Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #2989 Sitting 63 2003-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies jistennew għall-operazzjoni fl-isptar San Luqa, qasam b'qasam u kemm hu l-iżjed li ilhom jistennew f'kull każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għada qed tinġabar. Risposta tingħata f'seduta oħra.

Enemalta — Każ dwar kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li l-kont tad-dawl u l-ilma ta' koppja anzjani - id-dettalji qed jintbagħtu separatament - jiġi ċċekkjat sewwa minħabba li huma qed jgħidu li qed jiġi għoli ħafna?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2089. Jekk il-klijent iħoss li jrid jittestja l-meter jista' jagħmel dan billi jagħmel talba diretta. Huwa mportanti ħafna li wieħed jara li l-istallazzjoni tiegħu tkun tajba, għax ħafna drabi ma jkunx il-meter il-problema tal-kontijiet għoljien.

St. Andrews — Triq Sant'Andru

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex jitneħħa l-periklu li hemm għall-persuni li jkunu qed jistennew li jmorru għax-xogħol, l-iskola jew qadi ieħor tagħhom ħdejn il-banka tal-lottu fi Triq St. Andrews fejn dan l-aħħar kellna l-inċident fatali li fih miet refuġjat b'daqqa ta' karozza?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport kienet diġa ħadet passi ġimgħat qabel l-inċident fatali li semma l-Onor. Interpellant biex jiżguraw is-sigurta f'din il-lokalita. Jien infurmat illi saru bus bays ftit l-isfel u ġew installati Pelican Lights. Biex tkun tista tibda tintuża din il-bus bay imsemmija, jonqos biss l-Kunsill Lokali jwaħħal il-bus shelter.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'taħriġ u formazzjoni profezzjonali qed isiru biex ikollna persuni bil-ħiliet meħtieġa biex nibnu toroq tajbin f'pajjiżna? Min qed jagħti dan it-taħriġ u kemm hemm persuni li għaddejjin minn dan it-taħriġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ninsab infurmat illi t-taħriġ professjonali li kienu tqabbdu biex jagħtu l-konsulenti Ġermaniżi tal-GTZ għadu għaddej bħala parti mill-korsijiet li tipprovdi l-Fakulta ta' l-Arkitettura u Nġinerija ta' l-Universita. Fil-preżent l-attendenza għal dawn id-diversi korsijit hija kif ġej: 13-il student qegħdin isegwu l- post graduate course għal M.S.c. fir- Road Engineering . Student wieħed qed isegwi l-aħħar sena għal kors ta' Perit bir- Road Engineering bħala l- main stream . Student wieħed qed isegwi r-raba sena fl-istess stream . Studenti li ser jibdew it-tieni semester tat-tielet sena tal-kors u li eventwalment wieħed jispera li jsegwu l-istess stream . Ma dawn wieħed jista' jsemmi sitt studenti oħra li lestew il-course tagħhom din is-sena wara li segwew ir-Roads Engineering Stream. Fl-istess ħin qed isiru wkoll aranġamenti preliminari biex Periti kwalifikati jkunu jistghu isegwu korsijit oħra li jwasslu għad-dottorat f'din il-materja. Fuq livell tekniku għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-MCAST biex jiġi ntrodott course tekniku għal żagħżagħ u ħaddiema li jkunu jridu jaħdmu fis-settur biex ikunu jistgħu jieħdu l-Journeyman Certificate.
Leg 10 PQ #3014 Sitting 63 2003-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti sekondarji — Studji Ewropej

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti sekondarji fis-settur statali li qed jistudjaw l-istudji Ewropej? Kemm hemm għalliema magħhom? Hemm xi ħjiel jekk hux se jiżdiedu l-istudenti li jidħlu għal dan is-suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Bini tal-gvern — Ħsarat fil-lifts

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min hu responsabbli u għand min wieħed għandu jirrikorri meta jkun hemm ħsarat fil-lifts tal-bini tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-lifts installati mill-Awtorita’ tad-Djar taħt Skema V, ninfurmaħ li l-Awtorita’ timponi fuq l-inkwilini li jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti li tkun responsabbli għall-manutenzjoni tal-lift.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Anzjana li tgħix f'post mingħajr faċilitajiet sanitarji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex jgħin lill-mara anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - biex ma tibqax tgħix f'post mingħajr il-faċilitajiet sanitarji kollha? Il-fond ta' din il-mara anzjana huwa mingħajr dawl, ilma u mingħajr kamra tal-banju.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-persuna ndikata m’għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment.

Ħal Tarxien — Xogħol f'Binja tal-gvern fi Triq il-Kurunell Mas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġie jqum il-finishing biex ikun lest għall-abitazzjoni tal-Binja fi Triq il-Kurunell Mas, Ħal Tarxien? Kemm hemm kmamar tas-sodda f'kull unit? Jista' ipoġġi l-pjanti fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ż-żewġ appartamenti fi Triq il-Kurunell Mas, Ħal-Tarxien, u li t-tnejn għandhom tliet kmamar tas-sodda, inħarġu għall-bejgħ shell form u għalhekk l-Awtorita’ ma għamlet ebda finishing fihom. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta’ dawn l-appartamenti.

Pulizija — Patrol f' postijiet ta' divertiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-pulizija li jkunu għassa f'lokalitijaiet ta' divertiment bħalma huma Paceville u Wied il-Għajn jieħdu azzjoni jekk jaraw tfal żgħar ta' 13,14 u 15-il sena jiġġerrew mat-triqat tard fil-għaxija jew kmieni fil-għodu speċjalment jekk ikunu xurbana? Ma taqax taħt ir-responsabbilta' tal-pulizija li tara li tfal ta' din l-eta' ma jitħallewx f'dawn il-postijiet?

Response (BORG, TONIO)

Kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant filwaqt li huwa d-dover tal-ġenituri li jieħdu kura ta` uliedhom, id-dover tal-Pulizija huwa li tħares il-bon ordni pubbliku. Għaldaqstant sakemm il-minuri ma jkunux qed jikkommettu xi ksur ta` liġi, mhux il-kompitu tal-Pulizija li trażżan il-moviment tagħhom, sakemm ovvjament ma jkunx jidher li tali persuni jkollhom bżonn ta` assistenza.
Leg 10 PQ #2405 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Edukazzjoni - Postijiet ta' divertiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tagħmel id-diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex tħeġġeġ lill-ġenituri jieħdu aktar ħsieb it-tfal tagħhom u ma jħalluhomx jiġġerrew sa kmieni fil-għodu fit-triqat ta' postijiet ta' divertiment? Isiru laqgħat apposta għall-ġenituri tat-tfal ta’ l-iskejjel biex dawn jerfgħu r-responsabbilita' lejn uliedhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li waqt laqgħat għall-ġenituri organizzati mill-Kap ta' l-iskola fl-iskejjel jingħataw messaġġi ċari dwar ir-responsabilita' tal-ġenituri lejn uliedhom.

Maltapost — Ħaddiema li marru lura mal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem tal-Maltapost reġa' ġie trasferit mal-gvern wara l-ftehim li kien sar ftit xhur ilu? Kemm huwa n-numru totali li se jmorru lura mal-gvern? F'liema dipartimenti marru?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li n-numru totali ta' ħaddiema tal-Maltapost li reġgħu ġew trasferiti mal-gvern wara l-ftehim ta' ftit xhur ilu huwa ta' tmenin. Dan jista' jilħaq massimu ta' mija u sittin. Il-ħaddiema li reġgħu lura mal-gvern ġew allokati f'diversi dipartimenti. Fir-rigward ta' l-aħħar parti tal-mistoqsija , dan it-tagħrif jista' jinkiseb mil-Management and Personnel Office fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Maltapost — Naxxar Road Ħal Lija

Question

Jista' l-Ministru jara s-sitwazzjoni tal-post il-ġid tal-Maltapost f'Naxxar Road Ħal-Lija, wara li rċevejt diversi lmenti minn ħaddiema dwar il-kondizzjoni fejn ġew trasferiti sitt taqsimiet tal-Posta, fosthom dawk tan-Naxxar, ta' Birkirkara, Ħal-Balzan, eċċ? Jaf il-Ministru li hemm mal-mitt ħaddiem jaħdmu hemm hekk f'bini twil qisu maħżen fejn m'hemmx tieqa waħda u l-uniku ftuħ huwa l-bieb ta' barra? Għalkemm jidher li hemm apparat għall-arja kundizzjonata dan mhux imqabbad minkejja li l-ħaddiema ilhom jaħdmu fil-post mat-tliet ġimgħat? Jista' jara li ssir xi ħaġa malajr biex tittaffa din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-Hub il-ġdid tal-Maltapost f'Ħal-Lija, li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, ġie ċertifikat minn inġinier kompetenti bħala tajjeb mill-perspettiva ta' saħħa u sigurta'. In-numru totali ta' ħaddiema li se jkun hemm f'dan il-Hub huwa ta' sittin. Jien infurmat ukoll li l-apparat ta' l-arja kundizzjonata f'dan il-Hub qed jiffunzjona b'mod sodisfaċenti.
Leg 10 PQ #2408 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-iskejjel ta' Għada

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-organigramma tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada kif kienet fl-1 ta’ Settembru 2003, li turi l-pożizzjoni ta’ dawk il-persuni ordinarjament impjegati jew li kienu impjegati mill-Fondazzjoni, dawk il-persuni mislufa minn xi dipartiment tal-Gvern ieħor, konsulenti u temping staff? X’ kienu qed jagħmlu t-temping staff? Ma’ liema kumpanniji saru l-arranġamenti għat-temping staff? Kemm kien il-ħlas totali li sar għal temping staff ?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser inpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #2409 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada tagħżel perit jew professjonist biex jagħmel xi biċċa xogħol, u mhux ieħor? Fuq liema skala jitħallsu dawn il-periti jew professjonisti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada wżat is-servizzi ta' diversi periti jew professjonisti fuq firxa kbira ta' proġetti, wara sejħa pubblika ta' expression of interest. Il-Fondazzjoni fl-operat tagħha ingaġġat diversi periti skond l-expertise, esperjenza u kapaċita' ta' riżorsi biex titwettaq xi biċċa xogħol. F'ċerti każi, periti li kienu ġew ingaġġati mill-kunsilli lokali fi skejjel primarji qabel twaqqfet l-FTS komplew jagħtu s-servizzi tagħhom lill-FTS. Il-periti jitħallsu somma pre-stabbilita fuq assignments bħal audits tekniċi ta' l-iskejjel u fuq ċerti proġetti huwa obbligatorju li jiġu segwiti it-tariffi kif stabbilita f'Tariffa K, li tirregola il-ħlas dovut għall-perizja.

Voice of the Mediterranean — Konferenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sewa l-isponsorship tal-Voice of the Mediterranean bħala radio għal vapur Odyssee u kemm swiet il-konferenza wkoll sponsorjata mill-istess radio taħt it-tmexxija tal-persuna ndikata separatament bejn l-24 u l-25 ta' Ottubru, 2003 dwar il-Multilingualism and International Radio Forum of EDXC?

Response (BORG, JOE)

Il-proġett Odyssey, li fih l-istazzjon Voice of the Mediterranean ħa sehem flimkien ma' sbatax-il pajjiż Mediterranju ieħor, sewa LM10,000. Il-Forum EDXC dwar Multilingualism and International Broadcasting sewa LM3,000.

Voice of the Mediterranean — Bejgħ ta' vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid min biegħ l-erbgħa karozzi li kien hemm fir-Radio Voice of the Mediterranean , min awtorizza x-xiri ta' karozzi ġodda u kemm swiet din lir-radio?

Response (BORG, JOE)

Jiena nfurmat li l-Managing Director tal-Voice of the Mediterranean ħa ħsieb il-bdil ta' l-erba' karozzi qodma li kellu l-istazzjon u minnflok xtara tlieta ġodda. Karozza Mazda, li ma kellha ebda valur fis-suq, ġiet skrappjata, filwaqt li Kia Avella nbiegħet għas-somma t' LM800. Karozza oħra Hyundai Lantra ngħatat bħala part exchange għax-xiri ta' Peugeot 406. Il-karozza tad-Deputy Managing Director Libjan, Daewoo Espero, ukoll ngħatat b'part exchange minn dan l-uffiċċjal ma' Volkswagen Passat. Inxtraw b'kollox tlett karozzi ġodda għal figura netta ta' LM31,130 wara li jitnaqqas it-Trade in value tal-karozzi Hyundai Lantra u d-Daewoo Espero u l-ammont tal-bejgħ tal-Kia Avella.

Kuntratt għal xogħol ta' żebgħa fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ingħatax kuntratt fejn hemm imdaħħla kumpannija bl-isem ta' Bosec jew isem viċin, mill-Ingilterra probabbilment minn Cardiff, Wales, fejn se tintuża żebgħa għat-toroq u hemm involut ċertu persuna li isimha qed jiġi ndikat separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma ngħata l-ebda kuntratt għax-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant.
Leg 10 PQ #2862 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħal Kirkop — Xogħlijiet fl-iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fl-iskejjel ta' Ħal Kirkop mill-1994 'il hawn? Kemm swiet kull biċċa xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ix-xogħol meħtieġ biex jiġi kompilat it-tagħrif mitlub għal dawn l-aħħar sebgħa snin jirrikjedi ċertu żmien, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra meta dan isir.

Kunsilli lokali — Computers għat-tħaddim ta' l-e-government

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw computers lil kull kunsill lokali għat-tħaddim ta' l-e-government? X'kien l-użu ta' dawn il-computers minn mindu bdew jitħaddmu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' kompjuters mogħtija lil kull Kunsill Lokali jvarja minn wieħed sa massimu ta' erba kull kunsill. L-allokazzjoni saret skond il-popolazzjoni tal-belt jew raħal. It-tabella mehmuza tindika il-lokitajiet kollha u n-numru ta' kompjuters mogħtija lil kull belt u raħal. L-uzu ta' dawn il-kompjuters kien wieħed tajjeb b'ammont sostanzjali ta' residenti jagħmlu użu mill-kompjuters biex jinqdew bis-servizzi ta' l-e-government kif ukoll biex jagħmlu użu mill-Internet u l-email.

Ħal Luqa — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sar tarmac f'Ħal Luqa minn Mejju 1994 sal-lum minn xi awtorita' jew dipartiment tal-gvern ċentrali? Kemm swew flus? Jista' ir-rendikont jinqasam sena b'sena u triq bi triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.