Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #3467 Sitting 82 2003-12-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti li qed isegwu l-kors ta' B.Ed.

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti li bħalissa qegħdin jagħmlu l-kors ta' B.Ed.? Jista' jagħti n-numri għal kull sena tal-kors u jgħid kemm minnhom huma ġuvintur u kemm minnhom huma bniet? Kemm huma mistennija li jiggradwaw fl-aħħar ta' din is-sena akkademika?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #3468 Sitting 82 2003-12-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti li ggradwaw mill-kors B.Ed.

Question

Jista' il-Ministru jgħid, peress li hemm numru kbir li ggradwaw mill-kors tal-B.Ed. u li ma sabux jaħdmu, jekk jingħatawx parir meta japplikaw għal dan il-kors li jkun diffiċli għalihom li jsibu x-xogħol meta jtemmu l-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li id-Dekan tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni sikwit ikun mistieden mill-amministraturi ta' istituzzjonijiet post-sekondarji biex jitħaddet dwar il-kors tal-B.Ed (Hons). F'dawn il-laqgħat l-istudenti jingħataw indikazzjonijiet ċari u preċiżi dwar il-prospetti ta' xogħol fi tmiem il-kors.

Pulizija — Ħlas ta' extra duty

Question

Jista' il-Ministru jgħid illum kemm hemm kumpanniji/għaqdiet/azjendi li għandhom jagħtu flus lill-pulizija għaliex ikun sar xogħol extra? X'inhu l-ammont f'kull każ u jgħid kemm ilha outstanding kull figura? Jista' jgħid ukoll jekk u kontra min ittieħdu passi biex jinġabru flus f'dawn l-aħħar 12-il xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta` flus li għad irid jitħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għall-extra duty maħdum fuq talba ta` terzi huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Peress li, kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, dan is-servizz isir fuq talba ta` terzi, sabiex isir il-ħlas lill-membri tal-Korp l-ammont dovut irid l-ewwel jinġabar minn għand min ikun għamel it-talba. Infurmat ukoll illi qed isir kull sforz sabiex dan l-ammont dovut jinġabar u jitħallas lill-membri tal-Korp.

Pulizija — Ħlas ta' extra duty

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta kumpannija/għaqda, eċċ. iddum ma tħallas il-flus dovuti għal xogħol extra lij kun sar mill-pulizija, jiġix ikkonsidrat li meta jintalab li xogħol simili jkompli jsir dan ma jingħatax? Kemm-il darba ġara dan f'dawn l-aħħar 12-il xahar? Liema kienu l-kumpanniji/għaqdiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm ċirkostanzi kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Mużewijiet/siti storiċi — Xogħol ta' restawr

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3310 u cioe' in-nefqa kapitali ta' Lm330,000 vvutata għal titjib fil-mużewijiet, siti storiċi u xogħlijiet ta' restawr, kif mistennija li tintnefaq fis-sena 2004?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in-nefqa kapitali ta' Lm330,000 vvutata ghal titjib fil-mużewijiet, siti storiċi u xogħlijiet ta restawr mistennija tintefaq kif ġej: Mużew Nazzjonali ta' l-Arkeoloġija Lm 68,555 Għar Dalam Lm 2,000 Mużew Marittimu Lm 61,000 Museum of Fine Arts Lm 46.945 Military History Unit Lm 13,500 Inquisitor's Palace Lm 56,000 Natural History Museum Lm 12,500 Siti Arkeoloġiċi Lm 45,000 Museum of Roman Antiquities Lm 2,500 Heritage Malta Offices Lm 10,000 Gozo Sites Lm 10,000 Auberge de France Lm 2,000

Djar — Appartament okkupat minn persuna li qed tiskonta sentenza ta' ħabs

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3340, jistgħu l-awtoritajiet konċernati jaraw x'użu qed isir mill-appartament imsemmi biex jiżguraw li mhux qed jiġi abbużat mill-iskop oriġinali li għalih ġie allokat u jekk hux jintuża għall-affarijiet illegali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saru mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, mhux qed isir l-ebda abbuż minn dan l-appartament.

Mdina — Xogħol fuq is-swar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3313 li oriġinarjament saret lill-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandu l-ministeru għas-sena 2004 għax-xogħol meħtieġ li jrid isir fuq is-swar ta' l-Imdina bejn Palazzo Vilhena u x-Xara Palace Hotel li skond l-aħħar studju ta' l-Universita' ta' Bologna jinsabu fil-periklu li jċedu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu maħsub li matul l-2004 titħejja sejħa għall-offerti biex lejn l-aħħar tas-sena ikun jista' jinbeda x-xogħol ta' konsolidament meħtieġ fiż-żona ta' bejn il-Palazz ta' Vilhena u x-Xara Palace Hotel.

Uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika — Deficit

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3370 u cioe' Meta skond l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika d-deficit strutturali qabel il-Lm139 miljun sa l-aħħar ta' Ottubru 2003, jista' jgħid liema sorsi ta' dħul se jagħlqu d-deficit għal Lm108 sa l-aħħar tas-sena 2003 kif bassar il-Ministru fid-diskors tiegħu tal-budget?

Response (DALLI, JOHN)

Jekk l-Onorevoli membru jqabbel l-estimi pubblikati mad-diskors tal-Budget ma' l-istatistka li qed jirreferi għaliha faċilment jara s-sorsi ta' dħul mistennija fl-aħħar xahrejn.

Bdiewa — Sussidju

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3371 u cioe' jekk saritx xi wegħda bil-miktub mis-segretarju permanenti fil-ministeru qabel l-aħħar elezzjoni lill-organizzazzjoni tal-bdiewa li s-sussidju tal-gvern fuq in-nofs bolla tal-bdiewa kellu jitneħħa wara li tiddaħħal skema ta' assikurazzjoni mfassla mill-APS Bank? Jista' il-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għall-iskema ta' assikurazzjoni u jgħid fejn wasal ix-xogħol relatat mad-dħul tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Membru huwa mistieden jinnota id-diskors tiegħi waqt l-Estimi tal-Ministeru fuq dan is-suġġett.

Mosta — Ċentru ta' l-anzjani - anzjan residenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jinsab fiċ-ċentru ta' l-anzjani fi Triq id-Dawr, Mosta mhux qed jaqbad bħala ħlas dovut lilu b'mod regolari peress li fil-fatt ġieli jaqbad Lm5, ġieli jaqbad Lm9 u xi kultant ma jaqbad xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Leg 10 PQ #3517 Sitting 82 2003-12-15 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola ta' l-Imtarfa — Studenti li jbatu mid-dyslexia

Question

Jista' il-Ministru jispjega għaliex tfal li jbatu mid-dyslexia fl-iskola ta' l-Imtarfa m'għandhomx għajnuna kontinwa u regolari fl-istess skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tfal li jbatu mid-dyslexia jingħataw l-ewwel appoġġ mill-għalliema tagħhom iggwidati mit-Taqsima ta' Specific Learning Difficulties skond il-bżonn meħtieg. L-iskola ta' l-Imtarfa kienet waħda mill-iskejjel inkluż fi proġett li kien jitlob li għalliema mill-Ispecific Learning Difficulties Unit iżuru lill-iskola aktar spiss. Infatti minn Ottubru l'hawn f'din l-iskola saru ħames żjarat.

Prodotti ta' l-ikel — Importazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-prodotti li ma nipproduċux lokalment u jekk hux se jkollhom protezzjoni ta' kwota meta jiġu impurtati wara April tas-sena d-dieħla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Prodotti ta' l-ikel — Importazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-prodotti li ma nipproduċux lokalment u jekk hux se jkollhom protezzjoni ta' special safeguards meta jiġu impurtati wara April tas-sena d-dieħla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Grading tal-bajd frisk

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li se jiswa l-investiment tal-grading tal-bajd frisk? Meta se jibdew ix-xogħlijiet? Meta se jitlestew? Min se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-grading tal-bajd irid isir mill-produttur privat, u għalhekk ma tistax tingħata xi ċifra ta' flus konkreta peress li din tvarja skond il-kobor ta' kull farm li jkun ser jidħol għal dan ix-xogħol.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Każi ta' serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3143 u cioe' jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq fid-dipartimenti, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru mill-perjodu ta' Jannar sal-lum? X'passi ttieħdu u x'kienu l-oġġetti misruqa u x'valur kellhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Produzzjoni ta' bajd frisk

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-bajd frisk f'Malta u kemm kienet f'Għawdex separatament din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-produzzjoni ta’ bajd frisk f’ Malta għas-sena 2003 kienet tlaħħaq għall-ammont ta’ 139,113,009 bajda, jew 11,592,750.75 tużżani. L-ammont indikat huwa maħdum fuq il-claims għas-sussidju li saru fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Novembru 2003.

Pulizija — Rapporti dwar każi ta' prostituzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel ħdax-il xahar ta’ l-2003 kemm kien hemm każi ta' prostituzzjoni xahar b'xahar? Dawn kienu kollha nisa? Jista' jgħid kemm kienu l-iżgħar nisa u/jew irġiel li ġew irrapportati minħabba prostituzzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każi konnessi ma` prostituzzjoni li tressqu quddiem il-Qorti bejn Jannar u Novembru 2003 kienu kif ġej:- Jannar 21 Mejju 19 Settembru 1 Frar 3 Ġunju 16 Ottubru 40 Marzu 8 Lulju 6 Novembru 4 April 11 Awissu 4 B`kollox f`dawn il-każi kienu jinkwadraw 45 persuna, peress li wħud minnhom tressqu diversi drabi. Minn dawn 36 kienu nisa. L-iżgħar fosthom kien raġel ta` 18-il sena.

Postijiet ta' divertiment — Tfal taħt l-eta'

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm kien hemm tfal taħt is-16-il sena li fl-ewwel 11-il xahar tas-sena nstabu f' postijiet ta' divertiment/bars, etc? Kemm minn dawn kienu barranin? Jista' jagħti l-figuri għal Għawdex separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru 2003 kien hemm 35 persuna taħt is-sittax-il sena li nstabu mill-Pulizija f`postijiet ta` divertiment f`Malta. Minn dawn ma kienx hemm barranin.