Jaf il-Viċi Prim Ministru li minħabba t-titjib li ngħataw il-home helpers fil-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, fosthom leave, sick leave, etc. inħolqot sitwazzjoni fejn anzjani tnaqqsilhom is-servizz li kien jingħata qabel minħabba short staff u dan qed joħloq tbatija għall-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’ qiegħed fil-proċess li jirrekluta Part-time Social Assistants ġodda biex jissostitwixxu l-PTAs eżistenti meta dawn ikunu bis-sick jew vacation leave.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk l-istudenti tal-MCAST, sezzjoni Agri-Business, iridux iħallsu minn buthom madwar Lm75 biex ikunu jistgħu joqogħdu għall-eżami tal-BTEC?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-miżati ta' l-eżamijiet tal-BTEC huma dawk stabbiliti mill-Bord ta' l-Eżamijiet.
Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar meta hemm il-ħsieb li dawn it-toroq li jinsabu fil-Gudja u li huma fir-responsabbilta' tiegħu, jiġu asfaltati: Triq il-Pluvieri, Triq Toni Zammit, Triq il-Miġra u Triq Kan. Dun Piet Zammit?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq il-Migra, Triq il-Pluvieri u Triq Toni Zammit ġew spezzjonati mill-Awtorita' dwar it-Trasport biex jiżdiedu fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-Direttorat, u x-xogħol fihom isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Fir-rigward ta' Triq Toni Zammit jien infurmat li din it-triq jonqosha ħafna żvilupp xi jsir qabel ma t-triq tkun tista' tiġi asfaltata u għalhekk l-asfalt isir aktar 'l quddiem meta l-iżvilupp jitlesta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispeċifika d-dettalji tat-test tal-mezzi ta' persuni b'diżabilita' u cioe' jgħid x'inhu l-limitu fuq l-ammont ta' dħul li jrid ikollha koppja miżżewġa li waħda minnhom tkun tbati bl-epilessija, sabiex ta' l-aħħar tkun tista' tikkwalifika għall-pensjoni tad-diżabilita' li tammonta għal Lm25.05 fil-ġimgħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tat-test tal-meżżi biex tingħata l-pensjoni ta’ Diżabilita’ huma dawk elenkati fil-Parti V tat-Tieni Skeda ta’ l-Att Dwar is-Sigurta Soċjali (Kap. 318).
MCESD — National competitiveness advisory committee
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba iltaqa' n-National competitiveness advisory committee tal-MCESD? Meta saru dawn il-laqgħat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li n-“National Competitiveness Advisory Committee” tal-MCESD iltaqa’ darbtejn informalment fl-4 u s-7 ta’ Awissu.
Il-Kumitat għandu jiltaqa’ formalment għada l-erbgħa 19 ta’ Novembru 2003 taħt l-isem ġdid tiegħu “National Competitiveness Committee”.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jitwaqqfu labour productivity indexes?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li iva, hemm il-ħsieb li ‘l quddiem jinħadmu u jiġu ppubblikati labour productivity indexes. Dan isir fil-kuntest tad-djalogu li qed isir fl-M.C.E.S.D dwar il-kompetittivita.
Il-gvern qatt għamel human resource audit tas-settur pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-awditjar ta’ riżorsi umani fis-Servizz Pubbliku huwa proċess kontinwu kemm fid-diversi Ministeri u Dipartimenti kif ukoll ċentralment permezz tal-“Management and Personnel Office”.
Qabel jimtela kull post jiġi assigurat mill-Ministeru konċernat illi l-vakanza għal-mili tal-post teżisti, jew in-neċessità li jinħoloq post ġdid hija assoluta, u li hemm flus biżżejjed biex jitħallas is-salarju għal sena, tal-post li sejjer jimtela.
Din l-informazzjoni tiġi verifikata mill-Uffiċċju tiegħi qabel ma t-talba għall-mili ta’ post tmur għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li din is-sena kellhom is-servizz tad-dawl u/jew l-ilma sospiż għax kellhom kontijiet mhux imħallsa?
Response (GATT, AUSTIN)
Mill-bidu ta' din is-sena sa Settembru li għadda, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ssospendit 87 servizz ta' l-ilma.
Madankollu din l-azzjoni ma ttieħditx esklussivament minħabba kontijiet mhux imħallsa.
L-ammont ta' qtugħ tas-servizz ta' l-elettriku minħabba kontijiet pendenti kien ta' 1952 sal-Gimgħa 17 ta' Ottubru 2003.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru hold-ups din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant diġa` ingħata f`diversi Tweġibiet preċedenti, ċioe` fil-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 521, 523, 525, 527, 529, 1509, 1511, 1513, 2547 u 2549.
Inġibditli l-attenzjoni, illi n-numru ta` hold ups fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2547, bi svista, ġie mogħti li fix-xahar ta` Settembru kien hemm hold up wieħed minflok tnejn. Għaldaqstant, it-tagħrif għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2547, għandu jkun dak li qiegħed nagħti f`din it-Tweġiba.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru bomb hoaxes din is-sena u fejn?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mill-bidu ta’ din is-sena sa l-20 ta’ Ottubru, il-Forzi Armati ta’ Malta ġew imsejħa tnejn u ħamsin (52) darba biex jintervjenu wara rapport ta’ theddida ta’ bomba jew sejbien ta’ oġġetti suspettużi li jixbħu bomba. Wieħed u ħamsin (51) każ kienu theddida ta’ bomba f’diversi postijiet (skejjel, kumpaniji, kliniki, fabbriki, kunsilli lokali, qrati, diskoteki, bars, residenzi privati, banek, ferry boat tal-“Gozo Channel line” , lukandi, polikliniki, uffiċċji, entitajiet pubbliċi u privati, ħwienet u kumplessi ta’ ħwienet). Wara tfittxija fil-postijiet fejn kienu rrapurtati l-każi, ma nstab xejn. F’każ wieħed instab oġġett suspettat li kien bomba, u wara li ġie eżaminat, instab li kien fih materjal li kellu x’jaqsam ma’ bomba iżda mingħajr splussiv
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandha vetturi l-armata llum? Kemm minn dawn huma tal-missjoni militari Taljana? Kemm kien in-numru ta' vejikoli li kienu Off The Road din is-sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena, in-numru ta’ vetturi li l-Forzi Armati kellhom fuq l-inventarju kien mija u ħamsa u erbgħin (145). Il-Forzi Armati għandhom għad-disposizzjoni tagħhom sbatax-il (17) vettura oħra li huma tal-Missjoni Militari Taljana f’Malta.
Vetturi li l-Forzi Armati kellhom “off the road” matul din is-sena jvarja minn ġurnata għall-oħra minħabba xi ħsarat jew tiswijiet kif ukoll minħabba xi manutenzjoni jew “service”. Hemm 12-il vettura li ma jistgħux jissewwew u għalhekk dawn ser jiġu skrappjati.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm ittellgħu vetturi għall-VRT din is-sena u kemm weħlu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi bejn Jannar 2003 u Settembru 2003 ittellgħu 87713 vettura għall-VRT u li minnhom 4946 m'għaddewx. L-ammont ta' 87713 kienu jinkludu vetturi ta' Klassi 2 Klassi 3.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali din is-sena u għaliex? Kemm saru mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċ-ċitazzjonijiet li saru mill-gwardjani lokali hu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infurmat ukoll illi bejn Jannar u Ottubru ta` din is-sena, il-Pulizija għamlet 51,989 ċitazzjoni.
Ħal Balzan — Uffiċċju tal-posta - servizzi postali
Question
Jikkonferma l-Ministru li s-servizzi postali prinċipali li bħalissa qed jingħataw fl-uffiċċju tal-posta ta' Ħal Balzan dalwaqt se jispiċċa minn hemm? Minn fejn se jibdew jingħataw dawn is-servizzi? Se jkun hemm xi servizzi li se jibqgħu f'Ħal Balzan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ħal Balzan — Uffiċċju tal-posta - servizzi postali
Question
Jikkonferma l-Ministru li s-servizzi postali prinċipali li bħalissa qed jingħataw fl-uffiċċju tal-posta ta' Ħal Balzan dalwaqt se jispiċċa minn hemm? Minn fejn se jibdew jingħataw dawn is-servizzi? Se jkun hemm xi servizzi li se jibqgħu f'Ħal Balzan?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li ebda servizz postali li jingħata mill-fergħa tal-posta ta' Ħal-Balzan mhu se jispiċċa minn hemm. L-istess servizzi għall-pubbliku li kienu jingħataw minn din il-fergħa se jibqgħu jingħataw bħal qabel.
Jista' il-Ministru jgħid illum kemm hemm skejjel liċenzjati biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Liema huma u f'liema lokalita' jinsabu? Kemm hemm li fetħu ġodda din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Studenti ta' nazzjonalita' barranija — Tagħlim ta' l-Ingliż f'pajjiżna
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew studenti barranin biex jitgħallmu l-Ingliż f'pajjiżna? Jistgħu jingħataw il-figuri bejn l-1 ta' Jannar u l-aħħar ta' Settembru 2003? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sat-30 ta' Settembru 2003, 55,273 studenti barranin ġew f'Malta u Għawdex sabiex jistudjaw l-Ingliż. Dawn l-istudenti barranin ġew f'pajjiżna minn Andorra, Awstrija, Arġentina, Belġju, Brażil, Bulgarija, Ċili, Repubblika Ċeka, Ċina, Franza, Ġappun, Ġermanja, Greċja, Italja, Korea, Libja, Messiku, Norveġja, Olanda, Polonja, Portugal, Rumanija, Russja, Slovakkja, Spanja, Svezja, Svizzera, Turkija u Ukrajna.