Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-budget ta' l-Universita' għas-safar f'dawn l-aħħar sentejn u kemm ġew minfuqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-allokazzjoni tal-fondi mill-'budget' fl-Universita' ma tipprovdix ammonti speċifiċi għas-safar. L-infiq isir fuq approvazzjoni li tingħata għal kull każ. L-ammont totali minfuq matul l-2002 kien ta' Lm76,217 filwaqt li bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena l-ammont kien ta' Lm64,848.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1985 li għamilt dwar ħruġ ta' drenaġġ fi Triq il-Pont, fil-Mosta, jista' il-Ministru jinformani bis-sitwazzjoni llum u x'ikkawża l-ħsarat?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li wara li ġiet imnaddfa is-sistema tad-drenaġġ mill-ġebel li nġarr mill-maltemp, is-sitwazzjoni ġiet għan-normal u l-fawran waqaf.
Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aktar sigurta' f'dawk l-iskejjel fejn ikun hemm dħul u ħruġ ta' vetturi u anke parkeġġ fl-istess postijiet li jużaw l-istudenti biex imorru u / jew jitilqu mill-iskola? X'passi ttieħdu f'dawk l-iskejjel fejn dan isir? Hemm possibbilta' f'ċerti skejjel biex vetturi ma jitħallewx jidħlu jew li jinstabu alternattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel diġa' għandhom sistema biex waqt id-dħul, u l-aktar waqt il-ħruġ, tat-tfal mill-iskola ma jkunx hemm tfal u vetturi deħlin jew ħerġin f'daqqa b'nuqqas ta' kontroll.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jkun hemm l-ebda sorveljanza meta jkunu ħerġin l-istudenti ta’ l-iskola Ġużeppi Despott wara li jtemmu l-iskola mill-bieb iż-żgħir tal-ġenb biex imorru għall-coaches li jkunu ġew jiġbruhom? Jaf il-Ministru bil-periklu għaliex dawn il-vetturi jkunu għadhom qed jaslu jew ikunu qed isuqu biex jitilqu bl-istudenti jfixxtu l-vettura li se trikkibhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li malli tispiċċa l-ġurnata skolastika l-istudenti ta' l-iskola Ġużeppi Despott jinġabru kollha fil-bitħa ta' l-iskola fejn ikun hemm persuna magħhom li jkollha l-użu ta' Walkie Talkie. Barra mill-iskola jkun hemm membru ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskola li malli tasal karozza javża n-numru tar-rotta, permezz tal-Walkie Talkie, lis-Supervisor li jkun ma' l-istudenti fil-bitħa. Dan iħalli joħorġu mill-iskola lil dawk l-istudenti li jivvjaġġaw ma' din ir-rotta. Dan l-eżerċizzju jdum madwar nofs siegħa u ebda membru ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskola ma jitlaq mill-post qabel ma tkun telqet l-aħħar private.
Dan kollu jsir biex jitnaqqas il-periklu għall-istudenti waqt il-ħin tal-ħruġ mill-iskola.
Skola Ġużeppi Despott — Problema dwar ilma tax-xita
Question
Jista' l-Ministeru tiegħek jitlob lill-Ministeru responsabbli biex jara x'jista' jsir fit-triq prinċipali eżatt quddiem il-bieb ewlieni ta’ l-iskola Ġużeppi Despott ħalli kull darba li tagħmel ftit xita dan ma jinġabarx f'post wieħed u studenti u vetturi jkollom jaqsmu fuq in-naħa tat-triq b'periklu kbir? Jaf li din is-sitwazzjoni ilha hekk għal żmien twil?
Response (GALEA, LOUIS)
Tajt struzzjonijiet biex isiru il-kuntatti meħtieġa ma' l-awtoritajiet kompetenti biex l-ilment ta' l-Onor. Membru jiġi investigat u tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar liema skejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk privati jippreparaw l-istudenti tagħhom għall-eżamijiet ta' universitajiet/bordijiet barranin kemm fil-livell ordinarju kif ukoll f'dak avvanzat? Peress li dawn kollha jagħmlu wkoll l-eżamijiet tas-SEC/MATSEC ma jaħsibx li huwa wisq għall-istudenti biex jippreparaw għal aktar minn eżami ta' bord wieħed? Kif isir it-tagħlim meta jkun hemm differenza ġieli sostanzjali bejn is-SEC/MATSEC u bordijiet barranin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ebda skola statali ma tipprepara lill-istudenti tagħha għal eżamijiet ta' universitajiet/bordijiet barranin kemm fil-livell ordinarju u avvanzat. Dan ma jfissirx li student li jixtieq jagħti eżami ta' barra, minn rajh, jiġi prekluż.
Fl-iskejjel privati hemm tlett skejjel indipendenti li jippreparaw lill-istudenti tagħhom għall-eżamijiet ta' universitajiet/bordijiet barranin.
Dawn huma St. Edwards, St. Michael's Foundation for Education u Verdala International. L-iskejjel tal-Knisja jimxu mas-'Syllabus' tal-MATSEC.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2366 fejn iċ-ċifra kellha tkun Lm6 miljun, jista' il-Ministru jagħti tweġiba?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għas-sussidji u għajnuna oħra li ngħataw lill-bdiewa u r-raħħala minn Lulju 2002, minn meta beda jitħaddem il-Programm Speċjali għall-Biedja Maltija magħruf bħala SMPPMA.
Minn Lulju 2002 sat-30 ta' Ottubru 2003 dawn il-benefiċċji kienu jlaħħqu Lm5.89m, li minnhom Lm1.04 kienu ndirizzati għar-ristrutturazzjoni fl-oqsma tal-produzzjoni tal-majjal, tal-broilers, tal-bajd u tad-dwieli għall-inbid, kif ukoll fl-impjant tal-ħalib.
Il-kumplament ta’ l-għajnuna kienet indirizzata biex il-bdiewa u r-raħħala jtejbu l-kompettitivita tal-prodotti tagħhom permezz ta’:
(1) tnaqqis fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti bħal bajd, majjal, tiġieġ u tadam ipproċessat;
(2) preżentazzjoni aħjar tal-prodotti tagħhom; kif ukoll
(3) pubbliċita u promozzjoni tal-prodotti magħmulin minn tadam ta’ Malta.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2108 u l-fatt li l-Unjoni Ewropea ma rtiratx il-protezzjoni li timponi fuq l-istati membri fuq l-importazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel minn non EU countries, jista' il-Ministru jinformani kif il-kwoti fuq il-prodotti ta' l-ikel se jaffettwaw lis-settur tat-turiżmu u dan fid-dawl tar-realta' li pajjiżna huwa net importer u dejjem iddependa mill-prezzijiet kompetittivi tas-swieq internazzjonali inkluż il-prezzijiet esterni ta' l-UE stess?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ladarba ma sar ebda qbil dwar tneħħija ta' tariffi, kif kien mistenni li jsir f'Cancun, is-sitwazzjoni vis-a-vis l-impatt ta' kontrolli, tariffi u dazji fir-rigward ta' prodotti ta' l-ikel u l-materja prima ta' l-ikel u x-xorb se tibqa' kif kienet giet trattata waqt in-negozjati tas-sħubija li ntemmu f'Diċembru li għadda.
F'dawn in-negozzjati, l-impatt tas-sħubija f'dan il-qasam ġie kontrobilanċjat b'żewġ miżuri, waħda ta' sussidji fuq prezzijiet ta' xi prodotti impurtati u l-oħra permezz ta' sistema ta' refunds fuq l-użu ta' materja prima relatata mal-manifattura ta' prodotti ta' l-ikel u x-xorb. Wieħed mill-iskopijiet ta' dawn iż-żewġ miżuri kienu fic-ċirkostanza li t-tariffi ta' l-UE imsemmija hawn fuq għadhom fis-seħħ, jibqa' illi ma titnaqqasx il-kompetittivita' ta' l-intrapriżi Maltin li jagħmlu użu minn dawn il-prodotti, fosthom l-intrapriżi fis-settur tat-turiżmu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol fil-lokalita' ta' Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Marsa, Sta. Luċija u l-Gudja u kemm għandhom eta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema gazzetti jitqassmu kuljum fil-wards tar-residenza ta' San Vinċenz de Paule u fid-djar ta' l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul il-ġimgħa fir-Residenza San Vinċenz de Paule jitqassmu l-gażżetti n-Nazzjoni u l-Oriżżont filwaqt li l-Ħadd jitqassmu l-Mument, it-Torċa u l-Kulħadd.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ilmenti li rċeva l-ministeru jew id-dipartiment konċernat dwar il-kwota tat-tjur lokali? Meta u x'passi ħa? Kemm minnhom tressqu mill-koperattiva tat-tjur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill Onor. Interpellant li ma teżisthix kwota tat-tjur lokali. Il-kontroll li jsir fid-distribuzzjoni tal-flieles huwa relatat mal- kapacita tar-razzett. Kull ilment li jista jinqala’ għal xi raġuni ta’ xi upgrading jiġi investigat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2365, jista' il-Ministru jinformani għaliex is-segretarju permanenti approva sussidju ta' madwar 700 tunnellata ta' tadam ta' l-ipproċessar meta ma kellux form 'A'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kont tajt fis-seduta Nru. 51 għall-mistoqsijiet parlamentari Nru. 2361 u 2362, waqt li nikkonferma li s-Segretarju Permanenti m’ approva l-ebda ħlas ta’ sussidju fuq tadam għall-ipproċessar qabel ma kien sodisfatt, permezz ta’ ċertifikazzjoni minn awturi mqabbdin apposta, li dan il-ħlas kien korrett u dovut.
Bdiewa/raħħala — Sussidju mill-UE/mill-Gvern Malti
Question
B'riferenza għas-sussidji li l-Prim Ministru ħabbar nhar id-9 ta' Novembru waqt attivita' fil-Pitkalija Ċentrali li se jingħataw lill-bdiewa, raħħala u l-agro-industrija, jista' jagħti breakdown ta' dawn is-sussidji, settur settur, u kemm minnhom se jkunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u kemm mill-Gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata l-istudenta li waqgħet mill-vann fi Triq Reġjonali ftit ġimgħat ilu biex tegħleb it-trawma li għaddiet minnha? X'passi qed jittieħdu biex jiġu evitati inċidenti simili fit-trasport pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dan il-każ beda jsir xogħol mill-Counsellor u l-Guidance Teachers mill-għada stess. L-istudenti tkellmu u ngħataw l-għajnuna psikoloġika. Studenti individwali li kellhom aktar bżonn minn ħaddieħor ġew megħjjuna aktar minn darba. Il-Counsellor żaret ukoll lill-istudenta mweġġa' fl-isptar.
Huwa importanti ħafna li l-ewwel prijorita' f'dan il-mument jingħata lis-saħħa tat-tifla. Issa li t-tifla qed tirkupra u ħarġet mill-isptar wieħed jista' jibda joffri s-servizzi psikoloġiċi u dawk ta' sapport emozzjonali meħtieġa. Infatti, diġa' ngħataw istruzzjonijiet biex education social worker tibda tagħmel home visits u tibda tagħmel 'assessment' tal-bżonnijiet tat-tifla. Barra minn hekk saru arranġamenti biex l-istudenta tingħata appoġġ edukattiv f'darha stess (Peripatetic Teacher). Meta t-tifla terġa lura lejn l-iskola l-counsellor ta' l-iskola tibda tara lit-tifla regolarment. Jekk din ta' l-aħħar tara li jkun hemm bżonn għajnuna aktar speċjalizzata ta' psikologu, din tirreferi l-każ għand il-professjonisti l-akatr indikati.
Saru kuntatti bejn id-Diviżjoni u l-Awtorita' tat-Trasport biex tiżdied s-sorveljanza fuq it-trasport meta jkun fit-toroq. L-iskejjel qed jissorveljaw b'aktar impenn biex ma jivjaġġawx bilwieqfa u li t-trips ordnati qed jiġu l-iskola.