Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Laqgħat dwar il-liġi tax-xorb alkoħoliku u t-tipjip
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il laqgħa kellu ma' l-Aġenzija SEDQA u għaqdiet oħra bħall-għaqda tal-Ħenituri dwar it-talba biex jiġu mmodernizzati l-liġijiet li jikkonċernaw ix-xorb alkoħoliku u tipjip fejn jidħlu ż-żgħażagħ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dawn l-aħħar xhur il-Ministru personalment iltaqa' mal-uffiċjali mill-Aġenzija Sedqa madwar darbtejn, filwaqt li ltaqa' darba ma uffiċjali mill-Caritas darba. Uffiċjali mis-sezzjoni taż-żgħażagħ għamlu żewġ laqgħat ma' uffiċċjali ta' l-Aġenzija Sedqa. F'dawn il-laqgħat sar ftehim biex jitwaqqfu numru ta' inizzjattivi bejn iż-żewġ naħat biex jiġu indirizzati diversi problemi, fosthom it-tipjip u l-alkoħol. Issemmiet il-ħtieġa li l-eta' għal konsum ta' l-alkoħol u tipjip għandha tiżdied.
Żgħażagħ — Liġi dwar it-tipjip u l-bejgħ ta' alkoħol
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hu stess jew uffiċjali tiegħu kellhomx xi forma ta' konsultazzjoni mal-Ministri ta’ l-Intern u tas-Saħħa jew uffiċjali tagħhom dwar tibdil fil-liġijiet li jikkonċernaw it-tipjip u l-bejgħ ta' l-alkoħol liż-żgħażagħ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. interpellant li f’dawn l-aħħar xhur ma kien hemm l-ebda laqgħat minn uffiċċjali tat-Taqsima żghażagh ma’uffiċjali ta’ Ministeri oħra fuq dan is-suġġett partikolari minbarra dawk li irreferejt għalihom fil-mistoqsija parlamentari 3390. Qed jitfassal pjan ta’ ħidma biex isiru laqghat bejn diversi Ministeri fuq oqsma li jikkonċernaw iż-żghazagh fix-xhur li ġejjien. Dawn il-laqgħat se jindirizzaw diversi problemi fosthom it-tipjip u l-abbuż.
Jista' il-Ministru jgħid liema proġetti saru mill-Environmental landscaping consortium sal-lum? Kemm ġie jiswa kull proġett, il-materjal u x-xogħol separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Persuni ta' l-istess sesss/persuni tas-sess oppost
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiżguraw li persuni ta' l-istess sess jew ta' sess oppost li jikko-abitaw għandhom l-istess drittijiet tal-familji skond id-direttiva 2000/78/EC u l-Artiklu 141 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea? X'passi oħra mistennija jittieħdu biex jitħarsu l-obbligi msemmija f'dawn id-dokumenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
La d-Direttiva 2000/78/EC u lanqas Artikolu 141 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea ma jittrattaw drittijiet tal-familja. Il-provedimenti tad-Direttiva u l-Artikolu msemmija huma riflessi fil-liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali u l-liġi dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa.
Ajruplani/vapuri tal-gwerra — Użu mill-faċilitajiet ta' portijiet Maltin
Question
Matul din is-sena, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm każi fejn gvernijiet ta' pajjiżi oħra talbu li l-ajruplani u l-vapuri tal-gwerra tagħhom jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-portijiet ta' l-ajruport tagħna u ġew irrifjutati? Jekk iva, liema gvernijiet kienu dawn?
Response (BORG, JOE)
Matul din is-sena, ma kienx hemm każijiet fejn talbiet minn Gvernijiet ta' pajjiżi oħra, biex ajruplani u vapuri tal-gwerra tagħhom jagħmlu użu mill-ajruport u mill-faċilitajiet tal-portijiet tagħna, ġew rifjutati.
Sptar San Luqa — Persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3288, jista' il-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija peress li ma ġietx imwieġba lanqas fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3286?
Jista' il-Ministru jgħid min issottometta offerti għal package 2A għad-disponiment ta' l-iskart? Liema xogħlijiet huma nklużi f'package 2A?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-offerti għal Package 2A ġew sottomessi mill-Konsorzju CGEA Onyx / AX Holdings Ltd. u minn Polidano Bros. Ltd.
Package 2A jinkludi:-
Il-bini, l-iżvilupp u tħaddim f'Malta ta'
Controlled Landfill
għal skart mhux perikoluż u mhux inert;
Il-bini, l-iżvilupp u t-tħaddim f'Malta ta'
Secure Landfill
għal ċertu tip ta' skart perikoluż;
Il-bini, l-iżvilupp u t-tħaddim f'Malta ta' impjant għall-ħażna temporanja, trattament u trasferiment ta' skart perikoluż, kif ukoll żvilupp ta' servizz ta' ġbir ta' skart perikoluż li jiġi ġġenerat f'Malta. Arranġamenti għat-trasport, trattament jew rimi ta' skart perikoluż f'Malta jew billi jiġi esportat lejn impjanti liċenzjati barra minn Malta;
Il-bini, l-iżvilupp u t-tħaddim ta' impjant f'Għawdex għal ġbir u trasferiment ta' skart mifrud, kemm perikoluż kif ukoll mhux perikoluż u mhux inert u t-trasport tiegħu lejn Malta;
Tħaddim ta' servizz ta' trasport għall-ġar ta' skart awtoriżżat jew komponenti ta' skart awtoriżżat jew materjal għar-rimi jew partijiet minnu għal trattament jew rimi finali.
Qasam industrijali ta' Ricasoli — Xogħol mill-Maltacom
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol qiegħda tagħmel il-Maltacom fil-proprjeta' li għandha fl-Industrial Estate ta' Ricasoli?
X'inhu l-iskop ta' dan ix-xogħol? Kemm hu stmat il-valur tax-xogħol li qiegħed isir?
Skejjel ta' l-istat — Kotba tal-letteratura Ingliża
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm jiswew il-kotba tal-letteratura Ingliża u ta' suġġetti oħra li kellhom jixtru l-istudenti li jmorru l-iskejjel ta' l-istat? Jista' jelenka l-kotba li qed jintużaw bħalissa u kemm jiswa kull wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-kotba fl-iskejjel ta' l-Istat jitqassmu b'xejn. Iżda meta l-istudenti fil-Liċei jersqu biex jagħmlu l-eżami tal-Letteratura Ingliża ta' l-SECE, il-prassi dejjem kienet li dawn il-kotba jinxtraw mill-istudenti infushom. Dan jiġri għaliex minn sena għall-oħra jkun hemm tibdil fis-Sillabu dwar l-għażla tal-kotba.
Ta' min jinnota li l-istudenti jixtru dawn il-kotba li jintużaw kemm fir-raba' kif ukoll fil-ħames sena. Dawn huma l-uniċi kotba li l-istudenti għandhom jixtru.
Mhux possibli li jingħata prezz ta' kemm hu il-valur tal-kotba għaliex mhux dejjem ikun l-istess. Jiddependi skond in-numru ta' kotba li jinxtraw kif ukoll l-edizzjoni.
Skejjel ta' l-istat — Suġġett tal-letteratura Ingliża
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-letteratura Ingliża huwiex suġġett obbligatorju jew huwiex wieħed mis-suġġetti optional fl-iskejjel ta' l-istat? Liema huma dawk is-suġġetti li huma optional fil-livell sekondarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li il-Letteratura Ingliża huwa suġġett obbligatorju fl-iskejjel ta' l-Istat. It-tagħrif dwar is-suġġetti ta' l-għażla ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Produzzjoni televiżiva taċ-ċinema
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3309 u cioe' x'ħidma qed jippjana li jagħmel il-ministeru biex ikun hemm iżjed kollaborazzjoni qawwija bejn Malta u l-Kanada fil-qasam awdjo-visiv u l-produzzjoni televisiva u taċ-ċinema?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-aħħar kien hawn delegazzjoni mill-Gvern Kanadiż, fejn ġie diskuss is-suġġett li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru, u sar qbil li dawn id-diskussjonijiet ikomplu fil-futur biex jiġi stabbilit qafas ta' koperazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam tal-majjal frisk bejn Jannar u Novembru separatament?
Jista' jinformani bl-istess informazzjoni għas-snin 2002, 2001, 2000, 1999 u 1998?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' sussidju fuq il-produzzjoni tat-tadam għall-industrija ta' l -ipproċessar li għandu jitħallas lill-bdiewa?
Għaliex għadhom ma tħallsux?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Id-dokumentazzjoni kollha dwar il-bejgħ ta' tadam għall-ipproċessar fl-istaġun 2003 għadha qed tiġi eżaminata mill-awdituri u għalhekk l-informazzjoni mitluba għadha mhux disponibbli. Dan jispjega wkoll għaliex il-bdiewa għadhom ma tħallsux.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilhom ma jitħallsu għas-sussidju tal-bajd frisk il-produtturi? X'inhi r-raġuni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-aħħar pagament li rċevew il-produtturi tal-bajd frisk kien fil-bidu ta' Diċembru u kien ikopril-bejgħ sa' l-aħħar ta' Settembru 2003. Il-kumplament tas-sussidju dovut għadu qed jinħadem.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li se jiswa l-investiment tal-grading tal-ħaxix u frott frisk? Meta se jibdew ix-xogħlijiet? Meta se jitlestew? Min jagħmel tajjeb għall-ispejjeż?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-investiment tal-grading tal-ħaxix u frott frisk jammonta għal 1,250,000 Euro li miljun minnhom ġej mill-Protokol Taljan u 250,000 Euro mill-Gvern Malti.
Ix-xogħolijiet mistennija jibdew kmieni s-sena d-dieħla u jitlestew sa l-aħħar tas-sena 2004.
Jista' il-Ministru jgħid liema mill-kwoti fuq l-importazzjoni ta' l-ikel li ma nipproduċux lokalment ġew irtirati mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar laqgħat tad-WTO f'Cancun? Liema Liema minnhom ma ġewx irtirati?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1721 f'Seduta Numru 43.
Jista’il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 2787 u cioe' jgħid kemm tqassmu flus matul din is-sena lill-għaqdiet sportivi taż-żgħażagħ u oħrajn? Kemm ħadu kull wieħed u mil-liema vot tqassmu dawn il-fondi? Jista’ jgħid ukoll min iddeċieda kemm tkun l-għotja?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra dettalji dwar l-għotjiet lil għaqdiet sportivi, taż-żgħażagħ u dawk ta’ xejra kulturali għas-sena 2003.
Il-fondi tqassmu mill-voti rikorrenti rispettivi allokati għall-Isport, żgħażagħ u kultura.
L-għotjiet jiġu kkunsidrati fuq il-merti tagħhom skond kriterji kif stabbiliti hawn taħt :-
SPORTS
L-isports: Sakemm twaqqaf il-Kunsill Malti għall-Isport il-proċess ta’ evalwazzjoni u tqassim ta’ għajnuniet kienu jkunu bażati fuq tlett kategoriji:-
1. Għajnuna lill-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali
2. Avvenimenti li jseħħu kull sena
3. Għajnuna għal titjieb ta faċilitajiet
Il-Ministeru kien jiġbor it-talbiet li jsirulu u jibgħat suġġerimenti lid-dipartiment tal-Isport u wara din il-konsultazzjoni tingħata l-għajnuna.
Il-Ministeru f’evalwazzjoni tiegħu jistħarreġ
1. Il-validita’ ta’ l-attivita’ fl-isfond tal-programmi ta’ zvilupp tekniku li l-istess għaqda jew assoċċjazzjoni tkun ppreparat.
2. Ir-rapport finanzjarju kif sottomess mill-ghaqda jew assoccjazzjoni
3. Għajnuniet jew sponsorships oħra li l-istess għaqda/assoċċjazzjoni tkun ġabet
4. Programmi ta’ żvilupp għaż-żgħażagħ/nurseries li l-istess għaqda tkun qed tesegwixxi matul is-sena finanzjarja.
Bil-ħolqien tal-Kunsill Malti għall-Isport dawn il-proċeduri qegħdin jiġu raffinati u l-istess Kunsill qiegħed iħejji policy document biex jiġu regolarizzati dawn l-isponsorships.
KULTURA
Fir-rigward tal-għotjiet bħala parti mill-Cultural Support Programme il-kriterji huma :
1. avveniment ikun ta’ natura kulturali
2. il-livell u l-kwalita’ ta’ l-avveniment
3. id-dimensjoni tal-popolarita’ fuq l-avveniment kulturali
4. l-ammont ta’ bżonn għas-support biex l-avveniment jittella’
5. kemm ippruvaw jiksbu sponsorships minn bnadi oħra barra mill-Kunsill Malti għall-Kultura u Arti
ŻGĦAŻAGĦ
Fir-rigward taż-żgħażagħ il-kriterji li bihom gew magħżula l-għaqdiet huma dawn:
Ingħatat preferenza lil:
a) Għaqdiet taż-żgħażagħ għal proġetti li l-proposti jsiru bejn Lulju u Diċembru 2003.
b) Għaqdiet li ma rċevew l-ebda għajnuna finanzjarja u għajnuna oħra fl-iskema bejn Jannar u Ġunju 2003.
c) Għaqdiet li juru li jistgħu jew kienu kapaċi jiġbru fondi mill-attivitajiet jew minn sorsi mhux tal-Gvern.
d) Għaqdiet li l-attivita' tagħhom taqbel ma' programmi oħra tal-Ministeru.
Talbiet li ma jaqgħux taħt dawn il-preferenzi xorta jigu kkunsidrati skond il-kontribut li jistghu jagħtu lill-komunita'. Tingħata għajnuna wkoll lill-għaqdiet taż-żgħazagħ li jiffurmaw parti minn moviment nazzjonali, iżda dawn l-għaqdiet għandhom iressqu t-talba tagħhom lill-moviment nazzjonali li japplika f'isimhom. Dan il-programm ta' għajnuna ma japplikax għall-Kunsilli Lokali.
Skola fil-Birgu — Ilmenti dwar tfal li qed jagħmlu l-istorbju
Question
Peress li kelli lmenti minn residenti li joqogħdu viċin skola fil-Birgu, li isimha qed jingħata separatament, li studenti li jattendu din l-iskola qed ta' kuljum jagħmlu l-istorbju kemm fil-għodu u kemm wara nofs inhar, jistgħu l-awtoritajiet edukattivi jwissu lil din l-iskola dwar dan? Għaliex dawn l-istudenti qed jitħallew jitlajjaw viċin l-iskola anke waqt il-ħinijiet ta’ l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-awtoritajiet ta' l-iskola ġew informati b'dan l-ilment u lesti jinvestigaw kull ilment li jsir.
Informat ukoll li bħal f'kull Sixth Form oħra ta' Malta, dawn l-istudenti huma marbutin jattendu għall-lezzjonijiet tagħhom, iżda jistgħu jitilqu mill-iskola f'dawk il-ħinijiet li fihom ma jkollhomx lezzjonijiet. Wieħed irid jiftakar li s-suġġetti tagħhom kollettivament ma jkoprux il-ħinijiet kollha ta' l-iskola.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ta’ l-Universita' ta' Malta inkluża l-Malta University Services Ltd. li qabżu s-60 sena fil-każ tan-nisa u 61 fil-każ ta’ l-irġiel li ngħataw estensjoni tas-servizz? F'liema dipartiment jaħdmu? Kemm hemm li ngħataw aktar minn estensjoni waħda ta' sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.