Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #3445 Sitting 80 2003-12-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Konslu Malti f'Iżrael — Taħditiet dwar is-sigurta' fl-MIA

Question

Jikkonferma l-Ministru li f'Ottubru l-konslu tagħna f'Iżrael flimkien ma' uffiċjali tas-sigurta' Iżraelita żaru l-MIA għal taħditiet dwar is-sigurta' fl-ajruport?

Response (BORG, JOE)

Ntilob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat, ġaladarba din id-domanda tikkonċerna sigurta.
Leg 10 PQ #3446 Sitting 80 2003-12-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pajjiżi tal-Commonwealth — Laqgħa għolja tal-kapijiet f'Malta

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hi stmata li se tiġi tiswa f'fondi pubbliċi lill-pajjiżna l-laqgħa għolja tal-kapijiet tal-pajjiżi tal-Commonwealth (CHOGM) li se ssir f'Malta fis-senae 2005?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Naħseb li l-Onorevoli Membru jaqbel li meta tiltaqa’ organizzazzjoni bħal dik tal-“Commonwealth”, il-pajjiż għandu ħafna x’jiggwadanja. Naturalment għadu kmieni wisq biex tingħata risposta għad-domanda.

Ġgantija — Tempji

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi mistennija jittieħdu għall-ħarsien tat-tempji tal-Ġgantija li jinsabu f'perikli serji li jiddeterjoraw iżjed u iżjed?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tempji megalitiċi kollha ta’ Malta u Għawdex ibagħtu minn problemi ta’ detterjorazzjoni tal-ġebla, kif ukoll minn possibilita’ ta’ ‘Structural failure’ minħabba l-mod ta’ kif kienu inbnew oriġinarjament. Soluzzjonijiet moderni għalhekk mhux dejjem huma aċċettabli jew faċli, speċjalment fil-kuntest ta’ konvenzjonijiet u regoli internazzjonali tar-restawr. Bħalissa qed isir studju biex tinġabar informazzjoni dwar id-deterjorazzjoni tat-tempji tal-Ġgantija. Primarjament dawn l-istudji jikkonsistu f’ eżerċizju ta’ fotogrammetrija kif ukoll ġbir ta’ informazzjoni permezz ta’ weather station. Din l-informazzjoni ser tkun utli biex tingħata direzzjoni lil dawk l-interventi neċċessarji li għandhom bżonn isiru fit-tempji.

Wirt storiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn fejn tista' tinkiseb kopja ta' l-ewwel rapport dwar l-istat tal-wirt storiku mħejji mis-Sovrintendenza peress li f'dawn il-jiem ma kienx fuq il-website kif intqal fl-ewwel forum nazzjonali dwar il-wirt storiku?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi kif kien imħabbar waqt l-ewwel Forum dwar il-wirt storiku, l-ewwel rapport dwar l-istat tal-wirt storiku jinsab fuq il-website tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dan kien ikkonfermat kemm mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kif ukoll mill-website innifisha. Mit-28 ta' Novembru sal-lum, ir-rapport kien posted u accessibli fuq il-website kuljum. L-indirizz tal-email tas-Sovrintendenza huwa culturalheritage@gov.mt ir-rapport jinsab http://www.culturalheritage.gov.mt/filebank/documents/heritage.pdf Kopji elettroniċi tar-rapport jistgħu jinxtra mill-uffiċju tas-Sovrintendenza, f'138, Melita Street, Valletta

Liġi dwar id-divorzju/il-ko-abitazzjoni

Question

Fin-negozjati ma' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid jekk issemiex jew ġie diskuss xi darba n-nuqqas ta' liġi dwar id-divorzju jew il-ko-abitazzjoni? Il-gvern qatt irċieva korrispondenza fuq dawn l-oqsma? Jekk iva, jista' ipoġġi kopja ta' din il-korrispondenza fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għal dak li jirrigwarda lill-Ministeru għall-Politika Soċjali t-Tweġiba għall-ewwel parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv. Dwar il-korrispondenza, dan il-Ministeru jirċievi volum qawwi ta’ korrispondenza sija minn sorsi lokali kif ukoll internazzjonali, liema korrispondenza tittratta d-dekasteru kollu. M’huwiex fiżikament possibbli li ssir ir-riċerka biex tingħata Tweġiba għal din il-parti tal-Mistoqsija

Liġi tad-divorzju u ko-abitazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar il-qagħda ta' dawk li jgħidu li diffiċli għall-pajjiżna jirrispetta l-Artiklu 13 tat-Trattat ta' Amsterdam u d-direttiva 2000/78/EC mingħajr liġijiet tad-divorzju u ko-abitazzjoni hawn Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

La d-Direttiva 2000/78/EC u lanqas Artikolu 13 tat-Trattat ta’ Amsterdam ma jirrigwardaw ko-abitazzjoni jew divorzju.

Persuna ta' ċittadinanza barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni in konnessjoni mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm oġġezzjoni għat-talba li saret biex tinħareġ liċenzja ta` impjieg lill-persuna indikata mill-Onor. Interpellant u għalhekk din it-talba ma tistax tintlaqa`.
Leg 10 PQ #3461 Sitting 80 2003-12-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tad-diviżjoni tas-saħħa fuq l-inċineratur ta' l-isptar San Luqa wara li l-kumpannija barranija li kellha tforni s-Sanitec microwave unit informat lill-gvern li ma tistax tonora t-tender li ħadet? Il-kuntratt ingħata lil xi kumpannija oħra li kienet tefgħet it-tender jew se joħorġu tenders ġodda? Meta hu maħsub li ma jibqax jintuża l-inċineratur li hemm bħalissa l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ser terġa' tinħareġ talba oħra għall-offerta. L-inċineratur li hemm bħalissa fl-Isptar San Luqa ser jitwaqqaf meta jiġi konsenjat l-apparat il-ġdid.

Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg - Xogħol fuq l-estensjoni tad-drenaġġ

Question

B'riferenza għal diversi mistoqsijiet li għamilt dwar it-tkomplija tax-xogħol fuq l-estensjoni tad-drenaġġ f'parti minn Triq il-President Anton Buttigieg, fiż-Żejtun, jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk ix-xogħol fuq il-main tad-drenaġġ li nbeda hux se jitkompla biex dawk il-familji li għadhom jużaw il-fossa jkunu jistgħu jiġu mqabbda mal-main tad-drenaġġ? Jekk iva, meta se jitkompla x-xogħol u dan se jsir mill-gvern ċentrali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li x-xogħol ta' tkomplija tal-mejn tad-drenaġġ fi Triq il-President, Anton Buttigieg fiż-Żejtun issa tlesta.
Leg 10 PQ #3471 Sitting 80 2003-12-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-pulizija — Eżamijiet għal grad ta' surġent

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-eżamijiet għal grad ta' surġent fil-korp tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċess ta` ħatra fil-kariga ta` Surġenti fil-Korp tal-Pulizija għadu mhux finalizzat.

PBS — Pubblikazzjoni ta' stqarrijiet mill-partiti politiċi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3334 dwar stqarrijiet pubblikati mill-PBS maħruġa mill-PN u mill-MLP separatament, jista' il-Ministru jwieġeb għall-perijodu mill-elezzjoni 2003 'il hawn?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-perjodu ta' bejn l-14 ta' April, 2003, u t-30 ta' Novembru, 2003, fl-Aħbarijiet taċ-Ċentru tal-Aħbarijiet ixxandru total ta' 141 stqarrija taz-żewġ partiti politiċi msemmija. Dawn kienu mqassmin kif ġej - Partit Nazzjonalista 15 Partit Laburista 126

Prodotti ta' l-ikel — Dazju fuq l-importazzjoni

Question

B'riferenza għat-taxxi ndiretti ta' dan il-Budget, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm se jkunu t-tariffi, dazji jew kwoti ġodda fuq l-importazzjoni tas-"Semolina (groats and meal of durum wheat "meta jigi mportat mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE ? It-tunnellaġġ inkwestjoni skond "Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products " ikopri l-importazzjoni minn non EU states abbażi ta' l-importazzjoni storika wkoll?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3241, Seduta Numru 74.

Prodotti ta' l-ikel — Sussidju

Question

B'riferenza għas-Lm7 miljun li l-Gvern ivvota fil-Budget sabiex jissussidja l-prezzijiet għoljin tal-prodotti ta' l-ikel li se jogħlew wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom se jmorru biex jissussidjaw iz-zokkor bhala materja u kemm bħala kompożizzjoni mill-35,000 tunnellata ta' "zokkor" skond "S pecial Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products "? Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-valur globali li se joħroġ il-Gvern Malti u kemm hu l-valur globali li se toħroġ l-EU sabiex ikun issussidjat il-prezz għoli ta' dan il-prodott?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Prodotti ta' l-ikel — Dazju fuq l-importazzjoni

Question

B'riferenza għat-taxxi ndiretti ta' dan il-Budget, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm se jkunu t-tariffi, dazji jew kwoti ġodda fuq l-importazzjoni taz-"zokkor "meta jigi mportat mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE? It-tunnellaġġ inkwestjoni skond "Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products" ikopri l-importazzjoni minn non EU states abbażi ta' l-importazzjoni storika wkoll ?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3241, Seduta Numru 74.
Leg 10 PQ #3297 Sitting 79 2003-12-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għal Għawdex

Office of review — Direttur

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba d-direttur ta' l-office of review siefer, kemm dam barra l-pajjiż u kemm kienet l-ispiża globali għal kull żjara barra minn Malta minn meta ħa l-appointment f'April 2001 sa meta nbidillu r-rwol tiegħu f'Ottubru 2003?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jien infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bdiewa — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-full time u l-part-time farmers humiex se jkunu ntitolati kollha għas-sussidju tal-biedja wara April li ġej?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-sussidji se jibqgħu jitħallsu kemm lill-full time farmers kif ukoll lill-part time farmers skond kif ġie nnegozjat fl-"iSpecial Market Policy Programme for Maltese Agriculture." (SMPPMA) Barra minn dawn is-sussidji se jkun hemm diversi għajnuniet oħra speċjalment mill-Pjan ta' Żvilupp Rurali.

Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informatika — Bordijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlaemntari 3003, il-fatt li m'hemmx bordijiet imwaqqfa, ifisser li l-bord tal-Medigrain diġa' ġie xolt?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3003 kienet tirreferi għall-'dipartimenti' li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru. Il-Medigrain ma taqgħax taħt din id-definizzjoni.

Qmuħ u ċereali — Importazzjoni

Question

Jikkonsidra l-Ministru li fid-dawl tal-bidliet li se jsiru f'dak li jirrigwarda l-importazzjoni tal-qmuħ u ċerali wara April tas-sena 2004, iwaqqaf bord konsultattiv peress li pajjiżna qatt ma kellu l-esperjenza li jkun biss jixtri dawn is-sorsi kontra dazji u tariffi ġodda li se jdaħħal il-gvern meta l-importazzjoni ssir mis-swieq internazzjonali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #3376 Sitting 79 2003-12-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta — Studenti ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin li bħalissa qed jattendu l-Universita' ta' Malta f'Tal-Qroqq? Mil-liema pajjizi huma? X'korsijiet qed jattendu?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 1433.
Leg 10 PQ #3377 Sitting 79 2003-12-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta — Studenti ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista 'il-Ministru jgħid kemm iħallsu l-istudenti barranin li jattendu l-Universita' ta' Malta? Kif jiġi kkalkulat il-ħlas? Il-ħlas għall-istudenti barranin li mhumiex ċittadini ta' pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea se jitbiddel wara l-1 ta' Mejju 2004?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas li jsir minn studenti barranin li jattendu l-Universita' huwa indikat fl-iskeda li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-miżati huma determinati mill-ispejjeż kollha involuti kemm diretti u indiretti, u għal dan l-iskop is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja hi immaterjali.