Legislature:
Category:
Reset
Active:

Specialist Accredition Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid n-numru minimu ta' membri li assoċjazzjoni medika jew ta' speċjalita' medika għandu jkollha fi ħdana sabiex tirrappreżenta lill-ispeċjalita' tagħha fl-SAC (Specialist Accredition Committee)? Jista' jgħid ukoll jekk dawn il-membri fi ħdan assoċjazzjoni iridu ikunu full members li jipprattikaw Malta jew jekk associate/affiliate/adjunct members jitqisux parti minn numru minimu rikjest mil-liġi biex assoċjazzjoni tirrappreżenta lill-ispeċjalisti fi ħdana? Jekk il-membri jridu jkunu full-time , xi skritunju qiegħed isir biex is-SAC taċċerta ruħha fuq l-eliġibilita'ta' dawn il-membri fi ħdan assoċjazzjoni? F'dan l-ambitu, jista' jelenka l-assoċjazzjonijiet kollha rappreżentati fl-SAC bin-numru ta' membri dikjarati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Assoċjazzjoni Professjonali rappreżentati fuq l-Specialist Accreditation Committee huma regolati permezz tar-raba' skeda ta' l-Att Nru.XII ta' l-2003 (Kap. 464) li jirregola l-Professjonijiet tas-Saħħa. Ta' kull sena dawn l-Assoċjazzjonijiet elenkati fit-tieni parti ta' l-istess skeda huma obligati li jibgħatu lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika dak li hemm provdut fl-istess regolamenti msemmija partikolarment Art. 1, 2 u 4 (jiġifieri Rapport Annwali, kopja ta' l-Istatut, Numru ta' Speċjalisti membri, etc.). Jekk ikun il-kaz li xi Assoċjazzjoni minn dawn ma tittemporax ruħha ma' dawn ir-regolamenti hemm provdut fl-istess Skeda li dik l-Assoċjazzjoni ma tibqax rappreżentata fuq l-SAC. Ma jirriżultax li f'dawn l-aħħar tlett snin minn meta ġiet in vigore l-liġi kien hemm xi Assoċjazzjoni Medika li ma kinitx qegħda tittempora ruħha mal-liġi. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija l-assoċjazzjonijiet jirregolaw il-pożizzjoni tal-membri (speċjalisti) tagħhom skond l-istatut partikolari ta' kull waħda minnhom.

ADT — Trailor

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex it-trailor li jintuża mill-ADT sabiex isiru t-testijiet fuqu m'huwiex tal-miżura ġusta u fil-fatt huwa wieħed żgħir? Ma jidhirlux li dan it-trailor huwa żgħir sabiex jakkomoda xi terza persuna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li jintużaw żewġ trailers għat-testijiet tas –“C+E” minn zewġ skejjel tas-sewqan. Il-miżura (tul, toqol eċċ) tagħhom hija konformi mal-Liġi Sussidjarja 65.18 (it-Tielet Skeda) skond AL 14/2004. Il-Liġi Sussidjarja 65.18 ġiet sussegwentament amendata permezz ta' AL 25/2007 fil bidu ta' din is-sena kurrenti. Il-vetturi li jintużaw għat- test (inkluz Trailers) li ma baqgħux jissodisfaw il-kriterji minimi msemmija fl-AL 25/2007, imma kienu jissodisfaw l-AL 14/2004, jistgħu jibqgħu jintużaw sal-31 ta' Dicembru 2010.

ADT — Trailor special licence

Question

Jaf il-Ministru li l-persuna li jtella' n-nies għall-ispecial licence tat-trailor qed juża cameramwaħħla mat-truck biex iqabbdu t-trailor mat-truck?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-camera li qed tintuza hija permessibbli peress li tezisti ostruzzjoni bejn il-platform tat-Truck u t-Trailer. L-uzu tal-camera huwa permessibli wkoll fuq vetturi kbar ohra bhal coaches.

Korp tal-Pulizija — Dħul ta' l-ewro

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija huwiex se jkun involut fit-trasport u distribuzzjoni u l-organizzazzjoni tal-munita Ewro meta tidħol f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Naħseb illi illum huwa fatt magħruf illi t-trasport tal-munita Ewro issir taħt sigurta' stretta mill-Forzi tal-ordni tal-pajjiż.

Forzi Armati — Dħul ta' l-ewro

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Forzi Armati ta' Malta hux se jkunu nvoluti fit-trasport u d-distribuzzjoni u l-organizzazzjoni tal-munita Ewro meta tidħol f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nista’ nikkonferma li l-Forzi Armati ta’ Malta ser jiġu nvoluti fit-trasport u d-distribuzzjoni tal-munita Ewro meta din tidħol f’Malta.

PSC

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26994 tas-seduta nru. 548 tad-09/07/07 u jgħid: kemm kien hemm każi fejn il-Public Service Commission iddikjarat uffiċjalment li ma kenitx taqbel ma' xi deċiżjoni u cioe' ma xi sentenza li ngħatat mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji mit-twaqqif ta' dan it-tribunal sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm 23 każ fejn il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku iddikjarat uffiċjalment li ma kenitx taqbel ma’ xi deċiżjoni u ċioé ma’ xi sentenza li ngħatat mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji. Fi tnejn minn dawn il-każijiet il-Kummissjoni, wara li reġgħet ikkunsidrat il-każ, biddlet l-ewwel deċiżjoni tagħha u qablet mad-deċiżjoni tat-Tribunal.

Possession and Use

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li jinsab f'Bormla, hux milqut bil-liġi tal-Possession and Use? Dan il-post jista' jinxtara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fond li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant fil-fatt huwa mibni fuq art li ġiet esproprjata mill-Gvern taħt titlu ta' pussess u użu.

Balluta Bay

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li fit-13 ta'Awissu 207 l-bajja tal-Balluta ġiet magħluqa għal għawm mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ħareġ avviż li ma jirrakomandax li jsir għawm fil-bajja tal-Balluta - San Ġiljan, peres li r-riżultati tal-kampjuni ta' ilma baħar meħuda minn din il-bajja jindikaw kontaminazzjoni ta' drenaġġ. Saru wkoll spezzjonijiet fil-lokal u rriżulta li kien hemm sadd u ħsarat fil-medda prinċipali tad-drenaġġ.

Għassa tal-Pulizija — Għibien ta' tape jew CD

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk fit-18 ta' Lulju 2007 inżammitx seduta mill-Maġistrat inkwerenti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fl-għassa tal-pulizija tal-Belt Valletta u dan rigwardanti għibien ta' tape jew CD li naqas mill-proċess ta' każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jista' jikkonferma wkoll li f'din is-seduta kellu jagħti x-xhieda tiegħu uffiċjal tal-Qorti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jikkonferma li din is-seduta damet sat-8.00p.m. u jista' jgħid jekk ġewx rintraċċati dawn it-tapes jew tape CD jew CDs hekk importanti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar it-18 ta' Lulju 2007 sar rapport mir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali fl-għassa tal-Belt Valletta dwar l-għejbien ta' kopja ta' Compact Disk mill-atti proċesswali fil-każ "Il-Pulizija versus Mario Camilleri et", f'liema kawża Mario Camilleri, it-tifel tiegħu Pierre Camilleri u Anthony Grech Sant qed jiġu akkużati b'tixħim ta' l-Imħallfin Noel Arrigo u Patrick Vella. In segwitu ta' dan ir-rapport, il-Pulizija nfurmat lill-Maġistrat ta' l-Għassa u saret Inkjesta Maġisterjali. F'din l-Inkjesta Maġisterjali nstemgħu diversi xhieda, fosthom ir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali msemmi mill-Onor. Interpellant. Din l-inkjesta għadha mhix konkluża. Madanakollu, ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija ħadet il-passi neċessarji biex mill-ewwel esebixxiet kopja awtentika tal-kontenut kollu f'din il-Compact Disk quddiem l-istess Qorti. Ta' min jgħid li kopji oħra ta' din il-Compact Disk jinsabu f'atti proċesswali oħra u għalhekk l-għejbien ta' din il-Compact Disk, bl-ebda mod ma jippreġudika l-andament tal-proċeduri

San Gwann — Appartament tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-appartament proprjeta' tal-gvern f'San Ġwann, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux mikri lil xi familja jew inkella hux battal u se jiġi allokat? Jekk fl-affermattiv, meta se jiġi allokat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-appartament indikat mill-Onor. Interpellanti hu mikri.

Tas-Sliema — Triq Mrabat

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari li kont għamilt ftit tax-xhur ilu, jista' l-ministru jara għaliex il-barrier fi Triq Mrabat, Sliema għadha ma saritx?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din il-barrier qed tiġi rranġata din il-ġimgħa mill-Koperattiva tat-Tabelli u Sinjali.

Sliema — Bollards

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara kif il-pulizjia ta' Tas-Sliema qatt ma rrispondiet dwar il-kwestjoni tal-bollards fit-Trejqa Dun Gennaro Camilleri, liema bollards huma ta' tfixkil, u anke hemm katnazzi fuq il-bollards u dan b'ostaklu għar-residenti? M'hemm ħadd li hu responsabbli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija rrispondiet lill-Onor Interpellant f'ittra li ġġib id-data tal-5 ta' Awissu 2007.

Belt Valletta — Bejjiegħa tal-monti.

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni fejn għandhom jitpoġġew (bħala ordni) l-bejjiegħa tal-monti tal-Belt Valletta?

Response (GATT, AUSTIN)

“Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni dwar l-ordni tal-bejjiegħa tal-Monti fil-Belt Valletta ittieħdet mill-Ministeru tiegħi wara konsultazzjoni effettiva mal-Kumitat Rappreżentattiv tal-bejjiegħa u mal-Union Ħaddiema Magħqudin li kienet qed tirrapreżenta l-interessi tagħhom. Nixtieq nippreċiża li la l-Kumitat Rappreżentattiv u lanqas il-UĦM ma esprimew riservi jew eċċezzjonijiet għall-ordni li ppropona l-Gvern. “Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li l-loġika li ntużat għat-tqassim tal-bankarelli kienet li jkun hemm: 1. ordni numerika; 2. li l-bankarella numru 155 (li qabel kienet l-aħħar bankarella fi Triq it-Teatru l-Antik kantuniera ma’ Triq it-Teżorerija) tibqa’ tarma fejn kienet tarma, minħabba li din il-parti tas-sit kienet komuni għall-mod l-antik u l-mod il-ġdid ta’ kif inhu organizzat il-Monti; u 3. li l-bqija tal-bankarelli jibqgħu jsegwu l-istess ordni numerika minn hemm ‘il quddiem.”

Qormi — Mdina Road

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex tiġi ndirizzata d-diffikulta' serja li hemm għall-ħafna familji u individwi fl-area ta' Mdina Road, Qormi, popolarment magħrufa bħala ta' ħdejn is-Shopwise, minħabba li t-traffic lights li hemm installati f'din il-parti tat-triq huma f'distanza konsiderevolment 'l bogħod mill-bus stop fuq in-naħa l-oħra ta' Mdina Road? Peress li din id-distanza tikkawza problemi b'mod li ħafna jagħżlu li ma jaqsmux minn fuq it-traffic lights u għaldaqstant ir-riskju u l-periklu għal ħajja ta' nies għadu jipprevali, jista' jara li jittieħdu passi biex isiru faċilitajiet ta' ħarsien fil-qsim ta' din it-triq qrib dan il-bus stop, bħala per eżempju, zebra crossing eċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-Awtorita’ tat-Trasport ta’ Malta ser tikkunsidra l-proposta mressqa mill-Onorevoli Nterpellant biex tara jekk huwiex possibli li jinstab post alternattiv għal ‘bus stop’ imsemmija fil-perametri ta’ diżinn u sigurta’ fit-triq.

Town Twinning Meeting

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kemm-il kunsill lokali applika sabiex jibbenefika minn fondi fuq proġetti "Town Twinning Meeting"? Min huma dawk il-kunsilli lokali li bbenefikaw? Kemm ħa fondi kull kunsill lokali ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi peress l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Permess tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għall-permess tal-Pulizija, jekk hemm, tal-ħanut li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Reserved Parking Bays

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux permess li l-kunsill lokali jagħmel reserved parking bays personalizzati fejn ikun hemm numru ta' vettura partikolari u allura tkun tista' tipparkja din il-vettura biss? L-Awtorita' dwar it-Trasport tapprova reserved parking bays personalizzati għall-persuna b'diżabilita' jew il-policy ta' l-ADT hi li r-reserved parking area tkun għall-persuni li huma reġistrati bħala disabled?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-policy ta’ l-Awtorita’ Dwar it-Trasport hi li kull parkeġġ riservat għal persuni b’disabbilita’ jista jintuza minn kull minn għandu Blue Badge tal-persuni b’disabbilita’. L-awtrorita’ ma tapprovax parkeġġi riservati għal persuni b’disabbilita’ li jkunu personalizzati.

SVPR — Admissions board

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri fuq l-admissions board ta' San Vincenz de Paule Residence? Kull meta jiltaqa'? X'inhija l-proċedura li jsegwi biex jiddeċiedi l-każijiet ta' admissions kemm permanentment kif ukoll fuq bażi ta' respite? Min huma l-esperti mediċi, paramediċi u ħaddiema soċjali li jiġu kkonsultati fil-proċess ta' l-admissions f'SVPR mill-bord?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri ta’ l-Admissions Board huma: Is-Sur Saviour Sciberras – Chairperson Dr Frank Bartolo – Superintendent Mediku, Sptar San Luqa Dr Ronald Fiorentino – Superindent, SVPR Is-Sur Remigio Zammit – Department Nursing Manager Is-Sinjura Bernardette Psaila – Social Worker Is-Sinjura Faustina Sammut – Lay Representative Is-Sinjura Jessica Calleja – Segretarja tal-Board Il-Board jiltaqa` regolari darba fil-ġimgħa. Il-Board jara u jeżamina kull applikazzjoni li ssir għad-dħul kemm għall-San Vinċenz kif ukoll għad-djar tal-Gvern. L-applikazzjoni flimkien mas- Social Re port tas- Social Workers fi ħdan d-Dipartiment ta’ l-Anzjani jipprovdu biżżejjed dettal sabiex il- Board ikun jista’ jagħmel deċiżjoni oġġettiva dwar kull każ. Il-Board huwa kompost minn nies ta’ professjonijiet varji li huma kapaċi sabiex jaslu għal deċiżjoni. Meta jkun hemm nuqqas ta’ informazzjoni sabiex il-Board jasal għal deċiżjoni, jiġu nterpellati professjonisti oħrajn minn San Vinċenz u mid-Dipartiment għall-Kura ta’ l-Anzjani kif ukoll tista’ tintalab aktar kjarifika mit-tabib li jkun għamel l-applikazzjoni. Dwar respite admissions teżististi proċedura separata li titmexxa minn tim multi-dixxiplinarju li jagħmel analiżi tal-ħtiġijiet mediċi u soċjali ta’ l-individwu u l-familja tiegħu.

SVPR — Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani direttament fis-swali ta' San Vincenz de Paule Residence mingħajr m'għaddew mill-proċedura segwita mill-admissions board u l-admissions ward matul is-sena 2007?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lll-Onor. Interpellant li n-numru ta' anzjani li daħlu San Vinċenz mingħajr ma kien infurmat il-Board minn qabel, jammontaw għal tlieta min-nies. Dawn daħlu minn St Lukes u l-Board ġie infurmat fl-ewwel laqgħa li kien imiss. Anzjani li daħlu ġewwa San Vinċenz mingħajr ma ddaħlu l-Admissions Ward kienu jammontaw għal għoxtin persuna. Dawn daħlu direttamentġos-swali minħabba li l-Admissions Ward kienet mimlija b'pazjenti li kienu għaddejjin mill-proċess ta' riabilitazzjoni u kien hemm diversi sodod vojta ġewwa s-swali ta' San Vinċenz. L-anzjani kollha li daħlu direttament ġos-swali għaddew mill-istess proċess li jsir fl-Admissions Ward.

Anzjani li daħlu f'xi residenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani f'San Vincenz de Paule Residence, fid-djar ta' l-anzjani fil-komunita' u fis-swal ta' Mount Carmel bejn Jannar u l-aħħar ta' Awissu 2007, xahar b'xahar, minn liema lokalitajiet f'Malta u f'liema residenza intbagħtu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed nehmeż tliet listi b'risposta għal din il-Mistoqsija Parlamentari.