Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sport tal-bodybuilding — Teħid ta' sustanzi llegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex avviċinat minn uffiċjali ta' l-assoċjazzjoni tal-bodybuilding rigward it-teħid ta' sustanzi llegali f'dan l-isport? Jista' jgħid jekk ġiex mitlub biex jgħin biex jeqred l-imġieba ta' xi wħud? Jaf li l-president ta' din l-assoċjazzjoni stqarr bla tlaqliq fuq il-programm sportiv GRANDSTAND tal-PBS nhar it-Tnejn 20 ta' Ottubru li qed isibha diffiċli biex jikkontrolla t-teħid ta' sustanzi llegali fil-bodybuilding?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li uffiċċjali Maltin tal-bodybuilding infurmaw lill-Ministru b’rapport ta’ riżultati posittivi ta’ doping u talbuh jieħu dawk il-miżuri sabiex dan l-aspett negattiv ta’ l-isport jiġi kontrollat. Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għadda dan ir-rapport lill-Kunsill Malti għall-Isport sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa skond il-parametri tal-liġi ta’ l-isport.

Nies involuti fl-isport — Doping tests

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-ministeru tiegħu li għandu responsabbilta' fl-isport wara li atleti/footballers/bodybuilders, eċċ., jiġu meqjusa bħala pożittivi wara li jkun sar test tad-doping? Għalkemm huwa minnu li kull għaqda tieħu l-azzjoni tagħha, ma jaħsibx il-Ministru li l-kunsill Malti għall-isport għandu jindaħal ukoll, anke biex jipproteġi atleti oħra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infakkar lil Onor. Interpellant li wieħed mill-għanijiet tal-Liġi għall-Isport huwa li toħloq il-qafas sabiex tkun tista' ssir leġislazzjoni sussidjarja li tirregola l-abbuż minn sustanzi ipprojbiti fl-isport. Ta’ min iżid illi Malta permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport hija affiljata mal-W.A.D.A. (World Anti-Doping Agency) sa’ mill-2002. Din l-aġenzija dinjija twaqqfet propju bl-iskop li tikkoordina u tikumbatti l-użu illegali ta’ sustanzi ipprojbiti fl-isport. Malta qiegħda tipparteċipa fil-laqgħat kollha ta' din l-aġenzija. Konxji mill-fatt li dan is-suġġett huwa wieħed importanti ħafna, huwa pjaċir tiegħi ninforma lil Onor Interpellant li l-Kabinett approva it-twaqqif ta’ Anti Doping Advisory Board li l-funzjonijiet tiegħu ser ikunu speċifikament li : 1. jagħti pariri sabiex titwaqqaf Politika Nazzjonali u Pjan ta’ Azzjoni speċifikament fuq anti doping; 2. jagħti pariri flimkien ma’ l-avukat generali dwar ir-ratifika tal-Konvenzjoni tal-W.A.D.A. u jissuġġerixxi metodi ta’ kif għandna ninplimentaw din il-Konvenzjoni; 3 jipprepara Regolamentazzjoni li eventwalement għandha twassal għall-Avviż Legali dwar l-Anti Doping Dan il-Kumitat ser jiltaqa’ fil-ġranet li ġejjin.

Nies involuti fl-isport — Teħid ta' sustanzi llegali

Question

Wara li fil-programm sportiv GRANDSTAND tal-PBS ta' l-20 ta' Ottubru, il-president ta' l-assoċjazzjoni tal-bodybuilding u t-tabib tal-kumitat olimpiku Malti u tabib ieħor imdaħħal fl-isports tkellmu ċar u fit-tul dwar li qed jittieħdu sustanti llegali minn ħafna sportivi biex imorru aħjar fl-isport, ma jaħsibx il-Ministru li dan għandu jiġi nvestigat mill-pulizija? Jaf li l-istess sinjuri stqarrew li jafu li ħafna minn dawn is-sustanzi li jittieħdu mill-isportivi huma importanti llegalment u/jew li jinbiegħu minn xi spiżjara anke mingħajr riċetti? Jaf ukoll li stqarrew li pilloli llegalment qed jinbeigħu minn ċerti gyms?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kummenti li saru waqt il-programm imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kienu ġeneriċi. Infurmat ukoll illi fejn jirriżulta lill-Pulizija illi jkun hemm xi abbuż minn dawn is-sustanzi, jittieħdu passi skond il-liġi.

Orkestra nazzjonali — Selection board

Question

Riferibbilment għall-Orkestra Nazzjonali, jista' il-Ministru jgħid kif inhu kompost is-selection board li jisma' l-auditions? Min hu ċ-chairman? Min jagħżlu? X'inhuma il-kredenzjali ta' kull membru tal-bord? Min jagħżilhom? peress illi kull ingaġġ jaffettwa ir-rendiment u r-reputazzjoni ta' l-orkestra, u naturalemnt ikollu effett dirett fuq il-membri ta' l-orkestra, jista' il-Ministru jgħid kif inhuma mħarsa l-interessi ta' dawn l-impjegati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li s-selection board li jisma' l-auditions huwa ffurmat minn Prof. Michael Laus (Chairman), s-Sur Alfred Thewma (Segretarju), Prof. Joseph Vella u Mro. Twanny Chircop. Is-Sinjorina Marcelline Agius (Leader) tkun preżenti. Dan ma jfissirx li ma jistgħux isiru tibdiliet fil-bord. Għandi fiduċja sħiħa li l-membri tal-Bord għandhom l-interess ta' l-Orkestra qabel kollox u għalhekk fiduċjuż li fl-għażliet li jagħmlu jkunu qegħdin jissalvagwarjaw kemm l-interessi ta' l-orkestra kif ukoll l-impjegati ta' l-istess orkestra.

Orkestra Nazzjonali — Impjegati

Question

Riferibbilment għall-Orkestra Nazzjonali, jista' il-Ministru jgħid min jagħżel il-part-timers? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra specimen tal-kuntratt li jingħata għal kull ingaġġ? Min jagħżilhom? Min jevalwa l-kompetenza tagħhom? Kemm jitħallsu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Orkestra Nazzjonali f'xi rappreżentazzjonijiet tagħmel użu minn servizzi ta' casual musicians. Sa issa dawn jintgħażlu skond lista li ġiet stabbilita meta twaqqfet l-Orkestra Nazzjonali. Mużiċiti casual ġodda jiżdiedu wara diskussjoni mad-Direttur Mużikali. Isir ftehim verbali mal-mużiċisti casuals u r-rati tal-ħlas huma kif ġej :- Malta Għawdex Provi matul il-Ġimgħa Lm2.50/siegħa Lm3.00/siegħa Sibtijiet, Ħdud u festi Lm3.00/siegħa Lm3.50/siegħa Kunċert Lm17.00 (prinċipali) Lm19.00 (prinċipali) Lm15.00 (oħrajn) Lm17.00 (oħrajn) Opra Lm19.00 (prinċipali) Lm21.00 (prinċipali) Lm17.00 (oħrajn) Lm19.00 (oħrajn)

Pixkerija tal-Gvern — Upgrading

Question

X'upgrading sar minn April ta' din is-sena ’l hawn fil-pixkerija u kemm sewa flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ġie ffinalizzat il-programm elettroniku tal-Fish Marketing Accounting System (FMAS) li jieħu ħsieb ix-xiri u l-bejgħ tal-ħut. Dan il-programm ser jiġi ppruvat proporju fil-gimgħat li ġejjin, u sewa Lm 1,681.80. Inħarġet ukoll it-tender biex jiġu upgraded żewġ imħażen biswit il-Cold Stores sabiex jiġu mibdula fi Crates Disinfection Depot. Dan it-tender qed jiġi aġġudikat.

Pitkalija tal-Gvern — Upgrading

Question

X'upgrading sar minn April ta' din is-sena ’l hawn fil-pitkalija ċentrali u kemm sewa flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pjan ta’ ‘upgrading’ tal-Pitkalija Ċentrali qiegħed jiġi ffinaliżżat.

Torri ta' San Luċjan

Question

X'upgrading sar minn April ta' din is-sena ’l hawn fit-Torri ta' San Luċjan u kemm sewa flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ġiet iffinaliżżata l-Catch & Effort Data Collection System li tinvolvi il-ġbir ta’ informazzjoni fuq il-qabda tal-ħut għad-dgħajjes ta’ taħt l-għaxar (10) metri. Beda x-xogħol biex jiġi żviluppat pjan ta’ Biological Sampling għar-riżorsi marini kummerċjali. Ġie ffinalizzat pjan ma’ istitut tekniku xjentifiku ta’ Mazzara del Vallo biex, flimkien mad-Dipartiment tal-Bijoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta, isiru is-surveys ta’ tkarkir neċessarji. Minn April sal-llum saru wieħed bil-MEDITS Trawl System u wieħed bil GRUND System. Il-MEDITS hija sistema ewropeja fejn xibka b’ bokka kbira taqbad il-ħut tal-qiegħ, filwaqt li l-GRUND hija xibka aktar baxxa li tkarkar iktar mal-qiegħ biex tissampilja il-ħlejjaq li ma jiċċaqilqgħux minn qiegħ il-baħar. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’ dawn iż-żewġ surveys swiet madwar Lm 5,000 fejn parti minn dawn il-flus intefqu biex inxtraw ix-xbieki standard neċessarji. L-Istitut Taljan ikkontribwixxa għal parti mill-ispiża li saret, apparti Lm 5,000 li tħallsu minn-baħa Maltija.

Sezzjoni ta' l-API Kultura — Upgrading

Question

X'upgrading sar minn April ta' din is-sena ’l hawn fis-sezzjoni ta’ l-API Kultura u kemm sewa flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-upgrading li sar fis-sezzjoni ta' l-Apikoltura minn April ta' din is-sena 'l hawn jinkludi xiri ta' għamara għall-uffiċċju, xiri u tiswija ta' għodda, xiri ta' kimika għall-kontroll ta' mard, xiri ta' ilbies protettiv, bini u tiswija ta' kaxxi tan-naħal u produzzjoni ta' posters edukattivi għall-wiri f' fieri u esibizzjonijiet. L-ispiża totali ta' dan l-upgrading hija stmata li tlaħħaq madwar Lm1000. Sar ukoll upgrading fir-riżorsi umani bl-ingaġġ ta' konsulent fuq bażi part-time u bl-involviment ta' esperti Germaniżi fuq il-mard tal-Varroa u fuq ir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropeja dwar l-Apikultura.

Produzzjoni agrikola organika

Question

Xi pjan ta' riċerka twettaq fuq produzzjoni agrikola organika minn Jannar ta' din is-sena ’l hawn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li twettaq framework contract ta’ l-Unjoni Ewropeja biex titfassal strateġija għall-promozzjoni tal-biedja organika f’ Malta. Il-valur tal-kuntratt kien ta’ Euros 50,000, li kienu mħallsa kollha mill-Unijoni Ewropeja.

Analiżi xjentifika — Livell organiku tal-produzzjoni agrikola

Question

Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji taċ-ċertifikati ta’ l-analiżi xjentifika li saret fil-labaratorji lokali u/jew esteri ta' dawn il-prodotti sabiex ikun magħruf il-livell organiku tal-produzzjoni agrikola li ntlahaq fuq dawn il-prodotti partikolari ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista’ l-Onor. Membru jispeċifika għall-liema prodotti qed jirreferi.

Sigurta' soċjali — Applikazzjoni għal karta r-roża

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuna - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - ma ġietx aċċettata biex tibda tagħmel użu mill-karta r-roża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Pulizija — Liċenzji ta' impjieg

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 1147 rigward it-talba għall-ħruġ ta' liċenzji ta' impjieg dwar il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-talba li saret dwar il-persuna barranija li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant hija biex din taħdem f`Coffee Shop. Ninsab infurmat ukoll li din it-talba ma tistax tintlaqa` minħabba li mhiex il-policy li barranin jingħataw permess biex jaħdmu fi stabbilimenti simili.

Awtorita' tad-djar — Xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum, l-awtorita' tad-djar kemm xtrat units/proprjeta' mingħand il-privat? Meta saru l-kuntratti ta' kull proprjeta'? Min kien/u n-nutar/a? Min kienu s-sidien privati? Kemm kien il-valur ta' kull proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar xtrat dawn is-segwenti proprjetajiet mingħand il-privat: · 15-il flat u 14-il garaxx fi Triq Dun Karm Sant Tarxien mingħand Andrew Bartolo, Carmel Muscat u Anthony Camilleri. Dawn inxtraw fi stat ta’ shell form bil-prezz ta’ Lm298,000 skond kuntratt ippubblikat fl-atti tan-Nutar Franco Pellegrini datat 21 ta’ Novembru 2000. · 2 flats fi Triq il-Kurunell Mas Tarxien mingħand Fenech Azzopardi (Styles) Ltd. Dawn inxtraw fi stat ta’ shell form bil-prezz ta’ Lm36,500 skond kuntratt ippubblikat fl-atti tan-Nutar Franco Pellegrini datat 9 ta’ Jannar 2001. · 2 maisonettes u basement garaxx fi Triq Zurki Zurrieq mingħand Anthony Ellul fi stat ta’ shell form bil-prezz ta’ Lm54,000 skond kuntratt ippubblikat fl-atti tan-Nutar Franco Pellegrini datat 14 ta’ Awissu 2001.

Awtorita' tad-djar — Xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li fil-futur, jiġifieri mil-lum sa sentejn oħra, jagħmel skema sabiex l-awtorita' tad-djar tixtri proprjeta' mingħand il-privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għalissa l-Awtorita’ tad-Djar m’għandiex ħsieb li toħroġ xi skemi sabiex tixtri proprjeta’ mingħand il-privat.

Isla — Triq San Filippu - fond nru. 19

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru t-tiswijiet fil-fond nru. 19, San Filippu, l-Isla li ġew kaġunati bix-xogħol li qed jagħmel il-gvern fil-binja l-ġdida li qed tinbena fl-istess triq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li dan ix-xogħol diġa’ tlesta’ mill-kuntrattur.

Kummissjoni għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera — Rapport

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-kummissjoni għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera ma ppreżentatx ir-rapport tagħha? X'passi se jieħu l-ministeru biex dan ir-rapport jiġi ppreżentat? Min kien fuq il-kummissjoni? Kemm tħallsu? Il-gvern għandu ħsieb iwaqqaf kummissjoni oħra għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minkejja kull sforz li sar matul il-leġislatura l-oħra, inkluż interventi ripetuti minni personalment, biex il-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera tikkonkludi x-xogħol tagħha u tippreżentali r-rapport, dan ir-rapport qatt ma wasal. Dan minkejja li jien iltqajt maċ-Chairman tal-Kummissjoni diversi drabi u kien hemm qbil li x-xogħol jiġi konkluż. Il-Kummissjoni ġiet maħtura f’Ġunju 1997 u kienet komposta kif ġej: Chairperson Dott. Joseph R Micallef LL.D. Membri L-Onor. Sinj. Maria Camilleri M.P. Dott. Evelyn Caruana Demajo LL.D Dott. Peter Grech LL.D. Dott. Tonio Mallia LL.D. Dott. Philip Sciberras LL.D. Perit Alfred Valentino A.&C.E. Segretarju Eżekuttiv Is-Sur Alfred Fiorini Lowell Ninsab infurmat li fl-14 ta’ Settembru 1998, ftit ġranet biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ dik is-sena, iċ-Chairperson tħallas Lm600 u l-membri tħallsu Lm500 kull wieħed. Is-Segretarju Eżekuttiv ma rċieva ebda remunerazzjoni. Għad trid tittieħed deċiżjoni jekk għandiex titwaqqaf jew le kummissjoni oħra fuq is-suġġett.
Leg 10 PQ #2820 Sitting 58 2003-11-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Joint EU/NATO Crisis Management Exercise militari — Sehem ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jkun is-sehem limitat ta' Malta fil-joint EU/NATO Crisis Management Exercise militari tad-19-25/11/03 minħabba li se jintużaw NATO Assets and Capabilities? Jista' jagħti dettalji dwar il-Fictitious Crisis Scenarrio li se jkun il-bażi ta' dan l-eżerċizzju?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

UE — Kampanja għall-introduzzjoni tal-EURO

Question

Billi tħabbar li l-UE se tonfoq madwar 2 miljun EURO fl-Accession Countries bħala kampanja biex tippromwovi l-EURO b'seħħ minn Jannar tas-sena d-dieħla, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex se jkun hemm input mill-Gvern Malti?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bank Ċentrali għadu ma ingħatax dettalji fuq kampanja pubbliċitarja dwar l-euro li tista’ tiġi mnedija mill-UE s-sena d-dieħla fil-pajjiżi applikanti.

Ex-ħaddiema ta' Gasan — Żieda fil-pagi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex iż-żieda dovuta lill-ex-ħaddiema ta' Gasan (illum pensjonanti) li tirriżulta mill-ftehim kollettiv li sar f'Jannar li għadda tingħata mill-aktar fis possibbli? Jista' jgħid dawn meta se jingħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali preżentement għaddej bi proċess ta’ reviżjoni ta’ pensjonijiet li jirriżultaw minn xi ftehim kollettiv ta’ l-organiżżazzjonijiet li kienu mpjegati magħhom il-pensjonanti kurrenti, inkluż l-ex impjegati tal-kumpannija li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant. Għalkemm f’dan l-istadju d-Dipartiment ma jistax jagħti data preċiża meta dan l-eżerċizzju ser jitlesta, ninsab infurmat li qed isir dak kollu possibbli biex dan isir fl-aqsar żmien possibbli.