Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC — Meter ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li jerġa' jitwaħħal il-meter ta' l-ilma fl-indirizz li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, peress li minn mindu sar is-servizz baqgħu mingħajr ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena infurmat li l-indirizz li għalih saret referenza hu ta' block ta' tlett appartamenti li oriġinarjament kien propjeta' tas-Servizzi Ingliżi. Sussugwentament, il-Gvern ta' dak iż-żmien kien alloka dawn l-appartamenti mingħajr ma ħa ħsieb jara li kull appartament ikollu l-meter ta' l-ilma tiegħu. Fil-fatt, għalkemm kull appartament għandu meter ta' l-elettriku separat, kien hemm servizz ta' l-ilma wieħed għall-blokk kollu u skond il-kotba tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma dan is-servizz kienet responsabli għalih l-Awtorita' tad-Djar. Naturalment, din kienet sitwazzjoni anomala. Billi min kien qed jikkonsma l-ilma deher li ma riedx jieħu r-responsabilita' għall-ħlas ta' din il-provvista ta' l-ilma, l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma kellhiex triq oħra ħlief li tissospendi din il-provvista. Dan l-aħħar uffiċċjali tal-Korporazzjoni ikkuntattjaw lir-residenti ta' dan il-blokk u dawn issa aċċettaw li jħallsu l-kontijiet pendenti u jibqgħu responsabbli għall-ħlas tal-konsum ta' l-ilma fil-futur. Malli s-sitwazzjoni tkun regolariżżata b'dan il-mod, il-provvista ta' l-ilma terġa' tingħata b'mod normali lil dawn ir-residenti.

Stabbilimenti bil-permess biex joperaw bħala recording studios

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn stabbilimenti li għandhom il-permess meħtieġ tal-pulizija u ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar biex joperaw bħala recording studios? X'jisimhom u f'liema indirizzi għandhom il-permessi joperaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju msemmija, m`għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Kumpanniji li applikaw biex jipprovdu mużika ta' background

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw kumpanniji biex jipprovdu mużika ta' background għaż-żfin u karrijiet għall-karnival tas-sena 2004? Jista' jgħid x'verifiki saru biex jaraw jekk dawk li applikaw għandhomx il-permessi meħtieġa biex joperaw bħala recording studios?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li applikaw żewġ kumpaniji biex jipprovdu mużika ta' background għaż-żfin u karrijiet għall-karnival tas-sena 2004. L-offerti għadhom qed jiġu aġġudikati.
Leg 10 PQ #2960 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Nursing managers

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jara li tinstab soluzzjoni għall-fatt li n-nursing managers li jkunu on duty fl-isptar San Luqa ta' spiss qed jaqilgħu ċitazzjoni għax idaħħlu l-karozza tagħhom ġewwa l-isptar? Billi jien informat li hemm nursing managers li diġa' qalgħu ħames ċitazzjonijiet waqt li jkunu jaqdu dmirhom fl-isptar, possibbli id-diviżjoni tas-saħħa tipprova ssib soluzzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fi żmien qasir in-Nursing Managers se ikollhom parking lots allokati għalihom.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? X'ċans hemm li l-applikanta li hi separata u għandha tifla ta' disgħa snin, tiġi allokata fond? Kemm għandha punti? Kif inħadmet is-sistema tal-punti vis-a-vis din l-applikanta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrara flimkien m’oħrajn simili. Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna konċernata lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fejn tkun tista’ tara l-applikazzjoni tagħha.

Awtorita' tad-djar — Każ bir-Ref No:

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-prezz sussidjat tal-fond imsemmi - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - għat-talba bir-Ref No: 6HA 39/2002 quddiem l-awtorita' tad-djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna konċernata lill-Awtorita’ tad-Djar fit-Taqsima tal-Customer Care.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva ta' l-anzjana mill-Imsida li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'ċans hemm li din l-anzjana tibdel ma' post ieħor tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2660 f’Seduta Numru 57.
Leg 10 PQ #2964 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birkirkara — Skola primarja Sir Anthony Mamo

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'passi se jittieħdu biex ikun hemm upgrading ta' l-iskola primarja 'B' Sir Anthony Mamo, f'Birkirkara?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol konness ma' l-iskola imsemmija hu inkluż fil-pjan ta' ħidma li qed jitfassal mill-FTS. Tweġiba tingħata aktar il-quddiem meta dan il-pjan ikun finalizzat u approvat.

Enemalta — Meter tad-dawl

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu l-ministeru tiegħu biex jiġi nstallat meter tad-dawl fil-parti komuni - id-dettalji qed jintbagħtu separatament - u dan meta r-residenti ta' dan il-blokk tal-gvern ilhom jgħixu f'din il-binja għal aktar minn għaxar snin mingħajr elettriku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Akkomodazzjoni soċjali — każ dwar housing

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ tal-persuna - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - fi ħdan id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? X'rimedji qed joffri d-dipartiment lil din il-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Kumpanniji parastatali — Human resource audit

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 2832 u cioe' il-gvern qatt għamel human resource audit tal-kumpanniji parastatali?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-gvern qatt ma għamel human resources audit tal-kumpaniji parastatali. Pero għandna nformazzjoni li matul is-snin, diversi azjendi parastatali għamlu eżerċizzji u audits fuq human resources.
Leg 10 PQ #2977 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

EU/NATO Crisis Management Military Exercise — Sehem ta' Malta

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2820 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Prim Ministru jgħid x'se jkun is-sehem limitat ta' Malta fil-joint EU/NATO Crisis Management Exercise militari tad-19-25/11/03 minħabba li se jintużaw NATO Assets and Capabilities? Jista' jagħti dettalji dwar il-Fictitious Crisis Scenario li se jkun il-bażi ta' dan l-eżerċizzju?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1773 u 2673, ninfurmah li s-sehem ta’ Malta fl-eżerċizzju jikkonsisti fi twaqqif ta’ żewg ċelloli, waħda fl-Ambaxxata Maltija fi Brussell u l-oħra fi ħdan l-“EU Directorate”. Xogħol dawn iċ-ċelloli hu ta’ “liaison” u kollegament u biex isegwu dak li jkun qiegħed iseħħ waqt l-eżerċizzju. Irrid ngħid li dawn l-eżerċizzji ma jinvolvux truppi iżda huma mmirati biex jittestjaw is-sistemi ta’ kollegament u koperazzjoni li l-UE qegħda toħloq fir-rigward ta’ “Crisis Management Operations”. Ix-xenarju għal dan l-eżerċizzju ġie żviluppat skond il-prinċipji tal-“UN Charter” u jgħin biex jiġu kkunsidrati diversi “options” ta’ “crisis management operations”. L-eżerċizzju jiffoka fuq l-azzjoni li trid tittieħed qabel wieħed jiddeċiedi li jagħmel intervent bit-truppi.
Leg 10 PQ #2978 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tas-Saħħa

Ħal Qormi — Ċentru tas-saħħa - Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istaff taċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi jieħdu leave u sick leave bl-addoċċ? Jista' jgħid jekk hux minnu li hemm min jiffirma u ma jidħolx?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-istaff taċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi jieħu l-leave tiegħu wara li jagħmel it-talba bil-miktub lin-Nursing Officer jew lid-Deputy Nursing Officer. In-Nursing Officer jagħmel it-talba tiegħu lid-Departmental Nursing Manager u dan irid jiġi approvat. Riġward is-sick leave d-dipartiment ma għandu l-ebda kontroll fuq kemm jittieħed, biss isir kontrol b'verifikazzjoni ta' sick leave minn tobba ta' kumpanija privata. Fuq jekk hux minnu li hemm min jiffirma u ma jidħolx jista jingħad li dan l-aħħar kien hemm każ wieħed u li ttieħdu l-passi dixxiplinarji kontra l-impjegat immedjatament. Jekk l-Onor. Interpellant għandu informazzjoni differenti nitolbu jgħaddijieli b'mod kunfidenzjali.
Leg 10 PQ #2979 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Bdoti tal-helicopters

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il siegħa training għamlu l-bdoti tal-helicopters u ta' l-ajruplani ta' l-AFM matul Lulju, Awissu u Settembru ta' din is-sena, separatament għal kull xahar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hi: Taħrig fuq Ajruplani Taħriġ fuq Helicopters Lulju 10 siegħat 30 siegħa Awissu 16-il siegħa 20 siegħa Settembru 10 siegħat u 45 minuta 20 siegħa

Imdina — Proġett ta' tiswija tas-swar

Question

Jikkonsidra l-Ministru li parti mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea għas-snin 2004-2006 jintnefqu fuq proġett ta' tiswija urġenti li hemm bżonn f'parti mis-swar ta' l-Imdina bejn il-Palazz Vilhena u x-Xara Palce Hotel fil-periklu li jaqgħu u jiġbdu magħhom il-bqija tal-bini?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa' ittieħdu miżuri urġenti biex jiġi mirfud parti mill-palazz Vilhena minħabba l-qagħda li jinsab fiha. Fl-istess ħin wasal biex jitlesta' studju mill-Universita' ta' Bologna dwar il-qagħda tas-swar ta' l-Imdina u dwar x'miżuri għandhom jittieħdu biex jiġi evitat li xi parti mis-swar taqa'. L-istudju għandu jistabbilixxi wkoll l-ispiża meħtieġa biex isiru x-xogħlijiet biex is-swar jiġu mirfuda. Dan l-istudju ġie ffinanzjat mir-Raba' Protokoll Taljan. Minħabba li għad mhix magħrufa l-ispiża meħtieġa biex isiru dawn ix-xogħlijiet, ma setgħetx issir talba lill-Unjoni Ewropea biex jiġu finanzjati dawn ix-xogħlijiet. Naqbel ma' l-Onor. Interpellant li dawn it-tiswijiet huma urġenti l-aktar meta wieħed jiftakar li din il-problema ilha tkarkar għexieren ta' snin.

UE — Monitoring report

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi hemm maħsuba mill-gvern biex jindirizza l-problema tal-korruzzjoni li tissemma fil-Monitoring report ta' l-Unjoni Ewropea li ħareġ fl-ewwel ġimgħa ta' Novembru?

Response (BORG, JOE)

Għalkemm ir-Rapport tal-Kummissjoni jindika li hemm xi passi x'jittieħdu fejn jidħol is-suġġett tal-korruzzjoni, ma jirriżultax li Malta għandha xi problema partikolari ta' korruzzjoni li trid tiġi ndirizzata; iżda hija iżjed kwistjoni ta' formazzjoni ta' strateġija nazzjonali sabiex jitwarrbu ċerti perċezzjonijiet li jista' jkun hemm f'dan ir-rigward. Għal aktar dettalji dwar dan il-qasam, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #2985 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-edukazzjoni — Vakanzi ta' diretturi/assistenti diretturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'vakanzi jeżistu fil-livell ta' diretturi u assistenti diretturi fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-ministeru? Fiex wasal il-proċess f'kull każ biex jimtlew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li jeżistu ħames vakanzi fil-livell ta' diretturi u assistenti diretturi fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru. Fid-Diviżjoni hemm tlett vakanzi, waħda ta' Direttur Ġenerali li l-proċess għall-mili tagħha isir mis-Senior Appointments Advisory Committee tal-MPO. Iż-żewġ vakanzi oħra huma ta' żewġ Assistenti Diretturi (Training and Staff Development u Operations), saru l-interviews u ntbagħtu ir-rakkomandazzjonijiet lill-PSC. Id-diviżjoni qed tistenna tweġiba. Vakanza oħra ta' Direttur teżisti fid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet. Il-proċess ta' l-għażla jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u il-proċess qed joqrob biex jintemm. L-aħħar vakanza li teżisti fid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji hi ta' Assistent Direttur. Għad irid jibda il-proċess biex timtela.