Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #2986 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bibljoteka Nazzjonali — Xogħol ta' restawr fuq manuskritti u kotba

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol ta' restawr sar fl-aħħar tliet snin, sena b'sena, fuq il-manuskritti u l-kotba li hemm fil-Bibljoteka Nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li xogħol fuq ir-restawr għall-Bibljoteka Nazzjonali isir ħafna drabi mill-istess grupp ta' nies, kemm ġewwa l-laboratorji taċ-Ċentru tar-Restawr, kif ukoll fil-Bibljoteka nnifisha skond il-ħtiġijiet tal-kotba, manuskritti u manufatti oħra. Ix-xogħol ta' restawr li sar fl-aħħar tliet snin fuq il-manuskritti u l-kotba li hemm fil-Bibljoteka Nazzjonali jikkonsisti kif ġej: 2000 Restawr ta' 36 volum u 4 manuskritti. Proġett Sajf 2000: Flimkien ma' 12-il student universitarju sar tindif ta' kotba u manuskritti fil-Melitensia l-Qadima, Magistrate Parnis Collection Bequest u kotba fis-sala prinċipali. Madwar 12,200 ktieb ġew imnaddfa f'dan l-eżerċizzju. 2001 Ġew restawrati 94 ktieb, 13-il manuskritt u 10 kotba tal-Melitensia. Xogħol ieħor jinkludi tindif, sapport u 'framing' ta' portraits ta' 28 Gran Mastru. Saret tiswija u restawr ta' kotba tal-Melitensia u ta' gazzetti fl-Emeroteka tal-Bibljoteka Nazzjonali. 2002/2003 Ġew restawrati 8 manuskritti u 38 ktieb tal-bibljoteka. Qed isir xogħol ta' restawr fuq 17-il ktieb u manuskritti oħra. Peress li ħafna manuskritti, parċmini, 300 ittra bis-siġill, kollha ta' preġju kbir kienu qed jiġru fl-idejn, inħass il-bżonn li jinħadmu passpartu u kaxex għalihom biex hekk ikunu preservati. Fost dawn insibu ktieb tal-viżitaturi li jmur lura fis-sena 1840. Sar ukoll tindif ta' kotba rari u immuntar ta' bibljografiji u posters għall-Fiera tal-Ktieb. Ninsab informat ukoll li wieħed ma jistax sempliċiment ikejjel xogħol ta' restawr mill-kwantita' ta' kotba jew manufatti, peress li ċertu kotba, parċmini u kollezzjonijiet arkivjali jinħtieġu xogħol aktar minn oħrajn. Dan dejjem jiddependi mill-kundizzjoni, daqs u għamla tal-ktieb jew oġġett ieħor li jinħtieġ restawr. Tajjeb wieħed jiftakar li xogħol ta' restawr jitlob attenzjoni, żmien, delikatezza u dedikazzjoni.

Ħal Qormi — Triq l-Imdina - Vetturi mhux liċenzjati

Question

Jista' il-Ministru jara li l-pulizija tieħu ħsieb li tneħħi vetturi mhux liċenzjati u li jkunu jokkupaw spazju ta' parking għal xhur sħaħ u dan f'Imdina Road, Qormi quddiem il-housing estate ta' Pascarella?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, ma ġiet innotata ebda vettura li mhix liċenzjata.
Leg 10 PQ #3008 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Institute for health care — studenti

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' kuntratt li studenti fil-midwifery ta' l-Institute for health care ta' l-Universita' ta' Malta qed ikunu obbligati jew mitluba jiffirmaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.

Sigurta' soċjali — Persuna dikjarata tajba għax-xogħol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - għadha ma rċevietx ir-raġuni għalfejn ġiet dikjarata tajba għax-xogħol u x'rimedju għandha kontra tali deċiżjoni meta din il-persuna hija dikjarata invalida għal diversi raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ġiet infurmata dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-5 ta’ Novembru 2003.

Reġistri tal-qrati

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-qagħda fir-reġistri tal-qrati u dan: a) għar-rigward tal-qrati superjuri u dawk tal-maġistrati f'Malta fejn id-deputati jirrifjutaw li jgħaddu proċess meta mitluba u trid tinqeda minn massimu ta' żewġ messaġġiera bil-konsegwenza li trid tagħmel ħin twil tistenna; b) għar-rigward tal-cash fir-reġistri, jista' jispjega għalfejn hawn ma tinqedix jekk ma jkollokx flus eżatt għax bqija ma teżistix?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m`huwiex kompitu tad-Deputat Reġistratur li jnewwel proċessi u huwa għalhekk illi fiż-żewġ Reġistri hemm b`kollox seba` messaġġiera - erbgħa fir-Reġistru tal-Qrati Superjuri u tlieta fir-Reġistru tal-Qrati tal-Maġistrati. Meta xi messaġġier f`xi Reġistru jkun assenti, id-Dipartiment tal-Qrati Ċivili jagħmel l-almu kollu sabiex jibgħat xi ħadd minfloku. Pero` fl-ebda ħin ma jkun hemm ir-Reġistru nieqes minn dak in-numru ta` messaġġiera li jassigura kontinwita fix-xogħol. Għandu jiġi apprezzat ukoll il-fatt li jkun hemm każi fejn ikun hemm ftit tad-dewmien, u dan huwa mistenni f`post fejn il-kwantita` ta` nies li jkunu jridu jinqdew ikun kbir, speċjalment filgħodu. Dwar is-sitwazzjoni tal-'cash' ninsab infurmat illi l-kaxxiera fiż-żewġ Reġistri jkollhom, ta` kuljum, 'float' sabiex jagħtu l-bqija.

Tarzna ta' Bormla — CCTV system

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk fit-tarzna ta' Bormla twaħħlitx CCTV system fil-main gate, main office u l-baċir nru. 3 tal-yachting? Jekk iva, kemm ġiet tiswa din is-sistema? Ħarġet sejħa pubblika għal offerti jekk inhu l-każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nikkonferma li twaħħlu cameras tas-sigurta' f'diversi inħawi fit-Tarzna. Is-sistema swiet LM22, 771. Ix-xiri sar wara li ntalbu quotations varji.

Malta Drydocks — Vetturi mikrijin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vetturi mikrijin fit-tul fit-tarzna? Jista' jgħid kemm swew dawn il-vetturi lit-tarzna s'issa din is-sena? Kemm qegħdin jiswew lit-tarzna l-vetturi kollha li qegħdin jinkrew għal perjodu qasir biex jintużaw għal żebgħa u xogħol ieħor fit-tarzna? Jista' jgħid jekk hemmx xi vettura b'kirja permanenti li qed jitħallas aktar minn Lm1,000 fix-xahar għaliha? Jista' jgħid jekk inħarġitx sejħa pubblika għall-kiri ta' dawn il-vetturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li fit-tarzna bħalissa hemm 20 vettura mikrija. 10 minn dawn il-vetturi huma speċjaliżżati (Forklifters/Hiup trucks/Boss side loader etc.), waqt li l-10 l-oħra huma vetturi li jintużaw mill-managers. Bejn Jannar u Novembru 2003 il-kiri ta' dawn il-vetturi sewa Lm47,843. Il-vetturi speċjaliżżati li nkrew matul din is-sena għal użu speċifiku u għal żmien qasir swew lit-tarzna Lm45,462. Inkriet vewttura waħda speċjaliżżata (Boss side loader) li tiswa aktar minn Lm1000 fix-xahar inkluż l-ispejjeż tal-maintenance li jitħallsu mis-sid. Din il-vettura hi stmata li tiswa' Lm50,000. Il-kiri ta' dawn il-vetturi sar wara li ntalbu quotations.

Tarzna — Xiri ta' apparat għall-blasting

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sewa lit-Tarzna l-apparat li nxtara għall-blasting din is-sena? Ħarġu sejħiet pubbliċi għal dan? Kemm instab effiċjenti u kemm intnefqu flus biex issewwa apparat li nxtara bl-irkant?

Response (GATT, AUSTIN)

Fl-2002 it-Tarzna xtrat apparat ġdid u ieħor użat għas-sistema ta' aquablasting. L-apparat il-ġdid inxtara b'sistema ta' tender pubbliku. Sewa madwar Lm246,000. L-apparat użat inxtara f'irkant li sar fl-Ingilterra wara li falliet kumpanija kbira.It-tarzna xtrat apparat li sewa Lm50,000 u intefqu madwar Lm6,000 oħra biex dan l-apparat ġie serviced. Fil-kundizzjoni li kien dan l-apparat meta sar l-irkant kien stmat li jiswa Lm200,000. L-aquablasting irid jidħol fit-Tarzna għal raġunijiet ambjentali kif ukoll dawk ta' saħħa tal-ħaddiema. Id-dry gritblasting huwa effettiv ħafna teknikament, imma joħloq problemi kbar għall-ambjent u għas-saħħa tal-ħaddiema li jużawh. It-Tarzni ewlenin kollha qed idaħħlu sistemi ta' aquablasting għalkemm certu uzu ta' dry gritblasting ser jibqa għax ċertu xogħol jista' jsir biss b'dan il-metodu . Meta ddaħħal l-aquablasting fit-Tarzna kien hemm ċertu reżistenza mill-ħaddiema. Waħda mir-raġunijiet kienet li minħabba l-esperjenza l-ħaddiema kienu jtellgħu ferm aktar xogħol bid-dry gritblasting milli bl-aquablasting. Billi kien hemm allowance marbuta ma kemm isir xogħol fil-bidu, ċertu blasters intlaqtu ħażin. L-aquablasting huwa effiċjenti meta jintuża għall-iskopjiet tiegħu. Ċertu xogħol irid jibqa' jsir bid-dry gritblasting. Meta l-ħaddiema jakkwistaw aktar esperjenza fl-aquablasting il-produttivita tagħhom fuq dan ix-xogħol tikber, u aktar importanti minn hekk ikun hemm ferm anqas periklu għal saħħithom u għall-ambjent.

Tarzna — Ħaddiema nvoluti fil-kwestjoni ta' l-acting chargeman

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġara minnhom dawk il-ħaddiema li kienu nvoluti fil-kwestjoni ta' l-acting chargeman? Ġie appuntat xi ħadd minnhom? Hemm minnhom li ġew trasferiti għall-Industrial Projects & Services Ltd.?

Response (GATT, AUSTIN)

L-eżerċizzju ta' ristrutturar sar biex ġew identifikat in-numru ta' ħaddiema li l-Malta Shipyards Ltd. għandha bżonn f'kull grad. Il-vakanzi kollha issa ġew mimlija u għalhekk m'hemmx ħsieb li jsiru ħatriet ġodda.

Għawdex — Munxar - Xogħol ta' panel beating ġo garaxx bla permess

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex minkejja li fid-19 ta' Awissu, 2003 l-Enforcement Officer tal-MEPA ssiġilla garaxx fi Triq Xlendi, il-Munxar, Għawdex li għal dawn l-aħħar snin kien qed jagħmel xogħol ta' panel beater/sprayer bla permess f'area skedata (Enf. no: 00373/01) u ta' dan anke ġie mmultat, liema multa għadha ma ġietx imħallsa, dan l-istess garaxx għadu sal-lum matul il-ġurnata kollha jagħmel xogħol ta' panel beating?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn meta ġie ssiġillat il-makkinarju konness ma’ xogħol ta’ spraying / panel beating, fid-19 ta’ Awwissu 2003, saru numru ta’ spezzjonijiet. Il-garaxx in kwestjoni nstab magħluq ħlief f’ okkażjoni waħda. Fil-garaxx instab li l-makkinarju kollu li ġie ssiġillat baqa’ ssiġillat, filwaqt li ma nstab ebda makkinarju ndustrijali ġdid ieħor. Peress li f’ dan l-istadju m’ hemmx provi biżżejjed li s-sit qed jintuża għal użu kummercjali, l-Awtorita’ ser tibqa’ tgħasses biex jiġi osservat l-ordni li ngħatat fl-Avviż numru ECF 373/01.

Anzjani — Servizz ta' handy-man

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-handy-man matul din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm 1,024 anzjan li għamlu użu mis-servizz tal-handyman provdut mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’.

Spinola — Spinola Hill - xogħol ta' asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-triq magħrufa bħala Spinola Hill li tagħti minn Spinola bus terminus għal Paceville sal-bini tal-Maltacom hux se tingħata resurfacing jew jekk hux se tiġi rranġata bħala parti mill-proġett ta' upgrading ta' Paceville? Jekk le, jista' jgħid jekk din it-triq hux se tingħata priorita' mill-gvern u jistax il-Ministru jagħti indikazzjoni jekk u meta dawn ix-xogħlijiet se jsiru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Gudj — Triq Dun Piet Farrugia - xogħol ta' asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar meta hemm il-ħsieb li Triq Dun Piet Farrugia, fil-Gudja se tiġi asfaltata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku għamlet spezzjoni f'din it-triq u rriżulta illi jonqos ħafna żvilupp xi jsir u għalhekk l-asfalt f'din it-triq isir aktar il-quddiem meta l-iżvilupp jitlesta.

Kumpanniji reġistrati f'Malta — Reklamar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie ddikjarat li ntnefqu flus f'reklamar mill-kumpanniji reġistrati f'Malta fil-perjodu bejn Jannar u Diċembru 2002?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara għal liema kumpanniji qed jirreferi.
Leg 10 PQ #3037 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: JOSEPH ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Tfajliet taħt is-16-il sena — Twelid ta' trabi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm twieldu trabi minn tfajliet taħt is-16-il sena bejn Jannar u Ottubru 2003?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fuq is-Saħħa għandu informazzjoni nazzjonali fuq it-twelid ta' trabi lil ommijiet (Maltin jew mhux Maltin). L-istatistika għal din is-sena, kif miġbura permezz tas-sistema National Obstetric Information System (NOIS), hija aġġornata sa l-ewwel sitt xhur tas-sena. Bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena (2003) kienu reġistrati total ta' seba' (7) ommijiet li welldu seba' (7) trabi f'Malta u Għawdex.
Leg 10 PQ #3038 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: JOSEPH ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Żejtun — Applikazzjoni għall-fidi ta' ċens

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni bil-file no: T2038/97 (plot 9 Ta' Pizzuta, Żejtun) għall-fidi ta' ċens? Id-dettalji tal-persuna qed jintbagħtu separatament.

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li, wara li l-applikant in kwistjoni aċċetta s-somma għal fidi taċ-ċens impost fuq Plot 9, Ta` Pizzuta, Żejtun, tkomplew il-proċeduri sabiex jiġi finalizzat il-fidi u issa l-Uffiċċju Konġunt jinsab f`pożizzjoni li jiffirma l-kuntratt fi żmien xahrejn.

Ħal Qormi/Sta. Venera — Underground

Question

Jaf il-Ministru li l-underground li hemm bejn Ħal Qormi u Sta. Venera jinsab fi stat mill-agħar u li mhux sigur biex in-nies jagħmlu użu minnu? Meta se tittieħed l-azzjoni biex isirulu t-tiswijiet u t-tindif meħtieġ biex in-nies ikunu jistgħu jaqsmu b'mod sigur f'din l-area perikoluża minħabba t-traffiku qawwi li jgħaddi kull ħin tal-ġurnata u lejl?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għamlet spezzjoni f'din is-subway u qabdet lid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex tagħmel it-tindif meħtieġ.

Ħaż-Żabbar — Triq Kaħwila

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li l-gvern jirranġa Triq Kaħwila f'Ħaż-Żabbar (fuq in-naħa taċ-ċimiterju - servizzi tad-drenaġġ, eċċ. kollha mgħoddija) peress li din tinsab fi stat diżastruż u qed toħloq inkonvenjent kbir għar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-triq qegħda nkluża fil-lista ta' prijoritajiet ta' toroq li għandu d-Direttorat u x-xogħol fiha jkun jista' jsir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Leg 10 PQ #3041 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: JOSEPH ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Reklamar ta' prodotti

Question

Jista' il-Ministru jgħid huwiex konxju minn reklamar li qed isir fuq stazzjon tar-radju - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - minn kumpannija - li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu wkoll separatament - li qed tirreklama prodott li jkabbar is-sider tan-nisa? Jista' jgħid jekk dawn ir-reklami għandhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa mid-dipartiment? Huwa etikament aċċettabbli li l-pubbliku jingħata informazzjoni minn impjegati ta' kumpannija u mhux minn persuni professjonali fil-qasam tal-mediċina?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment qiegħed jinvestiga u risposta definittiva tingħata f'xi seduta oħra.

Wied il-Għajn — Triq il-Qaliet - Dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-dawl fi Triq il-Qaliet, f'Wied il-Għajn qed ikun mixgħul anke bi nhar u minkejja diversi telefonati lill-korporazzjoni Enemalta baqa' ma ġiex mitfi, anzi baqa' jixgħel għal jum wara l-ieħor?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-manutenzjoni meħtieġa saret fl-20 ta' Novembru 2003.