Fleur-de-Lys — Skola Vinċenzo Buġeja - xogħol ta' ħadid
Question
Jista’ il-Ministru jgħid jekk xogħol ta’ ħadid li sar ftit taż-żmien ilu fl-iskola Vincenzo Bugeja ġewwa Fleur-de-Lys ġiex maqlugħ u minflok sar alumunium? Jista’ jgħid kemm ġiet tiswa din l-ispiża u għalfejn inħass il-bżonn li wara ftit taż-żmien isir dan ix-xogħol flimkien ma’ xogħol ieħor konsegwenzjali għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan it-tibdil sar għaliex it-twieqi kienu fi stat diżastruż u numru kbir minnhom ma kienux jingħalqu. Il-ħġieġ ġie mibdul f'laminated glass. Twieqi li kienu baxxi li setgħu kienu ta' periklu għat-tfal ġew irranġati. L-ispiża involuta kienet ta' Lm 7,865.00.
Jista’ il-Ministru jgħid x'xogħol tagħmel il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, fil-ministeru jew fid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-persuna indikata ġiet impjegata fil-grad ta' 'Legal Officer' fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni wara sejħa għall-applikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta' Frar 2003, b'seħħ mill-14 ta' Awissu 2003.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2168, jista’ l-Ministru jgħid mill-4,656 vettura li m'għaddewx mill-VRT din is-sena, kemm għaddew fit-test ta' wara u kemm hemm li għalkemm għamluh aktar minn darba għadhom ma għaddewx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn 4656 vettura li sarilhom il-VRT għal aktar minn darba, vettura waħda biss m'għaddietx mit-test.
Ta' min jinnota iżda, li oriġinarjament kien hemm 4946 vettura li m'għaddietx mill-ewwel test, li minnhom 290 vettura baqgħu iċċertifikati bħala 'failed' għaliex ma reġgħux itellgħu għat-test.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2166, jista’ il-Ministru jgħid kemm-il liċenzja ma ġietx imġedda mis-sidien din is-sena? Kemm-il liċenzja ma ġietx imġedda fl-2000, fl-2001 u fl-2002?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant rigward sidien li ma ġeddewx il-liċenzja tat-triq hija kif ġej:
Sena 2000 2,975 vetturi
Sena 2001 3,029 vetturi
Sena 2002 4,396 vetturi
L-informazzjoni għal din is-sena għadha mhix kompluta peress li jkun hemm sidien li jħallsu l-liċenzja wara d-data ta' l-għeluq.
Jista’ il-Ministru jgħid meta vettura tiġi skrappjata mis-sidien dawn iridux jinfurmaw lill-pulizija? Jekk iva, kemm-il waħda giet skrappjata fl-2000, fl-2001, fl-2002 u din is-sena s'issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta vettura tiġi skrappjata, is-sid ma għandux għalfejn jinforma lill-Pulizija iżda għandu japplika d-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet fi ħdan l-Awtorita' dwar it-Trasport.
L-informazzjoni mitluba dwar vetturi li ġewskrappjati mis-sena 2000 sa Settembru 2003 hija kif ġej:
Sena 2000 4,180
Sena 2001 2,805
Sena 2002 2,621
Jannar sa Settembru 2003 1,939
Skejjel — Tfal li ħarġu mill-iskola qabel is-16-il sena
Question
Jista’ il-Ministru jgħid s'issa f'din is-sena skolastika, kemm kien hemm ġenituri li talbu biex it-tfal tagħhom jitilqu mill-iskola qabel m'għalqu s-16–il sena? Kemm kienu subien u kemm bniet? X'kienu r-raġunijiet prinċipali? Kemm ingħataw permess biex jitilqu mill-iskola fl-2000, fl-2001 u fl-2002 separatament u kemm kienu subien u bniet f’kull sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sena skolastika 2003-2004 in-numru ta' applikazzjonijiet biex studenti jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16-il sena huwa hekk:
Subien: 16
Bniet: 12
Ir-raġunijiet prinċipali kienu għal xogħol u għal raġunijiet umanitarji.
In-numru ta' permessi li ngħataw biex studenti jitilqu mill-iskola fl-2000, 2001 u 2002 kien kif jidher hawn taħt:
Sena Subien Bniet
2000 573 737
2001 602 697
2002 559 518
Jista' il-Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Waqt il-leġislatura preżenti s'issa ma nħatar ebda Bord kif indikat mill-Onor Interpellant.
Jista' il-Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista tal-bordijiet li twaqqfu minn April 2003 sal-lum. Dawn il-bordijiet jiltaqgħu regolarment biex iwettqu x-xogħol li twaqqfu għalih.
Jista' il-Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (BORG, TONIO)
Ma nħatrux bordijiet ġodda fid-Dekasteru tiegħi minn April 2003 sal-lum.
Jista' il-Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għattweġiba mogħtija għallMistoqsija numru 1763.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-Bordijiet li nħatru mid-data ndikata li jaqgħu taħt id-Dekasteru tiegħi kif ukoll meta twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu sat-tielet gimgħa ta’ Novembru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar tal-palm mill-kumpannija fil-government private partnership li qed taħdem bħalissa biex issebbaħ roundabouts, eċċ.? Kemm inxtraw minn dawn il-palm? Kemm swew kull waħda? Inxtraw iktar palm wara sejħa għal tender? Kemm se jiswa l-proġett li qed isir mar-roundabout fejn qabel kien hemm it-tankijiet tal-gass ġewwa Regional Road?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li
1. Sa l-aħħar t' Ottubru ġew iċċertifikati diversi palm skond il-kuntratt.
Phoenix dactyliferia 55
Phoenix canariensis 36
Washingtonia robusta 29
Cycas revoluta 11
Chamaerops humilis multistem 41
Chamaerops humilis 97
Pinus Halepensis 11
2. Il-palm kollha hawn fuq imsemmija inxtraw, u ġew ipprovduti mill-Environmental Landscapes Consortium Ltd. skond il-kuntratt.
3. Kif jidher hawn fuq, il-palm jinkludi diversi varjetajiet u l-prezz ivarja mhux biss skond il-varjeta, imma anke skond l-għoli u l-qies tal-qasrija' (pot size). Fil-kuntratt dawn il-prezzijiet ivarjaw bejn Lm30 u Lm900.
4. Il-palm kollu inxtara skond il-kuntratt mingħajr il-bżonn ta' ebda tenders.
5. Dan il-proġett huwa stmat li ser jiswa madwar Lm18,000, u din l-ispiża tifforma parti mill-kuntratt ta’ proġetti li kien stabbilit bejn il-Gvern u l-Konsorzju.
Jista' il-Ministru jgħid kemms saru operazzjonijiet u kemm saru testijiet fil-privat fuq pazjenti riferuti mill-konsulenti tal-gvern? X'kienu dawn u kemm swew lill-gvern din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Din is-sena saru b'kollox sitta u għoxrin test fil-privat fuq pazjenti riferuti mill-konsulenti tal-gvern li minnhom ħamsa u għoxrin kienu MRI Scans u wieħed CT Scan.
S'issa tħallsu Lm928 ta' żewġ MRI Scans u wieħed CT Scan.
It-tlieta u għoxrin l-oħra saru kollha dan ix-xahar kemm ilha wieqfa għall-upgrading l-MRI Scanner u kontijiet għadna ma rċevejniex.
Billi waqt programm "Xarabank" persuna prominenti għamlet mossa oxxena meta din kienet fuq hekk imsejħa btala fit-Tuneżija, jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' tax-xandir ħaditx passi dwar dan kontra l-produtturi tal-programm?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ċ-“Chief Executive” ta’ l-Awtorità tax-Xandir eżamina l-erba’ programmi ta’ “Xarabank” li ġew iffilmjati fit-Tuneżija. Jirriżulta illi kien hemm mossa li setgħet ikkwalifikat bħala oxxena waqt il-programm tal-31 t’Ottubru 2003 iżda peress li x-xena in kwistjoni ġiet “edited” mill-istazzjon billi ġiet mgħottija l-parti offensiva, jista’ jingħad li ttieħdu l-miżuri neċessarji da parti ta’ l-istazzjon TVM biex dik ix-xena ma tidhirx meta ġiet imxandra.
Iċ-“Chief Executive” ikkunsidra wkoll illi tali xena dehret għall-ħabta ta’ 9.22pm, jiġifieri fil-ħin meta l-istazzjon ikun jista’ jxandar programmi li jkunu addattati għal udjenza matura u ladarba l-istazzjon għatta l-parti offensiva ma kienx hemm każ ta’ ksur ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Billi wieħed mill-programmi "Xarabank" kien fuq il-kliem ħażin, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-awtorita' tax-xandir ħaditx passi kontra l-producers ta' dan il-programm billi fih intqal ħafna kliem ħażin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fit-12 ta’ Novembru 2003, ic-“Chief Exective” ta’ l-Awtorità tax-Xandir ħareġ akkuża kontra PBS Ltd dwar il-programm “Xarabank” tas-7 ta’ Novembru 2003 skond l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u dan peress li dan il-programm allegatament jikser id-disposizzjonijiet ta’ l-Att dwar ix-Xandir li għandhom x’jaqsmu mad-deċenza u l-gosti tajbin. L-Awtorità għad trid tisma’ l-akkuża u d-difiża ta’ l-istazzjon qabel ma tiddeċiedi l-akkuża.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hawnx kumpanniji li llum qed jiġu megħjuna mill-gvern b'sussidji fuq dawl, ilma, kera, tax holidays, eċċ.? Jekk iva, liema huma u jekk dawn humiex se jieqfu wara l-ewwel ta' Mejju li ġej? F'liema kumpanniji se jieqfu dawn l-għajnuniet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm numru ta' kumpanniji tal-manifattura li jibbenefikaw mit-Tax Holiday u kumpanniji li joperaw minn fabbbrika tal-Gvern. Madanakollu, il-Korporazzjoni m'għandha l-ebda informazzjoni dwar kumpanniji li jibbenefikaw minn sussidji fuq dawl u ilma.
Dawk l-intrapriżi li jikkwalifikaw bħala intrapriżi ta' daqs zgħir jew medju jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mit-Tax Holiday anke wara l-1 ta Mejju 2004.
Għal dawk li jikkwalifikaw bħala intrapriżi kbar ġew introdotti inċentivi alternattivi b'seħħ minn din is-sena minnflok it-Tax holiday.
Il-fabbriki tal-Gvern kienu jinkrew b'rati stipulati mill-Liġi u għalkemm din il-kera tista' tidher irħisa meta komparata ma' dik ta' fabbriki mikrija mill-privat, ma jistax jingħad li fil-fatt jingħata sussidju fuq il-kera. Wara l-emendi ta' L-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju l-fabbriki bdew jinkrew b'rati li jirriflettu l-valur preżenti tal-fabbrika.
L-informazzjoni mitluba rigward min huma l-kumpanniji li jibbenefikaw mit-Tax Holiday u minn fabbrika tal-Gvern hija riservata skond Artiklu 33 ta‘ L-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju.
Jista' il-Prim Ministru jara jekk il-film li deher fuq Bondi Plus dwar is-sataniżmu huwiex ġenwin jew imtella' set up b'atturi, peress li wasluli ħafna rapporti li kien hekk? U jekk jirriżulta li kien set up, x'passi se jittieħdu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tax-Xandir m’għandha l-ebda informazzjoni jew ilment pendenti dwar dak li qed jingħad fid-domanda, għaldaqstant nitlob li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru għat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u Investiment.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti aktar tagħrif dwar il-ħidma tal-Foundation for social welfare services? Jista' jagħti breakdown ta' l-infiq ta' din il-fondazzjoni matul is-snin 2002 u 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Foundation for Social Welfare Services twaqqfet bl-iskop li tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ ħarsien soċjali. Fix-xogħol tagħha l-Fondazzjoni għandha tagħti mportanza primarja għal ħtiġijiet ta’ ħarsien soċjali tal-poplu Malti, u partikolarment għall-problemi ta’ l-abbuż mid-droga u l-alkoħol u problemi oħra dwar ħarsien soċjali. Il-Fondazzjoni għalhekk hi responsabbli li tipprovdi direzzjoni strateġika u sapport għal tlett aġenziji:
Aġenzija Appoġġ, l-aġenzija nazzjonali li tipprovdi programmi u servizzi ta’ ħarsien soċjali;
Aġenzija Sapport, li tipprovdi programmi u servizzi residenzjali u fil-komunita’ lil persuni b’diżabilita’; u
Aġenzija Sedqa, l-aġenzija nazzjonali kontra l-abbuż mid-droga, l-alkoħol u vizzji oħra.
Il-Fondazzjoni hi mmexxija minn bord ippresedut mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u ebda membru tal-bord, inkluż il-president, ma jirċievi remunerazzjoni għas-servizz fuq dan il-bord.
Ninsab infurmat li l-infieq tal-Fondazzjoni fl-2002 u l-2003 kien kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti breakdown ta' l-infiq li sar matul is-snin 2002 u 2003 mill-awtorita' għas-saħħa u s-sigurta' u kif inhu ppjanat li jintnefaq il-vot ta' Lm290,000 għas-sena 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u ser tkun parti mir-rapport annwali ta’ l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol li kopja tiegħu ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif jitlesta.