B'riferenza għas-Lm 7 miljun li l-Gvern ivvota fil-Budget sabiex jissussidja l-prezzijiet għoljin tal-prodotti ta' l-ikel li se jogħlew wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom se jmorru biex jissussidjaw l-1,500 tunnellata ta' "Other processed cheese(Kefoalo-tyri,) etc " skond " Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products"?
Jista il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-valur globali li se joħroġ il-Gvern Malti u kemm hu l-valur globali li se toħroġ l-EU sabiex ikun issussidjat il-prezz għoli ta' dan il-prodott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kif ġie kkalkolat li l-gvern se jdaħħal Lm3,120,000 mill-ħlasijiet għal depożitu ta' radam kif hemm f'line item 0334 tal-ministeru fil-budget għas-sena 2004?
Response (ZAMMIT, NINU)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-line item li semma jindika li d-dħul ta' Lm3,120,000 mhux ser jiġi biss mill-ħlasijiet għar-rimi ta' skart domestiku, industrijali u dak iġġenerat mill-industrija tal-bini, iżda wkoll mill-Eco Contribution li tħabbret fid-diskors tal-Budget, liema kontribuzzjoni tista' tkun ukoll forma ta' depożitu fuq il-containers.
Id-dettalji dwar l-Eco Contribution jitħabbru fiż-żmien opportun.
Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti u ta' liema istituzzjonijiet se tkopri s-somma ta' Lm7 miljun ivvotati bħala students' maintenance grant f'vot 5364 fil-budget 2004?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Għotjiet ta' Manteniment lill-istudenti jingħataw kif provdut fl-Avviż Legali 165 ta' l-1999 lil studenti li jattendu fl-Universita' u f'istituzzjonijiet Post-Sekondarji skedati.
F'Novembru li għadda kien hemm 5191 student universitarju intitolati għall-istipendju u 6442 oħra fil-livell Post-Sekondarju.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha
training executives
impjegati magħha l-ETC? Min huma? Xi kwalifiki għandhom separatament? X'inhuma r-responsabbiltajiet tagħhom? X'inhi l-iskala li tikkorrispondi mac-civil tas-salarji tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Fid-Diviżjoni tat-Taħriġ, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ timpjega 3 Senior Executives u 11 il-Executive.
Il-kwalifiki li għandhom kif ukoll ir-responsabbilitajiet tagħhom qed jidhru hawn taħt:
Il-kwalifiki ta’ 3 Senior Executives ivvarjaw minn Master Degree (MSc) Training and HRM, Diploma in Adult Education, Diploma in Personnel Management u Certificate in Training and Development.
Ir-responsabbilitajiet ta dawn jinkludu:
§ L-amministrazzjoni ta’ apprendistati
§ Regulation 13 & 14 tal-Business Promotion Act
§ Trade testing ta’ apprendisti u kif ukoll ta’ dawk li jixtieq li l-ħiliet tagħhom jiġu rikkonoxxuti (Certificate of Competence).
§ Traineeship Scheme
§ INT Scheme (Ibda Negozju Tieg[ek)
§ Small Business Management Programmes
§ One Day Computer Courses.
§ L-amministrazzjoni ta’ trade u non-trade (office related) short courses
§ NIFTE (Night Institute for Further Technical Education).
Is- salarju ta’ Senior Executives ivvarja bejn Lm 7,107 u Lm 7,507.
Fl-istess diviżjoni, il-Korporazzjoni timpjega 11 Executive.
Il-kwalifiki tal-5 training executives li qegħdin impjegati fis-sezzjoni ta’ apprendistat jinkludu fost oħrajn, Diploma in Management Studies, 1st Degree BA Youth and Community Studies, Diploma in Training & Development, Diploma in Sales Management and Marketing, Certificate in Training Practice, Diploma in Business Management/Administration, Journeyman’s Certificate, City and Guilds u Motor Vehicle Technician Part 3.
Ir-responsabbilitajiet ta' dawn jinkludu:
§ L-amministrazzjoni ta’ Regulation 13 & 14 tal-Business Promotion Act
§ Monitoring ta’ dawk li qegħdin fl-iskema ta’ ETPS
§ Monitoring, placements u trade testing ta’ apprendisti.
Il-Korporazzjoni timpjega 4 training executives fis-sezzjoni ta’ short courses, il-kwalifiki ta’ dawn jinkludu 1st Degree Theology & Human Studies, Diploma in Management Studies, Diploma in Industrial Electronics, Diploma in Public Administration, Journeyman’s Certificate u ċertifikati oħra.
Ir-responsabbilitajiet ta’ dawn jinkludu:
§ L-organizzazzjoni ta’ programmi fis-snajja u oħrajn relatati ma’ xogħol klerikali, programmi f’ħiliet bażiċi, literacy, Information Technology (Computer), programmi fl-oqsma tal-caring u oħrajn.
§ L-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ NIFTE (Night Institute for Further Technical Education) li jinkludu ħiliet tekniċi kif ukoll maniġerjali.
Barra dawn il-Korporazzjoni timpjega 2 training executives li għandhom kwalifiki simili ta’ dawk imsemmija.
Ir-responsabbilitajiet ta’ dawn inkludu fost oħrajn:
§ L-amministrazzjoni ta’ iskema ta’ INT (Ibda Negozju Tieg[ek)
§ L-amministrazzjoni ta’ Traineeship Schemes
§ L-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ dwar Small Business Management u kif ukoll responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ One Day Computer Courses.
Is-salarju ta’ Executives impjegati mall-Korporazzjoni ivvarja bejn Lm5,611 u Lm6,595.
Jista' il-Ministru jghid kemm hemm studenti li qegħdin fuq skemi ta' apprendistat fit-TAS u l-ESTS separatament? Kemm minn dawn gew megħjuna jinstabilhom sponsor mill-ETC stess u kemm minnhom ma nstabilhomx sponsorship? Kemm minn dawk li ma nstabilhomx sponsorship irnexxielhom isibuh waħedhom, u dawk li ma sabux sponsorship gew rifjutati li joqogħdu għall-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Sa l-aħħar ta’ Novembru ta’ l-2003 kien hemm 862 apprendist fl-iskema ta’ TAS u 867 apprendist fl-iskema ta’ l-ESTS. L-apprendisti mhux kollha jkunu eleġibbli għall-placement fl-istess żmien. Minn dawk in-numru ta’ apprendisti li preżentament huma eleġibbli għall-placement (sa’ l-aħar ta’ Novembru t-total ta’ dawn kien 934), 54 apprendist għad ma nstabilhomx placement. Il-placement huwa primarjament responsabbilita’ tal-Korporazzjoni izda li minn naħa tagħha ma sib l-ebda oġġezzjoni li l-apprendisti jieħdu din l-inizjattiva huma minn jeddhom. Għaldaqstant f’dawn iċ-ċirkostanzi ma tistax tgħid kemm jew min huma dawk l-apprendisti li sabu sponsorship weħidhom.
Wieħed irrid jinnota li preżentament in-numru ta’ persuni li jistgħu jipparteċipaw f’dawn l-iskemi mhux marbut ma’ numru ta’ postijiet ta’ taħriġ/xogħol li huma disponibbli fis-suq tax-xogħol.
Dar il-Mediterran — Storbju ta' mużika disco waqt attivita'
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga l-istorbju ta' mużika disco li kein hemm nhar il-Ħamis, 6 ta' Novembru 2003 waqt attivita' li saret f'Dar il-Mediterran, Valletta, u li baqgħet sejra sat-3.00 a.m. meta skond il-liġi l-mużika suppost tieqaf fil-11.00 p.m.?
Peress illi minkejja diversi mistoqsijiet parlamentari li saru fil-passat dwar dan l-inkonvenjent ta' storbju eċċessiv u ħsejjes miċ-chillers ta' l-air conditioners li ma jidhirx li huma mwaħħla fejn suppost, għadu ma sar xejn, jista' il-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jirrimedja s-sitwazzjoni mill-iktar fis possibbli?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li rigward il-mużika msemmija ninfurmah jagħmel riferenza għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Numru 2766 fejn ingħat li ma kienx hemm rapport lil pulizija fil-ġurnata msemmija.
Fir-rigward taċ-chillers ta’ l-airconditioners li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant jew aħjar biex inkun iżjed preċiż il-cooling towers naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li f’bini storiku bħal ma hija Dar il-Mediterran ma tantx huwa faċli li wieħed jirrialloka dan l-impjant mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li ssir sistema ġdida għas-sala La Valette.
Riċevimenti tal-Milied — Dipartimenti tal-Housing Maintenance and Construction
Question
Jista' il-Minstru jara u jgħid x'inhi r-raġuni li wara d-direttiva li nħarġet li mhux ser isiru parties/riċevimenti tal-Milied fid-Dipartimenti tal-Housing Maintenance and Construction inħarġet inizjattiva arbitrarja li permezz tagħha kull impjegat fid-Dipartiment irid joħroġ Lm7 sabiex jiġi organizzat dan il-party u li jekk le min ikun li ma jikkontribwixxix jiġi mqtugħ mil-overtime u dan mingħajr l-approvazzjoni tad-Direttur? Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li uffiċjal għoli fi ħdan dan id-Dipartiment attwa din it-tħeddida u aġixxa b'mod diskriminatorju fil-konfront tal-ħaddiema li ma kkontribwewx u ma ttieħdu l-ebda passi kontra dan l-aġir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-direttiva li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma tipprojbixxix li jsiru parties/riċevimenti tal-Milied f’Dipartimenti jew entitajiet oħra tal-Gvern, iżda tipprojbixxi li dawn isiru minn fondi pubbliċi.
Ninsab infurmat li l-impjegati tad-Dipartiment li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant ftehmu li jagħmlu ikla tal-Milied għas-spejjeż tagħom. Ninsab infurmat ukoll li ma jirriżultax li xi uffiċjal hedded lil xi mpjegat li jekk ma jipparteċipax fl-ikla jinqatagħlu l-overtime.
Jista' il-Ministru jagħti r-rapport ta' ħidma li twettqet mill-Malta Resources Authority matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport ta' ħidma li twettqet mill-Malta Resources Authority għas-sena li għalqet fil-31 ta' Settembru 2003 qed jiġi finaliżżat.
Dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif jiġi finaliżżat.
Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini — Rapport ta' ħidma
Question
Jista' il-Ministru jagħti r-rapport ta' ħidma li twettqet mill-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (BICC) matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport tal-ħidma li twettqet mill-Building Industry Consultative Council għall-aħħar tnax-il xahar ikun ippubblikat kmieni s-sena d-dieħla kif stipulat fl-istatut tat-twaqqif tal-Kunsill.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-inizjattivi differenti li beħsiebu jieħu l-gvern biex jiċċelebra d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u kemm huma mistennija li jqumu ċ-ċelebrazzjonijiet kollha? Mil-liema line items tal-budget mistennija jiġu ffinanzjati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. membru li l-programm taċ-ċelebrazzjonijiet li għandhom jibdew fil-lejl tat-30 ta' April 2004 u jiġu fi tmiemhom fid-9 ta' Mejju 2004 (Europe Day) għadu qiegħed jiġi ifformulat u d-dettalji dwar dan jingħataw fil-mument opportun.
Huwa ntenzjonat illi peress illi l-attivitajiet ser ikunu ta' natura kulturali, dawn ser jiġu ffinanzjati mill-line item 5420.
B'referenza għal dak li jingħad fit-tweġiba 3238 jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-Single Programming Document ta' Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Is-“Single Programming Document” ta’ Malta hu fil-proċess ta’ approvazzjoni finali minn naħa tal-Kummissjoni Ewropea.
L-aħħar “draft”, kif emendat fil-5 ta’ Diċembru 2003, jinsab fuq il-“website” www.ppcd.gov.mt.
Forzi Armati ta' Malta — Ġbid mis-sensila televiżiva Undercover
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3069, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ħin l-ajruplani, l-helicopters u l-patrol boats kellhom jiddedikaw separatament għall-ġbid ta' siltiet mis-sensila Undercover? Għaliex ma ntalabx ħlas għall-użu tar-Rescue Boat? Jaħsibx il-Prim Ministru li waqt xogħol ta' sorveljanza bil-patrol boats u ajruplani/helicopters m'għandhomx jitħallew film crews jiġbdu siltiet għal programmi kummerċjali? Jidhirlux ukoll li ntweriet nuqqas ta' serjeta' meta ġie awtorizzat biex il-filming isir waqt xogħol ta' sorveljanza?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-“helicopters”, l-ajruplani u l-“Patrol Boats” intużaw biex inġibdu siltiet mis-sensiela “Undercover” kif spjegat hawn taħt:-
“Alouette Helicopter”: 6 titjiriet ta’ inqas minn siegħa l-waħda
“Islander Aircraft”: Titjira ta’ madwar nofs siegħa
“Patrol Boat P51”: Ħames siegħat
“Search and Rescue Boat Melita I”: Sagħtejn u nofs
Dwar il-ħlas għall-użu ta’ “Melita I” il-Forzi Armati ta’ Malta ser tibgħat il-kont lill-kumpanija konċernata.
B’referenza għall-aħħar parti tal-mistoqsija, il-“filming” ma’ sarx waqt xogħol ta’ sorveljanza imma waqt xogħol ta’ rutina.
Ħal Luqa — Serq mill-Kwartieri Ġenerali ta' l-Armata
Question
B'referenza għall-mistoqsija numru 3068, ma jidhirlux il-Prim Ministru li l-investigazzjoni qed tieħu fit-tul? Jista' jgħid ukoll min qed jinvestiga jekk hux l-Armata jew il-Pulizija? Jekk l-Armata min huma l-uffiċjali li qed jinvestigaw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li f’dan l-istadju l-investigazzjonijiet qed isiru mill-Armata. Mhux prudenti li jingħataw dettalji.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm speċjalisti li jaħdmu mal-gvern u li għandhom permess ta' clinics privati/tagħhom? Dan jikkostitwixxi conflict of interest fix-xogħol tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li hemm sitt speċjalisti li jaħdmu mal-gvern u li għandhom permess ta' klinika privata.
Ma naħsibx li hemm kunflitt ta' interess għaliex fil-privat imur min jagħżel li jagħmel hekk.
Peress li pazjent ġeneralment imur għal kura ġewwa sptar jew klinika privata skond fejn jordnalu l-ispeċjalista, jista' il-Ministru jgħid x'salvagwardji għandu l-pazjent sabiex ikun jaf xi kwalita' ta' kura u faċilitajiet jeżistu fit-tali sptarijiet jew kliniċi? Jista' jgħid jekk wasalx iż-żmien li l-isptarijiet u l-kliniċi jiġu graded skond kriterji ċari li jiġu ppubblikati għall-informazzjoni tal-pazjenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kull sptar jew klinika liċenzjata tfisser li ssodisfat kriterji imposti mid-Diviżjoni.
Dan huwa ndikat wkoll fil-liċenzja li tinħareġ kull sena u li kull klinika għandha l-obbligu li tqiegħed f'post prominenti fil-klinika biex ikun jista' jaraha l-pubbliku.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat ta' l-informazzjoni li nġabret dan l-aħħar mill-bord ta' l-istandards dwar makkinarju li jintuża fl-isptarijiet u kliniċi kemm tal-gvern kif ukoll tal-privat?
Minn dan ir-rapport kemm jirriżulta li hemm apparat substandard u jekk hemm, x'mezzi għandu l-pazjent biex ikun jaf b'liema kwalita' ta' apparat qed jiġi nvestigat u jkollu moħħu mistrieħ li kollox huwa skond l-istandards tal-WHO?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'mezzi għandu d-dipartiment tas-saħħa biex jassigura li konsulenti, speċjalisti u impjegati fl-isptarijiet u fil-polikliniċi ma jabbużawx mis-servizzi li joffri l-gvern billi jużaw testijiet u investigazzjonijiet li bihom jippromwovu x-xogħol privat tagħhom a skapitu tal-finanzi tal-gvern u pazjenti li jkunu ilhom jistennew għax ma jistgħux iħallsu privatament? Jista' jgħid jekk il-gvern għandux ħjiel ta' abbużi bħal dawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kull ċittadin Malti għandu dritt għal kura li joffri d-Dipartiment tas-Saħħa mingħajr ma ssir l-ebda diskriminazzjoni. Pazjenti li jagħżlu li jieħdu kura fil-privat, xorta waħda għandhom id-dritt li jagħmlu testijiet u investigazzjonijiet fl-isptarijiet u polikliniċi tal-Gvern, sakemm dawn jagħmlu appuntament biex b'hekk ma jaqbżux il-queue.
Id-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed jintroduċi sistemi ta' appuntamenti kompjuteriżati biex zgur jiġi eliminat kull lok t'abbuż. Sistema ta' appuntamenti kompjuteriżati diġa' giet introdotta kemm fid-Dipartiment ta' l-Outpatients, kif ukoll fl-investigazzjonijiet tar-Radjoloġija.
Id-Dipartiment tas-Saħħa se jibqa' jaħdem bis-sħiħ biex jassigura li ma hemm l-ebda abbuż mill-impjegati tiegħu. Meta d-Dipartiment tas-Saħħa jsir jaf b'xi każ ta' abbuż, jieħu dawk il-passi kollha indikati kontra min ikun abbuża.
Attivita' tal-Young Enterprise — Żgħażagħ li nqabdu bid-droga
Question
Jikkonferma l-Ministru li waqt il-weekend imsejjaħ Take Off Weekend li sar f'Ħal Ferħ dan l-aħħar bħala parti ta' l-attivita' tal-Young Enterprise issejjħu l-pulizija meta nstabet id-droga għand xi żgħażagħ li kienu qed jattendu din l-attivita'? Jista' jgħid x'instab? Ittieħdu xi passi ulterjuri? Kemm kellhom żmien iż-żgħażagħ involuti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li saru xi rapporti lill-Pulizija dwar is-suġġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar, 2003 kemm inqabdu nies jonsbu llegalment f'Malta u Għawdex? F'liema inħawi? L-apparat dejjem ġie kkonfiskat? Jista' jgħid ukoll jekk dawk li allegatament kisru l-liġi ittellgħux il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta` din is-sena nqabdu mill-Pulizija 24 persuna li b`xi mod kienu qed jonsbu llegalment. Dawn il-każi kienu fil-Magħtab, Bengħajsa, Mġarr, San Tumas, Raħal Ġdid, Ħal Miellieri, San Martin, Marsaxlokk, il-Bombi, Salini, Mqabba, Sta. Venera, Qawra, Qrendi, Żabbar u Rabat. Meta jinstab apparat ta` l-insib li l-użu tiegħu huwa projbit, dan jiġi elevat mill-Pulizija sabiex ikun esebit quddiem il-Qorti matul il-proċeduri kriminali. Il-persuni nvoluti ittellgħu, jew fil-każijiet riċenti għad iridu jittellgħu l-Qorti.