Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karnival 2004 — Mużika għaż-żfin u l-isfilata tal-karnival

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tittieħed id-deċiżjoni finali dwar liema kumpannija għandha tipprovdi l-mużika ta' background għaż-żfin u sfilata tal-karrijiet għall-Karnival 2004?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-kumpanija li ġiet fdata biex tipprovdi mużika tal-background għaż-żfin u sfilata tal-karrijiet għall-Karnival 2004 hija Freetime Productions Company Limited.

Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Vettura li tintuża għax-xogħol ministerjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-karozza li juża għax-xogħol ministerjali tiegħu hijiex mixtrija jew mikrija? Jekk hi mikrija, b'liema rata kuljum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant lil-karozza li nuża għax-xogħol ministerjali tiegħi hija l-istess waħda li kont nuża meta kont għadni Segretarju Parlamentari fil-leġislatura l-oħra. Din il-karozza hija propjeta' tal-Gvern.

Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta x'karozzi jintużaw mill-ministeru għax-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-ministeru tiegħi juża karozza tas-Segretarjat li hija propjeta' tal-Gvern kif ukoll karozzi mikrija għall-użu ta' dawk l-uffiċċjali li huma ntitolati għalihom. Dawn il-karozzi mikrija jinkludu dik il-karozza li hija mikrija għall-użu personali tiegħi. Uffiċċjali li kienu għażlu li jieħdu allowance għall-użu tal-karozza personali tagħhom kif provdut fil-kuntratt rispettiv jużaw ukoll il-karozza personali tagħhom skond il-ħtieġa.

Ministeru tal-Finanzi — Vetturi li jagħmlu użu minnhom is-segretarji parlamentari

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-karozzi li jużaw is-segretarji parlamentari fil-ministeru humiex mixtrija jew mikrija? Fil-każ li huma mikrija, b'liema rata jinkrew kuljum?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Edwin Vassallo juża karozza mixtrija tat-tip BMW 528 filwaqt li s-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Tony Abela juża karozza tat-tip Peugeot 607 li hija leased bir-rata ta’ Lm19.09 kuljum.

Segretarji parlamentari — Vetturi li jintużaw għax-xogħol tagħhom

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista tal-karozzi li jintużaw mis-segretarji parlamentari għax-xogħol?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Edwin Vassallo jagħmel użu minn karozza tat-tip BMW 528 filwaqt li s-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Tony Abela jagħmel użu minn karozza Peugeot 607.

Lukandi — Ħaddiema

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex jitħarsu ħaddiema f'lukandi fejn m'hemmx unions li ilhom ix-xhur ma jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ispetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impieg jagħmlu spezzjonijiet regolarment fuq postijiet tax-xogħol biex jivverifikaw li jkun qed jiġu osservati l-provedimenti tal-liġi dwar l-Impieg u r-Relazzjonijiet Industrijali. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ speċifiku ta’ ħaddiema li ilhom ma jitħallsu, nitolbu jgħaddili din l-informazzjoni, anki b’mod kunfidenzjali, biex id-Dipartiment imsemmi jkun jista’ jinvestiga.

Korp tal-pulizija — Membri li qed isegwu korsijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li qed isegwu korsijiet l-Universita'? Tenendo kont l-ammont konsiderevoli ta' gradwati fil-liġi fl-istess korp, jaħseb li huwa opportun li fl-aħħar jiġi stabilit il-prosecuting unit li kien ġie propost?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 9 membri sponsorjati mill-Korp tal-Pulizija li qed isgwu korsijiet full time l-Universita`. Ma` dawn hemm ukoll 25 Uffiċjal Kadetti li qed isegwu kors ta` sena, filwaqt li hemm ukoll 15-il membru ieħor tal-Korp li qed isegwu korsijiet part time. Infurmat ukoll illi għalkemm il-Korp tal-Pulizija għandu 9 membri li huma gradwati fil-liġi (2 avukati, 5 prokuraturi legali u 2 nutara), hemm membru wieħed biss (prokuratur legali) li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Korp. Dan il-membru preżentement qed imexxi l-legal office tal-Korp, u minbarra li jagħti parir legali lill-kollegi tiegħu, qiegħed ukoll jassistihom fil-Qorti meta jkun hemm il-bżonn. L-oħrajn jew qed ikomplu bl-istudji tagħhom sabiex jiggradwaw bħal avukati, jew qed isegwu l-kors ta` Uffiċjali Kadetti. Wara li dawn ilestu l-istudji tagħhom, il-Korp tal-Pulizija jkun jista` jerga` jikkonsidra l-proposta dwar it-twaqqif tal-Prosecutions Unit.

Nies appuntati fil-marketing division

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw mill-Bank of Valletta plc biex ġew appuntati nies fil-marketing division li ġiet kreata riċentement, senjatament fil-corporate marketing division, fil-business integration division u fil-functional marketing unit? Fuq liema bażi se jsir l-eżerċizzju ta' regrading li għandu jsir? Min kienu l-membri tal-panel li għażlu l-persuni konċernati?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nifhem li l-Onor. Interpellant għamel id-domanda biex jaqdi d-dmir tiegħu ta' Membru Parlamentari, nitlob lil-Onor Interpellant jifhem li l-Bank of Valletta plc mhux Dipartiment tal-Gvern, izda kumpanija kkwotata fuq l-Stock Exchange. Konsegwentament, dan it-tip ta' informazzjoni hi minn natura taghha privata u mhux kompitu li tigi mistħarġa minn dan il- Parlament.

Ħamrun — Triq it-Tram - Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta saret is-sistema tad-drenaġġ fi Triq it-Tram, fil-Ħamrun? Jista' jgħid jekk dan ix-xogħol sarx minn kuntrattur? Kien hemm xi rregolaritajiet jew illegalitajiet f'dik li hija distanza ta' bejn il-manholes?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li s-sistema tad-drenaġġ fi Triq it-Tram, Hamrun saret lejn l-aħħar tat-tmeninijiet. Dan ix-xogħol aktarx sar minn kuntrattur b'tender mad-Dipartiment tad-Drenaġġ. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma m'għandhiex informazzjoni li saret xi rregolarita' jew illegalita' jew li kienu saru xi lmenti lid-Dipartiment tad-Drenaġġ minn dak iż-żmien 'l hawn.

Aġenzija Appoġġ — Għajnuna lil nies bi problemi ta' separazzjoni

Question

Jidhirlu l-Ministru li mhux sew li l-aġenzija Appoġġ tidderiġi nies fi kwestjonijiet ta' separazzjonijiet għal xogħol privat lill-avukat tagħha? Jidhirlu l-Ministru li jekk il-liġi tal-familja tgħaddi kif proposta barra li nkunu qed inreġġgħu l-arloġġ lura sekli, dan l-abbuż jista' jiżdied? Xi provvedimenti beħsiebu jieħu biex jassigura li dan ma jseħħx? Ma jidhirlux il-Ministru li għandu jorbot lill-avukati ta' l-appoġġ jew id-ditti ta' fejn jaħdmu li me jieħdux xogħol privat f'dan il-qasam?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Aġenzija Appoġġ qatt ma tirreferi klijenti għal xogħol privat għand xi avukati speċifiċi wisq anqas għand l-avukati tagħha, iżda tħalli dan il-ġudizzju strettament f’idejn il-klijent. Ninsab infurmat ukoll li l-avukati li jagħmlu xogħol ta’ l-Aġenzija qatt ma jkunu nvoluti f’xogħol privat relatat mal-qasam ta’ ħidma soċjali li tipprovdi l-istess Aġenzija.

WSC — Servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li d-WSC qed timxi b'mod pjuttost arroganti meta tiddeċiedi li taqta' id-dawl u l-ilma, anke meta jkun hemm kontestazzjonijiet serji fuq il-kontijiet? Fil-każ li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, jekk il-korporazzjoni ssostni l-pretensjonijiet tagħha, dan m'għandhiex tagħmlu permezz ta' proċeduri idonei fil-qorti?

Response (GATT, AUSTIN)

Normalment meta xi konsumatur jaqa lura fil-ħlasijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma titlob lill-Korporazzjoni Enemalta biex tissospendi s-servizz ta' l-elettriku tal-konsumatur. Rari jsir qtugħ tas-servizz ta' l-ilma u meta dan isir, ikun hemm ċirkostanzi oħra minbarra dik diġa' msemmija. Fil-każ partikolari li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-konsumatur qed jinsisti li kien għamel ħlas li fil-fatt ma jirriżultax li għamlu. Kontra dak li implika l-Onor. Interpellant il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għadha ma ddeċiditx li taqta' d-dawl u l-ilma tal-konsumatur iżda sempliċiment wissietu bil-miktub li jekk se jibqa ma jirregolax il-posizzjoni tiegħu, 'jittieħdu passi ulterjuri skond il-liġi foshom il-qtugħ tas-servizzi tad-dawl u l-ilma'. Hi prerogattiva tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li tagħżel l-aktar triq konvenjenti għaliha biex tirkupra flus dovuti lilha. Rigward proċeduri fil-Qorti, ma naħsibx li jagħmel sens peress li hemm proċeduri oħra amministrattivi li jistgħu jittieħdu.

Appartamenti tal-gvern — Ħlas ta' kera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex tħallas il-kera ġusta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi lill-persuna kkonċernata fis-sezzjoni tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Ta' Xbiex — Appartament tal-gvern - Stallazzjoni ta' lift

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-lift fi block C2, Qasam tal-bini tal-gvern, Ta' Xbiex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-lift biex jiġi nstallat fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant ġie ordnat u fil-5 ta’ Novembru 2003 nħarġet l-ordni biex jinbeda x-xogħol.

Sigurta' Soċjali — Persuna li sofriet minn inċident

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-każ tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jiġi nvestigat mill-injury board peress li din il-persuna żviluppat ħsara fix-xewka ta' daharha wara inċident u xogħol repetittiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Persuna b'diżabilita' — Reserved parking

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir reserved parking quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-persuna in kwestjoni, li għandha blue sticker, ma tistax timxi fit-tul u żewġha wkoll huwa marid serjament??

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li ismu qed jintbagħat separatament, u li għandha inqas minn Lm6,000 il-bank u hija miżżewġa u qed tistenna tarbija, mhux qed tingħata relief u lanqas għajnuna tal-mard, meta din ma taħdimx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Leg 10 PQ #2774 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistru Elettorali — Trasferiment ta' indirizzi minn Malta għal Għawdex

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk tinżammx statistika ta' kemm persuni mill-1992 sal-lum ittrasferixxew ir-reġistrazzjoni tagħhom fuq ir-Reġistru Elettorali minn xi indirizz f'Malta għal xi indirizz f'Għawdex? Jista' jagħti l-informazzjoni reġistru b'reġistru u jekk hu possibbli, jindika l-ID number ta' kull persuna kif ukoll l-indirizz jew il-lokalita' fejn kien reġistrat Malta u dak li għandu llum f'Għawdex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

In-numru ta’ persuni li ttrasferixxew ir-reġistrazzjoni tagħhom minn Malta għal Għawdex fuq ir-Reġistru Elettorali mill-1992 sar-Reġistru ta’ Ottubru ta’ din is-sena huwa ta’ 2,851. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni maqsuma reġistru b’reġistru ta’ persuni li trasferixxew ir-reġistrazzjoni minn Malta għal Għawdex u ta’ persuni li trasferixxew ir-reġistrazzjoni minn Għawdex għal Malta. L-informazzjoni miltuba fit-tieni parti tal-mistoqsija ma tistax tingħata.
Leg 10 PQ #2791 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior College — Sejba ta' siringi

Question

Jikkonferma l-Ministru li nstabu siringi fil-Junior College jew fil-viċinanzi? Jekk iva, jista’ jgħid x’passi ttieħdu ħalli jitbiegħed dan il-periklu u jekk sarx rapport lill-pulizija dwar dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Pulizija qed tibgħat regolarment patrols bil-lejl u matul il-jum biex timmoniterja aħjar is-sitwazzjoni. S'issa l-indikazzjonijiet kollha juru li l-abbużi qed isiru bil-lejl u mhux fil-ħin meta l-Kulleġġ ikun miftuħ għall-istudenti.
Leg 10 PQ #2792 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Makna ta' l-MRI

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se tissewwa l-MRI ta’ l-isptar San Luqa minħabba li tinsab bil-ħsara? X’inhi r-raġuni ta’ dan id-dewmien sabiex tissewwa din il-makna, b’konsegwenza li qed ibatu l-pazjenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-makna ta' l-MRI mhiex bil-ħsara.