Legislature:
Category:
Reset
Active:

Organizzazzjonijiet volontarji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li huwa ppjanat li jiġu mogħtija appoġġ mill-fondi vvotati fil-Budget għas-sena 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-bidu ta’ kull sena jinħatar Kumitat apposta biex jagħtini parir dwar l-allokazzjoni tal-fondi provduti fl-Estimi Ġenerali għall-organiżżazzjonijiet volontarji wara li jikkunsidra l-project documents sottomessi minn dawn l-organiżżazzjonijiet. Għalhekk għadu kmieni biex wieħed jgħid liema huma l-organiżżazzjonijiet li ser jirċievu flus mill-fondi vvutati għas-sena d-dieħla.

EU Pre-accession programmes

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu l-EU Pre-Accession Programmes fis-sena 2002 u fis-sena 2003 u x'se jkunu għas-sena 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proġett taħt il-programmi ndikati mill-Onor. Interpellanti matul l-2002 u l-2003 li jikkonċerna l-Ministeru għall-Politika Soċjali kien jirrigwarda l-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol u kien jinkludi twinning project ma’ l-Awtoritajiet dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol Ingliżi u Irlandiżi, li ġie konkluż f’Jannar li għadda. Matul is-sena d-dieħla mistenni jitkompla l-proġett ta’ tisħieħ tal-kapaċitajiet ta’ l-Awtorita’ kif ukoll jinbdew żewġ proġetti oħra. Wieħed biex ittejjeb il-kapaċita’ amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-programm EQUAL u l-ieħor biex jibni l-kapaċita’ amministrattiva u teknika tal-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Abbuż mid-Drogi, Alkoħol u Dipendenzi Oħra biex din tkun tista’ tipparteċipa b’mod attiv u effettiv bħala l-focal point nazzjonali fil-European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction (EMCDDA).

Vot ESF Equal Programme

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega x'inhuma l-programmi u l-inizjattivi li jaqgħu taħt il-Vot ESF Equal Programme u li ġie vvotat Lm71,000 għas-sena 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-vot li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti hu ntiż biex ikopri l-finanzjament tal-programm ta’ l-Unjoni Ewropea msejjaħ ‘EQUAL’ għas-sena d-dieħla. Dan il-programm hu maħsub biex, b’ideat u proġetti nnovattivi, jiġġieled id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza fil-qasam tax-xogħol. L-EQUAL ilaqqa’ flimkien nies u organiżżazzjonijiet, kemm lokali kif ukoll barranin. Dan il-programm jestendi fuq perjodu ta’ tlett snin u ser ikun iffinanzjat 75 fil-mija mill-Unjoni Ewropea u 25 fil-mija mill-Gvern Malti. Il-proġetti li ser jagħmlu parti minn dan il-programm għadhom qegħdin jiġu mħejjija u aktar ‘il quddiem ser ssir konsultazzjoni dwarhom ma’ dawk interessati foshom mas-sħab soċjali.

Refugee fund

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex jikkonsisti r-Refugee Fund?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għall-allokazzjoni ndikata bħala ‘Refugee Fund’ li tidher taħt il-Vot tal-Ministeru għall-Politika Soċjali fl-Estimi għas-sena d-dieħla, din l-allokazzjoni hi ntiża biex tagħmel tajjeb għal spejjeż dwar persuni li jitolbu status ta’ refuġjati meta dawn ma jkunux f’ċentru ta’ detenzjoni.

Child care centre

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex intnefqu l-Lm100,000 li s-sena li għaddiet kienu ġew ivvotati għal support lil ġenituri fuq l-ispejjeż ta' child care centre?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bl-awtoriżżazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi dan il-bilanċ ġie trasferit għal voti oħra taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali, fosthom l-Aġenzija Appoġġ u s-Supported Living.

Ħal Tarxien — Triq Alfier de Medran - social housing project

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet li kien hemm għal social housing project fi Triq Alfier de Medran, f'Ħal Tarxien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għad trid tittieħed deċiżjoni dwar l-iżvilupp indikat mill-Onor. Interpellant wara li l-applikazzjoni relatata ma’ dan l-iżvilupp, li ġiet sottomessa lill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ġiet rifjutata.

SVPR — Ikel tal-pazjenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2898 u cioe kemm tiswa ikla kuljum fir-residenza San Vinċenz de Paule għal kull anzjan/a?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ikel, inkluż breakfast, ikla f’nofsinhar u oħra filgħaxija, għal kull persuna residenti f’San Vinċenz de Paule jiswa madwar Lm2.13 kuljum.

MEPA — Applikazzjoni għall-iżvilupp

Question

Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji applikazzjoni għall-iżvilupp tingħata status ta' priorita' fl-ipproċessar tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li din is-sistema ma' għadiex tintuza minħabba li ġie stabbilit il-Major Projects Team li jikkonsidra l-proġetti tal-Gvern u proġetti kbar mis-settur privat.

Linji ta' l-ajru Ewropej

Question

Fid-dawl tal-fatt li nhar it-12.06.03 il-kummissarju Ewropew Frits Bolkestein kiteb lis-segretarju Amerikan għall-Homeland security fejn esprima id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw linji ta' l-ajru Ewropej biex jiġu konformi mal-ħtieġijiet Amerikani dwar tagħrif konness ma' PNR data sabiex jiġu megħluba possibbiltajiet ta' theddid għall-qasam ta' l-avjazzjoni, fejn sussegwentement il-kummissarju Ewropew esprima l-fehma li hemm dubji kbar jekk dan il-qafas Amerikan imurx kontra l-ħtieġijiet legali Ewropej ta' ħarsien adegwat tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari artiklu 15 tad-direttiva Ewropea dwar data protection, kif ukoll artiklu 8 tal-EU charter of fundamental rights, jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti għandux jew ħax pożizzjoni dwar din l-issue għalkemm din sal-lum torbot lill-pajjiżi membri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-ħtiġijiet Amerikani dwar tagħrif koness ma' PNR data hija l-istess bħal dik meħuda mill-Kummissjoni Ewropeja, jiġifieri illi dan it-tagħrif għandu jkun konformi ma' l-liġijiet tad-data protection ta' l-EU.

Marsa — Kunsill lokali

Question

Jista' il-Ministru jara jekk jistax jgħin lill-kunsill lokali tal-Marsa għar-rigward ta' l-uffiċini amministrattivi minħabba li għal diversi drabi l-kunsill ġie miżmum mill-MEPA milli jiżviluppa uffiċini ġodda li jkunu addattati għal persuni b'diżabilita' u għal anzjani u anke biex issir librerija pubblika fil-lokalita' peress li m'hemmx?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern huwa lest, permezz tal-proċess ta` devoluzzjoni, igħin lill-Kunsilli Lokali biex jieħdu proprjeta` pubblika biex jamministrawha għal skopijiet ta` fejda fil-lokal skond u fil-mod stabbilit fid-domanda parlamentari nru. 2115. Nistiednu għalhekk li l-Kunsill Lokali Marsa jsegwi din il-proċedura għall-skopijiet indikati mill-Onorevoli Interpellant. Naturalment kull żvilupp irid ikun kopert mill-permessi kollha ta` l-awtoritajiet kompetenti.
Leg 10 PQ #3154 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2989 u cioe' kemm hemm nies jistennew biex issirilhom operazzjoni fl-isptar San Luqa, qasam b'qasam u kemm hu l-iżjed li ilhom jistennew f'kull każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra peress li tirrikjedi ammont sostanzjali ta ġbir ta' informazjoni.
Leg 10 PQ #3155 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti sekondarji — Studji Ewropej

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3014 u cioe' kemm hemm studenti sekondarji fis-settur statali li qed jistudjaw l-istudji Ewropej? Kemm hemm għalliema magħhom? Hemm xi ħjiel jekk hux se jiżdiedu l-istudenti li jidħlu għal dan is-suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li in-numru ta' studenti sekondarji fis-settur statali li qed jistudjaw l-Istudji Ewropej huwa ta' 341. In-numru ta' għalliema magħhom huwa ta' 14. Dawn l-għalliema ma jgħallmux biss dan is-suġġett. L-għażla hi dejjem f'idejn l-istudenti li jistgħu jiġu mħajjra biex jagħżlu suġġett, iżda dan ma jiġix impost.

Ajruplani tal-gwerra

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3025 u cioe' kemm waqfu ajruplani tal-gwerra f'Malta matul din is-sena u f'kull każ minn liema pajjiżi ġew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-lista ta' ajruplani militari skond in-nazzjonalita' tagħhom li niżlu f'Malta minn Jannar sa l-aħħar ta' Novembru ta' din is-sena hija kif ġej:- Ajruplani militari li niżlu Malta skond in-nazzjonalita' minn Jannar sa Novembru 2003 Belġju 2, Repubblika Ċeka 1, Franża 20, Ġermanja 8, Italja 37, Kuwajt 1, Libya 40, Nato 1, Portugall 1, Spanja 3, Svizzera 1, Tuneżija 1, Renju Unit 21, Stati Uniti ta' l-Amerika 90.

Marsa — Area tal-Menqa

Question

Jista' il-Ministru jara li l-area tal-Menqa fil-Marsa u l-akkwati tiġi mnaddfa u mibdula peress li ilha għal dawn l-aħħar snin fi stat ta' telqa u abbandun?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dak li huwa tindif, dan ser isir. Dwar is-suġġeriment biex l-akkwati jiġu mibdula, nitlob lill-Onor. Membru jkun iżjed speċifiku.
Leg 10 PQ #3160 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mosta — Bini ta' skola ġdida

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3070, jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni ż-żewġ proposti li saru għal bini ta' skola ġdida fil-Mosta ġew skartati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li peress li l-iskwalifika taż-żewġ proposti ma kienetx deċiżjoni ta' l-FTS iżda tad-Dipartiment tal-Kuntratti, il-Mistoqsija għandha issir lill-Ministru konċernat.

Certificate of dual citizenship

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jagħti wkoll l-awtorita' lill-Malta High Commissions u Ambaxxati ta' Malta biex dawn ikunu jistgħu joħorġu certificate of dual citizenship fl-istess waqt li joħorġu passaport Malti, sabiex iċ-ċittadini Maltin li ma joqogħdux Malta ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jippreżentaw id-dokumenti kollha neċessarji jekk u meta jkollhom bżonn l-għajnuna tal-pulizija u entitajiet oħra f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1526, inżid ngħidlu li m`hemmx il-ħsieb li l-awtorita` li qed jirreferi għaliha tiġi estiża lill-Ambaxxati jew Kummissjonijiet Għolja li hemm barra minn Malta.

Proġett tal-Katidral ta' Għawdex

Question

B'riferenza għall-proġett propost mill-Katidral ta' Għawdex u fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni għar-refusal ta' l-applikazzjoni ppreżentata fid-development permit application (DPA) report, jaħseb il-Ministru li din ir-rakkomandazzjoni tikkontradixxi l-ġudizzju tal-heritage advisory committee (HAC) li bla ebda ekwivoku stqarr li: "following a site inspection, the Committee is of the opinion that there is no objection from a heritage point of view on condition that any excavations are monitored by an archaeologist"? Jekk hu tal-fehma li l-ġudizzju tal-HAC iwaqqa' d-DPA report, x'passi se jieħu l-Ministru f'dan ir-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Membru mitlub jinnota li l-Ministeru ma jiddeterminax x' deċiżjonijiet tieħu l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fuq applikazzjonijiet ta' żvilupp u għaldaqstant l-Ministeru ma jista’ jieħu l-ebda passi. Ta' min jinnota ukoll lill-Onor. Membru li mhux neċessarjament li d-Direttorat tal-Ippjanar jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal- Heritage Advisory Committee (HAC), peress li d-Direttorat irid jieħu wkoll konjizzjoni tal-fatturi kollha. Fl-aħħarnett ta’ min jinnota li l-Onor. Parnis ikkwota parti biss mir-rakkomandazzjoni ta’ l-Heritage Advisory Committee (HAC).
Leg 10 PQ #3163 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Każ dwar mature student

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex intgħażel bħala mature student il-persuna li isimha qed jidher separatament? Japprezza l-Ministru li l-persuna ndikata għaddejja proċeduri gravanti l-qorti rigward spaċċar tad-droga eroina? Jidhirlu li anke in vista ta' risposti preċedenti għal domandi relattivi dwar dan is-suġġett, il-gvern għandu jistabilixxi kriterji aktar eżawrjenti f'dan ir-rigward?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li fl-Universita' anke persuni sentenzjati ġieli jkun hemm bħala studenti u għaldaqstant ma nħossx li persuna li tissodisfa il-kriterji ta' student matur li kapaċi jsegwi l-istudji tal-kors konċernat kellu jiġi rifjutat sempliċiment minħabba proċeduri li għadhom sub indice. Il-Gvern ma jistax jindaħal fi kwestjonijet li huma ta' natura purament akkademika.