 7
1995 2
1996 2
1997 -
1998 11
1999 2
2000 -
2001 5
2002 12
2003 11
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taż-żewġ tarznari li huma preżentement mislufa lill-:- a) ministeri; b) dipartimenti tal-gvern; c) kumpanniji parastatali; d) awtoritajiet?
Jista' jagħti breakdown ta' dan b'riferenza għall-grades li għandhom? Kemm minnhom jagħmlu parti mid-900 impjegat li mhux se jibqgħu fuq il-kotba tat-tarzna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex f'Għawdex għad m'għandniex Nutar tal-Gvern? Jista' jara li sakemm jiġi maħtur Nutar tal-Gvern fir-Reġistru Pubbliku, Għawdex, in-nutar li jiġi minn Malta jiġi iktar ta' spiss biex il-back log ta' xogħol jonqos?
Response (BORG, TONIO)
Il-proċeduri biex jiġi appuntat Nutar tal-Gvern għal Għawdex jaqgħu taħt ir-responsabbilita` tal-Ministeru għal Għawdex. Sakemm dan il-post huwa vakant, xogħol ta` kuntratti meħtieġa f`Għawdex qed jinħadem mill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern, Malta.
Rigward il-"backlog", jiġifieri ħruġ ta` kopji, ġie appuntat Aġent Arkivist għal Għawdex li jonqsu jieħu l-ġurament tal-ħatra qabel ma jkun jista` jagħmel dan ix-xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni r-riċerki mir-Reġistru Pubbliku qed isiru Malta biss meta qabel ta' Għawdex kienu jsiru f'Għawdex stess, bil-konsegwenza li issa r-riċerki qed idumu iktar?
Response (BORG, TONIO)
Mindu ġiet adottata s-sistema ġdida ta` riċerki garantiti fl-1999, ir-riċerki mir-Reġistru Pubbliku dejjem kienu jsiru f`post ċentrali. Fuq kollox, iż-żmien li matulu d-Dipartiment huwa marbut li jipprovdi r-riċerki uffiċjali huwa l-istess kemm għal Malta u kemm għal Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex madwar 30 facilitator qegħdin ikollhom jiġu Malta wara l-ġurnata tax-xogħol biex jagħmlu l-kors? Għaliex dan il-kors ma jsirx f'Għawdex stess, tenut kont li issa li ġejja x-xitwa u l-inkonvenjent tagħhom ikun ikbar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba l-fatt li dan il-kors jinvolvi il-parteċipazzjoni ta' numru ta' letturi barranin, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħasset li l-ispiża biex tirreplika l-kors f'Għawdex mhix vijabbli.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Universita' ta' Malta qegħdin jagħmlu minn kollox biex l-inkonvenjent imġarrab mill-Għawdxin jonqos kemm jista' jkun.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li minkejja li l-postijiet vakanti għal diretturi avżati permezz ta' OPM circular 45/2003 tat-22 ta' Ottubru, 2003 b'data ta' l-għeluq għal dawn l-applikazzjonijiet tkun l-14 ta' Novembru, 2003 uħud mill-appointments rilevanti ħarġu fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Novembru, 2003 b'data effettiva ta' l-appointment tat-8 ta' Ottubru, 2003, per eżempju bħal fil-każ tal-ministry of social policy, director EU affairs, ministry of education, director EU affairs, ministry of finance EU affairs, etc.?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta’ Novembru 2003 dwar “appointments” ta’ diretturi sar minħabba f’ristrutturar ta’ numru ta’ direttorati. Uħud mid-direttorati l-ġodda li nħolqu imtlew mill-istess diretturi li kienu jokkupaw dawk id-direttorati li spiċċaw minħabba l-imsemmi ristrutturar. Iċ-ċaqliq ta’ dawn id-diretturi kien għall-kumplament tal-kuntratt ta’ tliet snin li għandhom u li għandu jiskadi fl-2004.
Skond il-prassi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu vakanti tul iż-żmien imsemmi ġew reklamati permezz ta’ Ċirkulari OPM Nru 45/2003 biex ma jintilifx żmien biex jinstabu l-persuni adatti biex jimlew il-vakanzi.
Jista' l-Ministru jgħid x’se jsir minn Sant' Iermu? Għad hemm il-ħsieb li hemmhekk isiru l-imħażen sabiex jintużaw minn dawk involuti fil-Karnival? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk għadx hemm il-ħsieb li jsir il-villaġġ tal-karnival?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li qatt ma kien hemm ħsieb li l-imħażen jintużaw minn dawk involuti fil-Karnival, isiru fil-Forti Sant’Iermu.
Dejjem kienet l-intenzjoni li Sant’iermu ikun jista’ jintuża għall-skopijiet oħra aktar addattati għall-post storiku bħal dan, u li il-karrijiet tal-Karnival jinstabilhom post ieħor aktar adattat.
Dan huwa dak li dejjem irreferejna għalih meta nitkellmu fuq villaġġ tal-Karnival. Din hija l-intenzjoni tal-Ministeru tiegħi li fuqha qegħdin naħdmu b’impenn u nispera li filwaqt li lil dawk li huma involuti fil-Karnival noffrulhom post aktar addattat fl-istess ħin inkunu nistgħu nibdew naħsbu bis-serjeta’ biex nagħtu lil Sant’Iermu id-dehra li jixraqlu.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali jew il-persuna/i li ħadu dan ir-rwol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li l-membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali huwa kompost kif ġej:
Is-Sur Nazju Abela Chairman
Is-Sur Nenu Aquilina Membru
Dr. Paul Mifsud Membru
Is-Sur Martin Morana Membru
Is-Sur Lawrence Mizzi Membru
Is-Sn. Margaret Mercieca Membru
Is-Sn. Lydia Chetcuti Membru
Is-Sur Charles Coleiro Membru
Is-Sn. Joyce Guillaumier Membru
Is-Sur Charles Caruana Membru
Is-Sur Anton Miceli Segretarju
Persuni li tressqu l-qorti fuq moħqrija ta' l-annimali
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq każi ta' moħqrija fuq annimali? X'weħlu dawk li nstabu ħatja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2003, kien hemm 11-il persuna li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija dwar moħqrija fuq annimali. Minn dawn 2 ġew liberati filwaqt li l-każi l-oħra għad m`humiex deċiżi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti minħabba reati li saru waqt attivitajiet sportivi din is-sena? Fejn saru dawn ir-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2003, kien hemm 42-il persuna li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija dwar reati waqt attivitajiet sportivi, liema reati ġew kommessi waqt ir-regatta fil-Port il-Kbir, il-korsa taż-żwiemel fil-Marsa, il-Pixxina Nazzjonali f`Tal-Qroqq, il-Paviljun ta` l-isports f`Ta`Qali u fil-football grounds ta` Kordin, Ta` Qali, Sannat, Kerċem, Xewkija u Rabat.