Legislature:
Category:
Reset
Active:

Exchange bureaux — Tisrif ta' ċekkijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-exchange bureaux li hawn f'Malta li huma awtorizzati jsarrfu flus (per eżempju, Travelex UK, Coppini, eċċ) jistgħux isarrfu ċekkijiet fl-ammonti ta' iktar minn Stg5,000 u jagħti dettalji?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat illi Foreign Exchange Bureaux liċenzjati taħt l-Att tal-1994 dwar L-Istituzzjonijiet Finanzjarji jistgħu isarrfu ċekkijiet desinjati fi kwalunkwe munita barranija. Ma hemmx restrizzjonijiet fuq l-ammonti f'dawn il-każijiet. Ir-restrizzjoni li teżisti tirrigwardja ċekkijiet personali, li dawn l-istituzzjonijiet għadhom mhumiex permessi li jsarrfuhom. Iżda huma jistgħu jsarrfu ċekkijiet - basta jkunu desinjati f'munita barranija - ta' dividendi, pensjonijiet maħruġa minn gvernijiet barranin, bank drafts u oħrajn ta' natura simili. Ta' min iżid li regoli rigward il-money laundering applikabbli minn żmien għal żmien iridu jiġu rispettati minn kull istituzzjoni finanzjarja liċenzjata mill-MFSA.
Leg 10 PQ #3045 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sta. Venera — Skola San Franġisk t'Assisi - suġġett tal-Home Economics

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn fl-iskola ta' San Franġisk t'Assisi, Sta. Venera għalkemm iddaħħal is-suġġett tal-Home Economics, l-imsemmija skola għadha mhix attrezzata b'faċilita' ta' kċina sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jipprattikaw f'dan is-suġġett u dan nonostante li l-għalliema tal-Home Economics fl-iskola in kwestjoni ilha tilmenta xhur sħaħ dwar dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola San Franġisk t'Assisi l-istudenti tal-'Home Economics' qegħdin jużaw il-'Food Lab' li hemm fl-iskola. Erba' gruppi tal-'Home Economics' li jattendu l-form IV jagħmlu tnejn minn ħames lezzjonijiet fil-ġimgħa fil-'Food Lab' u dawn il-lezzjonijiet ikunu ta' natura prattika. Informat ukoll li ser toħroġ tender biex jinbena 'Food Lab' ieħor f'din l-iskola.

Kumpless Sportiv tal-Kottonera — Ħaddiema - Sigurta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hija l-kumpanija tas-sigurta` li tissupplixxi n-nies biex jieħu ħsieb il-kumpless sportiv tal-Kottonera bil-lejl? Kif intgħażlet? Kemm titħallas? Għal kemm żmien huwa l-kuntratt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-kumpanija li tissupplixxi n-nies biex jieħdu ħsieb il-kumpless sportiv tal-Kottonera bil-lejl hija JF Security. Din il-kumpanija ġiet magħżula wara li saret sejħa għall-offerti f’Marzu 2003. Ir-rata tal-ħlas hija ta’ Lm 2.07 fis-siegħa. Is-servizz huwa sa l-aħħar ta’ Novembru ta’ din is-sena. Diġa ttieħdu passi biex tinħareġ sejħa għall-offerti fil-Gazzetta tal-Gvern. Din is-sejħa għalqet fid-19 ta’ Novembru.

Postijiet Storiċi/Sportivi — Għasses - Kumpanniji privati tas-sigurta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet storiċi/sportivi, eċċ li huma taħt ir-responsabbilita' tal-ministeru tiegħek li huma bin-nhar u/jew bil-lejl mgħassa min kumpanniji privati tas-sigurta'? Jista' jagħti d-dettalji f' kull każ ta' liema huma l-kumpanniji, kif intgħażlu u kemm qed jitħallsu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Grading tal-prodotti agrikoli Maltin — Esportazzjoni

Question

B' referenza għall-mistoqsija numru 1794, jista' l-Ministru jgħid kif ma jsirx grading tal-prodotti agrikoli Maltin meta dan diġa` qed issir għall-esportazzjoni? Liema huma l-prodotti li qed jiġu graded għal barra? Fejn isir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-patata li tiġi esportata tiġi ‘graded’ fil ‘potato grading station’ f’ Ta’ Qali. Il-‘grading’ tal-prodott lokali ser jibda jsir meta jitlestew il-‘grading stations’.

Impjant tal-grading tal-prodotti agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet biex isir impjant tal-grading tal- prodotti agrikoli kif imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 1794? Fejn hemm il-ħsieb li jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li saru diskussjonijiet ma’ delegazzjoni Taljana sabiex jiġi deċiż in-numru ta’ ‘grading stations’ u l-lokalitajiet tagħhom. Ir-rapport għandu jittlesta dalwaqt.
Leg 10 PQ #2402 Sitting 61 2003-11-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kampanja kontra t-tipjip — Be Smart don't Start

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-proġett dwar it-tipjip 'BE SMART DON'T START' ta’ l-Unjoni Ewropeja se jsir biss fl-iskejjel tal-gvern? Kif huwa ppjanat li isir?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena skolastika il-programm 'BE SMART DON'T START' se jsir fl-iskejjel statali bħala programm pilota. Fis-sena ta' wara, l-iskejjel mhux ta' l-istat se jibdew jieħdu sehem f'dan il-programm. Il-'Health Behaviour Survey in School Age Children' (H.B.S.C., 2001) indika li tfal fl-eta' ta' Form III fl-iskejjel sekondarji jibdew iżidu fl-użu tat-tabakk. Għalhekk dan is-survey se jsir fl-iskejjel kollha statali sekondarji fejn l-għalliema tal-PSD sejrin jevalwaw dan il-proġett ma' din il-klassi kull ġimgħa biex jaraw x'se tkun l-attitudni ta' l-istudenti fuq it-tabakk. Se jsiru lezzjonijiet u attivitajiet oħra fuq dan il-proġett u fl-aħħar tas-sena naraw x'riżultat ikollna. Dan il-proġett qed jiġi żviluppat bejn l-għalliema tal-PSD fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-'Health Promotion Department' fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa.

Kaċċa — Postijiet riservati

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2003 kemm inqabdu nies jikkaċċjaw f'postijiet riservati fejn ma tistax issir kaċċa fihom? Jista' jgħid ukoll kemm kienu dawk li ma kellhomx liċenzja għas-senter u b'hekk ma setgħux jikkaċċjaw? F' liema postijiet inqabdu? F'kull każ ittieħdet l-arma? F'kull każ ittieħdu passi bil-qorti? Kemm minn dawk li nqabdu kienu taħt it-tmintax-il sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2003, kien hemm sitt persuni, kollha l`fuq minn tmintax-il sena, li nqabdu għal kaċċa f`postijiet fejn il-kaċċa mhix permessa. Ħadd minn dawn ma irriżulta li ma kellux liċenzja sabiex ikun jista` jġorr arma tan-nar għal skop ta` kaċċa. Il-lokalitajiet fejn dawn inqabdu kienu Raħal Ġdid, Buskett, Marsaxlokk u Salini. Inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra dawn is-sitt persuni, filwaqt li s-snieter ġew sekwestrati mill-Pulizija.

Missjoni ta' Malta fi Brussell — Applikazzjoni għas-sejħa MPO Circular 85/2003

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti li wieġbu għas-sejħa MPO Circular 85/2003 għal technical attaches and researchers sabiex iservu fil- Mission ta' Malta fi Brussell fl-oqsma tas-sajd, agrikoltura, veterinarji u ambjent rurali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikanti li wieġbu għas-sejħa MPO Circular 85/2003 għal technical attaches and researchers sabiex iservu fil-Mission ta' Malta fi Brussell fl-oqsma tas-sajd, agrikoltura, veterinarji u ambjent rurali kien ta' tlettax (13).

Voice of the Mediterranean — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Voice of the Mediterranean u dan kemm dwar is-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll dwar il-ħaddiema li jaħdmu li huma 12 full time u diversi part-time, inkluż kontributuri?

Response (BORG, JOE)

Ir-radju Voice of the Mediterranean twaqqaf b'inizjattiva bejn il-Gvern Malti u dak Libjan fl-1984 u beda jitrażmetti f'Ottubru 1988. Il-Gvern Malti fis-snin li għaddew qies jekk għandux jibqa jipparteċipa f'dan ir-radju u wasal għall-konklużżjoni li r-radju huwa mezz utli għad-djalogu bejn u tixrid tal-kulturi tal-pajjiżi tal-Mediterran. Ir-radju ixandar unikament programmi kulturali bil-Malti, bil-Gharbi, bit-Taljan, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u l-Ġappuniż u dawn il-programmi jitrattaw dwar l-istorja, l-identita, t-tradizzjonijiet u l-folklor tad-diversi pajjiżi tal-Mediterran. Ir-radju ixandar fuq frekwenza shortwave kif ukoll bl-internet u l-website qed ikollna mal-miljun hit fix-xahar. Il-Gvern Libjan, permezz tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Libjan, reċentement informa lill-Gvern Malti li m'għadx jara funzjoni għal dan it-tip ta' stazzjon. u għalhekk mhux ser jibqa jikkontribwixxi għall-ispejjeż tiegħu. Għalhekk dan l-istazzjon ser ikollu jagħlaq fil-31 ta' Diċembru 2003. Bejn is-snin 2001 u 2003, il-Gvern Malti għadda b'kollox is-somma ta' LM530,000 f'kontribuzzjonijiet dovuti lill-istazzjon skond il-ftehim mal-Gvern Libjan għal dan il-perijodu. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Libjan ma ħallasx il-kontribuzzjonijiet tiegħu minn Mejju ta' l-1998 sa' llum. Għalkemm l-istazzjon irċieva xi pagamenti mingħand il-Gvern Libjan wara l-2001, dawn kienu jkopru l-perijodu ta' qabel l-1998. B'hekk, ir-riservi li kellu l-istazzjon kellhom jintużaw matul dawn l-aħħar snin. Illum ir-radju għandu kredituri li b'kollox għandhom jieħdu LM144,403. Madankollu il-Voice of the Mediterranean għandu dovuti lilu s-somma ta LM980,699 bħala arretrati tal-kontribuzzjoni dovuti mill-Gvern Libjan. L-impjegati ta' l-istazzjon se jitħallsu dak kollu li hu dovut lilhom malli jtemmu l-impjieg tagħhom. Il-kontributuri wkoll se jitħallsu tax-xogħol kollu li huma wettqu bi ħlas għall-istazzjon. Inżid illi jekk il-Gvern Libjan jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu, l-istazzjon ikompli jxandar.

Voice of the Mediterranean — Web site

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Voice of the Mediterranean li l-Managing Director tiegħu hija l-persuna 'A' indikata separatament tat b'kuntratt il-web site tal-VOM lil kumpannija li jisimha Cyber Space u li fiha hemm ibnu stess indikat separatament bħala persuna 'B' u dan bi ħlas ta' aktar minn Lm3,000 fix-xahar?

Response (BORG, JOE)

Jien nfurmat illi t-tagħrif fil-Mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant huwa korrett.

Voice of the Mediterranean — Dejn

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk qabel ma daħlet bħala Managing Director il-persuna 'A' indikata separatament fil-Voice of the Mediterranean, u dan meta qabilha kien hemm il-persuna 'B' indikata separatament, kienx il-każ li l-finanzi tar-radio kienu favur ir-radio fl-ammont ta' aktar minn Lm400,000 u llum wara li ħadet over il-persuna 'A' il-finanzi qegħdin ferm fil-qiegħ? Jistax jagħti il-figura eżatt tad-dejn li għandu r-radio imsemmi?

Response (BORG, JOE)

Jiena nfurmat illi meta kien hemm bidla fil-persuna tal-Managing Director tal-Voice of the Mediterranean, f'Lulju 2000, l-istazzjon kellu LM216,492 f'depożiti fil-Bank, filwaqt li kien hemm somma ta' LM853,699 f'kontribuzzjonijiet pendenti minn naħa Libjana. Illum, iċ-ċifra ta' kontribuzzjonijiet pendenti minn naħa Libjana hija ta' LM980.699 filwaqt li l-ammont dovut lill-kredituri huwa ta' LM144,403.

Voice of the Mediterranean — Allokazzjoni ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew allokati flus min-naħa tal-gvern u min-naħa tal-Libja fil-perjodu meta daħlet il-persuna ndikata separatament sal-lum u dan dejjem fir-Radio Voice of the Mediterranean?

Response (BORG, JOE)

Il-Gvern Malti għadda b'kollox is-somma ta' LM620,000 bejn l-1 ta' Lulju 2000 sa' llum lill-Voice of the Mediterranean. Filwaqt li, minn naħa Libjana, baqgħu sa' llum għadhom ma tħallsux il-kontribuzzjonijiet dovuti minn Mejju ta' l-1998 (cioe minn sentejn qabel ma daħlet il-persuna ndikata separatament) sa l-2003, l-istazzjon irċieva s-somma ta' LM493,000 bħala ħlas ta' arretrati dovuti għas-snin ta' qabel Mejju ta' l-1998.

Voice of the Mediterranean — Managing Director

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-salarju tal-Managing Director preċedenti tal-Voice of the Mediterranean u kemm dan sar ftit xhur wara li laħqet f'din il-kariga il-persuna ndikata separatament? Jekk sar dan l-awment, min ta din l-awtorizzazzjoni?

Response (BORG, JOE)

Is-salarju li kien jirċievi l-Managing Director ta' l-istazzjon Voice of the Mediterranean qabel daħlet il-persuna li hemm illum kien ta' LM7,150 fis-sena. Il-Managing Director li hemm illum baqa' jieħu dan l-istess salarju sa l-aħħar tas-sena 2000, liema salarju tela' għal LM9,000 fis-sena skond il-kuntratt iffirmat mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħi. Is-salarju l-ġdid kien ukoll konfermat mill-Bord tal-Kunsilliera ta' l-istazzjon.

Voice of the Mediterranean — Għamara ta' l-uffiċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inbiegħet l-għamara, liema għamara nbiegħet xorta għalkemm kienet proprjeta' tal-gvern, li kien hemm fil-Voice of the Mediterranean meta saret Managing Director il-persuna ndikata separatament u li ġiet replaced kollha b'għamara ġdida? Jikkonferma li din inbiegħet bi ftit liri? Jista' jgħid min ordna dan il-bejgħ u wkoll fejn spiċċaw il-flus ta' dan il-bejgħ?

Response (BORG, JOE)

Jien nfurmat illi parti kbira mill-għamara qadima ngħatat b'xejn lir-Richmond Malta Foundation, li hija organiżżazzjoni mhix governattiva tal-karita'. Parti oħra nbiegħet bi prezz żgħir ħafna. Ta' min jgħid li din l-għamara kienet bla valur u kellha fuqha tnax-il sena ta' wear and tear. Il-flus rikavati mill-bejgħ tal-għamara daħlu fil-kotba ta' l-istazzjon, li nfakkar li ġew awditjati minn kumpannija ta' l-awdituri.

UE — Fondi għall-kampanja elettorali tal-Parlamet Ewropew

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Unjoni Ewropea tagħtix fondi biex tiffinanzja l-kampanja elettorali għall-parlament Ewropew? Jekk iva, il-gvern irċieva tagħrif kif dawn għandhom jitqassmu lill-partiti politiċi u movimenti li għandhom il-ħsieb li jikkontestaw f'Ġunju li ġej? Jekk irċieva, kif se jitqassmu?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma li l-Parlament Ewropew jagħti fondi biex tiġi ffinanzjata l-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew. Iżda dan isir permess ta' allokazjoni ta' fondi lill-gruppi Politiċi tal-Parlament Ewropew stess, sabiex dawn il-fondi jitqassmu mill-istess gruppi politiċi. Għalhekk huma l-partiti politiċi tal-pajjiżi membri stess fi ħdan il-gruppi tal-Parlament Ewropew li jiġu nfurmati bl-allokazzjoni.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li ilha snin kbar applikata għal social housing għaliex tgħix f'post kerrejja u li huwa sub-standard, sa llum għadha ma ġietx allokata post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.
Leg 10 PQ #2853 Sitting 61 2003-11-21 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħal Kirkop — Garaxx mal-bini ta' l-iskola il-ġdida

Question

Jista' il-Ministru jagħti aktar tagħrif dwar il-garaxx propost mal-bini ta' l-iskola il-ġdida f'Ħal Kirkop?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif taf l-Onor. Membru l-iskola imsemmija qed tinbena fuq sit fejn jiġi ġestit negozju konness ma' inġenji u vetturi a' bażi ta' encroachment li kien ingħata mill-Gvern snin ilu. Bħalissa qed isiru negozjati mad-Dipartiment ta' l-Artijiet biex tiġi riżolta din il-kwestjoni l-interessi tan-nies tal-lokal qed jingħataw kull konsiderazzjoni.

Saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jarax li hemm kwestjoni ta' saħħa u sigurta' ta' terzi nvoluti meta crane bi planki jgħaddi minn fuq soqfa ta' nies biswit il-lant tax-xogħol? X'qed tagħmel l-awtorita' biex tassigura l-massimu tas-sigurta' f'każijiet bħal dawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-Att dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol, huwa l-obbligu ta’ min iħaddem li jiżgura s-saħħa u s-sigurta’ tal-persuni kollha li jistgħu jiġu effettwati bix-xogħol li jkun qed isir għal dak il-prinċipal. Fid-dawl ta’ dan, l-attivita’ msemmija mill-Onor. Interpellanti taqa’ taħt il-provedimenti ta’ l-imsemmi Att u min qed iħaddem irid jieħu dawk il-miżuri neċessarji kollha biex jiġu kontrollati r-riskji anki lil terzi. L-Awtorita’ tinvestiga rapporti ta’ xogħol li jkun jidher li qed ipoġġi s-saħħa u s-sigurta’ ta’ xi persuna f’riskju u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanti tgħaddili, anki b’mod kunfidenzjali, aktar dettalji dwar il-każ biex jiġi nvestigat.