Billi fuq xi stazzjonijiet tat-televiżjoni barranin isiru avviżi pornografiċi, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawn jistgħu jiġu murija minn local service provider skond il-liġi u jekk le, x'passi ħadu l-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-trażmissjonijiet televiżivi huma rregolati b'liġi ad hoc, u ċioe' l-Att tax-Xandir (Kap. 350). Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm instabet droga l-ħabs din is-sena u kemm inqabdu ħabsin taħt l-effett tagħha din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2007 kien hemm 38 okkażjoni meta nstab xi materjal suspettuż ġewwa l-Ħabs. Il-każi kollha jiġu mistħarrġa mill-Pulizija u f'kull każ issir inkjesta Maġisterjali.
Infurmat ukoll li n-numru ta' ħabsin li nqabdu taħt l-effett tad-droga matul l-istess sena kien ta' 112.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal l-Qorti din is-sena u għaliex? X'eta' kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar 2007 sat-31 ta' Diċembru 2007, tressqu b'kollox 61 persuna quddiem il-Qorti tal-Minorenni f'Malta, u ċioe':
Pussess ta' droga 1
Ksur buon ordni, inġurji, ġlied, theddid u kliem oxxen 41
Tlajjar għal Prostituzzjoni 2
Ħsara f'vetturi, ġrieħi ta' natura gravi u sewqan mingħajr liċenzja 5
Dettalji foloz 1
Serq 6
Użu ta' telecom ħażin 2
Depożiti ta' urina f'post pubbliku 2
Żamm ta' arma irregolari 1.
L-informazzjoni dwar il-Qorti f'Għawdex hija s-segwenti:-
Sewqan ta' karozza mingħajr liċenzja u kaġunar
ta' ħsara fuq vetturi ta' terzi 1
Ġlied 10
Ħsara fuq proprjeta' 7
Danni fuq persuna 2
L-eta' tagħhom tvarja bejn it-12 u s-16 il-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-lotterija Super 5 qabżet l-Lm200,000 għal min qata l-ħames numri? Kemm-il darba dan ġara fix-xahar ta' Ġunju u dak ta' Diċembru u f'liema sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tac-CEO ta' l-ADT?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-kuntratt tal-Kap Ezekuttiv tal-ADT ġie ffirmat fil-31 ta’ Awissu 2007. Dan il-kuntratt li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2007 huwa għal perjodu definit ta’ tlett snin li jagħlqu fl-14 ta’ Ottubru 2010. Din il-kariga iġġor magħha salarju ta’ Lm22,000 fis-sena, car allowance ta’ Lm10 kuljum u fuel, użu ta’ telephone u mobile, rifużjoni tal-health insurance premium, u life insurance li tinkludi wkoll il-mara. Barra minn hekk hemm performance bonus li jvarja bejn 0% u 15%.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq jara kopja tal-kuntratt, nista’ nagħmel dan privatament.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 29211 u 29287 u jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni?
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol ta' security fl-isptar Mater Dei ngħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħata u kemm hu stmat li jiswa dan il-kuntratt kull sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-parkeġġ fl-isptar Mater Dei ngħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv lil min ingħata u kemm inkera għal kull sena? Kemm hemm parking slots f'dan il-parkeġġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk x-xogħol ta' maintenance fuq il-bini u l-equipment ta' l-isptar Mater Dei ingħatax lill-kuntratturi privati? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-valur ta' dan il-kuntratt fis-sena u lil min ngħata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min hija u minn min hija komposta l-awtorita' li tat l-clearance li l-Isptar Mater Dei huwa up to standard u safe u li kollox huwa skond ir-regolamenti kif isir fil-każ ta' l-isptarijiet privati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bħala sptar pubbliku, l-isptar Mater Dei mhuwiex suġġett għal ħruġ ta' liċenzja.
Jista' l-Ministru jara li jitneħħa l-wire perikoluż li minnu ħareġ in-nar u liema wire jinstab ħdejn dar ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret jirriżulta li hemm bżonn jinbidlu il-linji b'oħrajn ġodda. Ix-xogħol meħtieġ għandu jsir flimkien ma xogħolijiet oħra simili fil-futur qarib.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna b'diżabilita' rreġistrata mal-KNPD NR 10334 ma tieħu l-ebda għajnuna mill-Gvern?
Tista' tgħid jekk għajnuna taħt sigurta' soċjali hiex marbuta mad-dħul tal-kap tal-familja u tingħatax indipendentement mid-dħul tal-ġenituri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija l-Onor. Interpellant għandu jagħti parir lill-persuna konċernata jew persuna awtorizzata minnha biex tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali tal-lokalita' tagħha jew iċċempel SPIC fuq numru tat-telephone 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajuna meħtieġa.
Ninsab infurmata li fil-każ ta' pensjoni għal persuna b'diżabilita', mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, jiġu kalkulati biss l-assi u d-dħul tal-persuna b'diżabilita. L-assi u d-dħul tal-ġenituri jew ta' l-aħwa li jgħixu flimkien mal-persuna b'diżabilita' ma jiġux ikkalkulati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sajjieda full time li ilhom snin jaqilgħu l-għixien tagħhom billi jistadu bl-apparat tal-arja u l-harpoon ġew mwaqqfin milli jagħmlu dan ix-xogħol li huwa l-mezz ewlieni tal-għixien tagħhom? X'kienu r-raġunijiet li ġegħlu l-MEPA joħroġ avviż S2 425.01? Ma jistgħux almenu joħorġu liċenzji għal dawn is-sajjieda biex ikunu jistgħu ikomplu bix-xogħol tagħhom kif għandhom sajjieda oħra li jkollhom liċenzji apposta għat-tip ta ħut partikolari li jistadu għalih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li r-regolament imsemmi (425.01) jirregola l-attivitá tas-sajd u jaqa' taħt l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Management tas-Sajd. Dan ir-regolament ġie ppublikat għall-ewwel darba fl-1934 u emendat kemm-il darba. Ir-Regolament ta' l-UE 1967/06, li huwa amministrat mill-Veterinary Affairs and Fisheries Division, jipprojbixxi l-użu ta' spear guns flimkien ma' apparat tan-nifs jew aqualungs, kif ukoll jipprojbixxi l-użu ta' l-ispear guns bil-lejl minn inżul ix-xemx sas-sebħ. Din il-projbizzjoni ta’ sajd bil-harpoon u l-arja ġiet inkluża fir-Regolament ta’ UE 1967/06 ippubblikat f’Novembru 2006 għaliex dan it-tip ta’ sajd kien sforz kbir fuq is-sikek kollha madwar il-kosta fil-Mediterran kollu. Din il-projbizzjoni hija att ta’ konservazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li l-yellow lineli hemm quddiem ir-residenza, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jitneħħa biex b'hekk tintlaqa' t-talba li ilha ssir għal dawn l-aħħar sena u nofs? Minkejja li kellmu lill-kunsill lokali, lill-ADT, lill-Ombudsman u lill-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma sar xejn.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li ġej:
· Hemm każ H0209 li qed jiġi nvestigat mill-Ombudsman rigward dawn il-linji sofor li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.
· It-taqsima għaddiet l-informażżjoni kif mitluba mill-Ombudsman bid-data 22 ta’ Novembru 2007, fejn tinfurmah li tali linji sofor ma kienux approvati mit-taqsima.
·
Acknowlegement
mibgħuta mill-uffiċju ta’ l-Ombudsman bid-data 26 ta’ Novembru 2007.
·
Sal-lum
it-taqsima ghadha qed tistenna lill-uffiċju ta’ l-Ombudsman jikkonkludi dan il-kaz.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ma jiġux aktar intavolati, quddiem l-Qorti ta' l-Appelli Kriminali f'Għawdex, appelli mill-Avukat Ġenerali li jkunu nulli għaliex saru fuori termini?
Jaf li fis-seduta 4.1.2008 quddiem il-Qorti ta' l-Appelli Kriminali f'Għawdex, ippreseduta mill-Prim Imħallef Dr Vincent Degaetano, mhux anqas minn tlett appelli ġew dikjarati nulli minħabba li n-nota ta' l-appell tal-Kummissarju tal-Pulizija ġiet ippreżentata tardivament. Dan kollu qed jaħli l-ħin prezzjuż tal-Qorti u inkonvenjent lill-applikant li jitla' l-Qorti inutilment.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Avukat Ġenerali jaf bil-każijiet imsemmija u ħa l-miżuri li seta jieħu biex jiġi evitat dak li ġara. Iżda jiena ma għandi ebda setgħa li ninterferixxi fl-operat ta' l-Avukat Ġenerali f'din il-materja, peress li dan ikun imur kontra l-artikolu 91(3) tal-Kostituzzjoni li jipprovdi li f'materja bħal din "l-Avukat Ġenerali ma jkunx suġġett għad-direzzjoni jew kontroll ta' ebda persuna jew awtorita' oħra".