Jista' il-Ministru jgħid xi tkun il-pożizzjoni ta' l-imprendituri lokali meta s-sussidju pprovdut għall-konsenja taċ-cheddar cheese skond l-ispecial temporary state aid to support processors and recognised retailers of imported products jirriżulta li spiċċa l-vot tiegħu, minkejja li t-tunnellaġġ in kwestjoni ma jkunx inqabeż u cioe' ikun għad baqa' importazzjoni xi ssir skond it-tunnellaġġ miftiehem bejn il-gvern u l-Unjoni ewropea sabiex iservi għad-domanda ta' pajjiżna?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3413.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 3312, jista' il-Ministru jgħid fiex se jintnefqu l-Lm65,000 fuq l-iżvilupp tal-Forti Sant'Iermu? Għal liema żvilupp qed jirreferi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Forti Sant Iermu qiegħed fi stat li għandu bżonn ta' riabilitazzjoni kbira u li meta din issir ikun qiegħed jintuża ghal xi skop speċifiku li jagħmel ġieħ lill-post. L-ispejjeż biex dan isir huma kbar u il-Ministeru tiegħi qiegħed jesplora il-possibilitajiet kollha biex dan ikun jista' jsir anke' b'parteċipazzjoni tal-privat. Jidher li hemm potenzjal kbir biex Sant Iermu jsir ċentru ta' attivita kemm kulturali, turistika u kummerċjali.
L-ewwel ħaġa li trid issir hija li n-nies li jibnu il-karrijiet tal-karnival, li huma l-uniċi nies li huma awtorizzati li jagħmlu użu min partijiet min din il-Forti, jingħatalhom post alternattiv biex ikunu jistgħu ikomplu l-attvitajiet tagħhom. Dan huwa dak li s'issa issejjaħ bħala "Carnival Village". Il-flus li hemm ivvutati għall-2004, se jintużaw biex imexxu din l-ewwel fażi ta' dan il-proġett u jsiru l-istudji neċessarji.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 3312, jista' il-Ministru jgħid fiex se tonfoq Lm70,000 is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Malti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-Vot XIV Kapitali għas-sena 2004, s-Sovrintendenza tal-Patrimonju għandha allokazzjoni ta’ Lm 70,000 għall-iżvilupp tal-‘Cultural Heritage Information Management System’ (CHIMS).
L-iżvilupp ta’ dan progett huwa obbligu taħt l-ATT DWAR IL-PATRIMONJU KULTURALI. Din il-ligi titlogħob illi s-Sovrintendenza tistabbilixxi u tamministra inventarju nazzjonali ta’ dik il-proprjetà kulturali li tkun tappartjeni:
(i) lill-Istat jew istituzzjonijiet ta’ l-Istat,
(ii) lill-Knisja Kattolika u lil denominazzjonijiet religjużi oħra,
(iii) lil Fondazzjonijiet stabbiliti f’dawn il-gżejjer,
(iv) lil persuni fiżici u guridici meta l-proprjetà kulturali tkun saret accessibbli għall-pubbliku,
jew meta dawk il-persuni jkunu taw il-kunsens tagħhom għal dak l-għan.
Fiż-żminijiet tal-lum, fejn it-teknologija tal-informatika saret indispensabbli, gie deciz b’mod ovvju, illi l-inventarju nazzjonali isir mhux biss fuq skedatura tal-karta b’mod konvenzjonali, imma anki f’forma elettronika.
Wieħed irid jgħid hawnhekk illi ma’ tul l-2003 is-Sovrintendenza għamlet Systems Analysis tal-progett u tlesta ukoll Request For Information (RFI) bl-għajnuna tal-MITTS. Dan l-RFI kien ippubblikat u huwa posted ukoll fuq il-website tas-Sovrintendenza.
Dan il-progett ser sir skond livelli industrjali ta’ teknologija tal-informatika, standards tac-CIMU, kif ukoll skond livelli internazzjonali (UNESCO, Kunsil ta’ l-Ewropa, ecc) ta’ inventarji li jirrigwardjaw il-wirt kulturali.
Biex l-inventarju nazzjonali isir għodda importanti u effettiva għal-ħarsien tal-wirt kulturali, l-kontenut tal-inventarju irid ikun aggornat permezz ta’ ricerka kontinwa u eżercizju ta’ gbir ta’ informazzjoni fuq bażi regolari. Dan l-aggornament regolari għandu jkun iffinanzjat għax huwa fil-fatt parti mill-core functions tas-Sovrintendenza, hekk kif jitlogħob l-ATT Dwar il-Patrimonju Kulturali.
Dan l-Att jitlogħob ukoll illi meta jidhrilha xieraq, s-Sovrintendenza tippubblika l-inventarju fl-interess tal-pubbliku.
Jista' il-Ministru jgħid fejn se jintbagħtu jaħdmu l-impjegati tal-MDC li mhux se jinżammu mill-Malta Enterprise?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li peress li għadna għaddejjin bil-proċess tar-recruitment, għadu kmieni sabiex nagħti risposta għal din id-domanda.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3311 u cioe' jista' jgħid fuqhiex intnefqet il-Lm550,000 ta' somma kapitali vvutata għas-sena 2003 għal titjib fil-mużewijiet, siti storiċi u xogħlijiet ta' restawr?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li is-somma kapitali ta' Lm 550,000 vvutata għas-sena 2003 għal titjieb fil-mużewijiet, siti storiċi u xogħlijiet ta' restawr, intnefqet fuq:
Il-Mużew Nazzjonali ta' l-Arkeoloġija
Hypogeum
Mużew Marittimu
Fine Arts Museum
Siti Arkeoloġici
Ethnography Museum - Inquisitor's Palace
Military History Unit
Vilhena
Museum of Roman Antiquities
Għar Dalam
Tempji Neolitiċi ta' Ħal Tarxien
Konservazzoni tat-Tempji Megalitiċi
Head Office - Heritage Malta
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tal-kuntratturi li ġew short listed għax-xogħol li jrid isir fuq it-toroq bil-fondi tal-Protokol Taljan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kuntratturi mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta li diġa' uriet interess f'mod limitat li tgħin fir-rikostruzzjoni ta' l-Iraq hijiex wieħed mill-pajjiżi li skond l-Istati Uniti ma jistgħux jieħdu sehem f'dawn il-pjani ta' rikostruzzjoni? Il-pożizzjoni ta' Malta ġiet meqjusa bħala favur jew kontra l-gwerra fl-Iraq?
Response (BORG, JOE)
Id-Dipartiment tad-Difiża ta' l-Istati Uniti ħareġ direttivi dwar l-għoti ta' "kuntratti primarji" għar-rikostruzzjoni ta' l-Iraq fil-5 ta' Diċembru 2003.
Il-Gvern Amerikan ħareġ ukoll lista ta' 63 pajjiż li l-kumpaniji tagħhom jistgħu jikkompetu għal dawn il-"kuntratti primarji". Dawn il-pajjiżi huma l-Istati Uniti, l-Iraq, l-imsieħba fil-Koalizzjoni u dawk li bagħtu qawwiet biex iżommu s-sigurta' fl-Iraq. Il-Gvern Amerikan għamilha ċara li l-kumpaniji li jieħdu dawn il-"kuntratti primarji" għandhom il-liberta' kollha li jagħtu sottokuntratti lil kumpaniji minn kwalunkwe pajjiż.
Malta la hi msieħba fil-Koalizjoni u lanqas ma bagħtet qawwiet biex iżommu is-sigurta' fl-Iraq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ambaxxati li daħlu fi ftehim mal-MITTS għall-provvediment tal-LAN Requirements sabiex jiġu kkonnettjati mal-IT network tal-gvern?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 10 ambaxxati u uffiċċji Konsolari li huma mqabbdin mas-sistema tal-Gvern magħrufa bħala MAGNET. Dawn huma: Toronto, Washington, New York, Ruma, Brussel, Pariġi, Stockholm, Berlin, Londra u Madrid. Il-kuntratt dwar din il-linja ta' komunikazzjoni huwa bejn il-MITTS Ltd u il-Ministeru, u mhux l-ambaxxati individwalment.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa kapitali li saret fuq it-toroq matul din is-sena? Jista' jagħti breakdown ta' din in-nefqa skond it-triq li ntnefqu fuqhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi peress li issa wasalna fl-aħħar tas-sena u l-accounts tad-diversi voti tat-toroq ikunu qed jingħalqu bil-konsegwanza li l-pagamenti li jkunu qedgħin jiġu pproċessati ma' jkunux jistaw jirrefletu n-nefqa anwali, l-informazzjoni mitluba tkun tista tingħata wara l-għeluq ta' dawn l-accounts fl-aħħar tas-sena u reconciliation exercise li jsir mad-Dipartiment tat-Teżor.
Jogħġbu l-Ministru jinformani x'qiegħed iżomm ix-xogħol ta' asfaltar fl-area ta' Xlejli fil-Gudja li jibda wara li l-kuntratt ta' għoti ta' fondi mill-awtorita' tat-trasport ġie ffirmat mill-kunsill lokali tal-Gudja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hija ntenzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Gudja li t-tender għax-xogħol ta' rikostruzzjoni tat-toroq fl-area ta' Xlejli, tkun tinkludi wkoll tħaffir u bini ta' ġibjun għal ilma tax-xita li jinġabar fl-inħawi. Għaldaqstant filwaqt li tqabbad kuntrattur biex jagħmel site investigation sabiex jiġi stabilit x'tip ta' ġibjun għandu jsir, huwa l-ħsieb tal-Kunsill Lokali illi hekk kif dan jiġi stabilit, toħroġ tender waħda kemm għar-rikostruzzjoni tat-toroq kif ukoll għal bini tal-ġibjun.
Jista' il-Prim Ministru jagħti l-persentaġġi ta' dawk bejn it-18 u l-25 sena li kienu eliġibbli biex jivvutaw u li vvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li saru fis-snin 2000, 2001 u 2002? Jista' jagħti din l-informazzjoni għal kull lokalita' separatament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-istatistika ta’ kemm ivvutaw nies ta’ bejn it-18 u l-25 sena fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ma tistax tinġabar u għalhekk ma jistgħux jinħadmu persentaġġi.
(Tweġiba mogħtija: 16/12/2003PM)
(Seduta Numru: 84)
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-fringe benefits li jingħataw lid-diretturi fuq il-bord ta' l-ETC?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ir-remunerazzjoni taċ-Chairman, Deputy Chairman u d-Diretturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (E.T.C.) hi Lm 6000, Lm 1200 u Lm 1200 rispettivament. Iċ-Chairman għandu l-użu ta' karozza, telefon ċellulari, l-użu ta' Personal Computer u l-ġurnali lokali. Id-Deputy Chairman għandu allowance għall-petrol.
Jista' il-Ministru jispjega dak li ssemma fid-diskors tal-budget dwar E-learning u minn fejn se jittieħdu l-fondi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li e-learning huwa programm ta' l-Ewropa biex l-ICT jiġi integrat b'mod effettiv fit-tagħlim u taħriġ (2004-2006).
Għaldaqstant il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni bena infrastruttura ta' networking fl-iskejjel kollha ta' l-istat, kemm primarji kif ukoll sekondarji. Il-computer student ratio fl-iskejjel primarji u sekondarji huwa fil-fatt wieħed mill-aktar għoli fl-Ewropa.
Barra minn hekk fis-sena 2001 il-Gvern nieda proġett ta' erba' snin biex fl-iskejjel kollha jiddaħħal il-broadband internet. F'dan il-proġett il-Gvern se jkun investa Lm1,200.000 biex b'hekk il-computers kollha fl-iskejjel ikunu networked u jkollhom il-faċilita' ta' l-internet.
Informat ukoll li id-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti minn Ottubru 2003 beda programm ta' e-learning fil-Fiżika li jwassal sal-livell ta' SEC.
Dan il-programm jikkonsisti minn 30 lezzjoni fuq l-internet. Il-kors jinkludi wkoll xogħol dwar it-topic li jkun qed jiġi studjat. Dan ix-xogħol jiġi immarkat minn tutor. Kull korrispondenza issir bl-e-mail. Dawk kollha li jieħdu l-kors għandhom l-opportunita' li darba kull xahar jiltaqgħu mat-tutur personalment. Biex jikkumplimenta dan il-kors (imma mhux meħtieġ għall-finijiet tal-kors) ġew iffilmjati tletin programm li qed jintwerew fuq Channel 22.
Il-ħlas għall-kors kollu huwa ta' Lm25.00.
Bl-Għajnuna ta' l-ITS għadu kif beda jiġi mhejji kors elemtari fil-Ġermaniż. Dan il-kors se jiffoka fuq l-industrija turistika.
Hemm il-ħsieb li jsiru żewġ korsijiet oħra fil-Matematika u fil-Malti għall-livell ta' SEC.
Il-fondi biex jitħallsu l-għalliema u l-materjal meħtieġ jittieħdu mill-fondi tad-Dipartiment ta'-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti.
Minħabba l-istat perikoluż li jinsab fih il-palazz Vilhena fl-Imdina, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx bini tal-privat li huwa wkoll fi stat ta' periklu direttament minħabba f'hekk? Liema bini hu? Min huma s-sidien? Saret xi konsultazzjoni bejn il-gvern u s-sidien?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tidħol fis-seħħ f'pajjiżna s-savings directive ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid fil-qosor x'inhuma l-obbligi ta' pajjiżna biex jimxi skond din id-direttiva?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond is-Savings Directive l-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi mad-direttiva qabel l-1 ta’ Jannar, 2004. Malta għandha tkun Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropeja fl-1 ta’ Mejju 2004 u għalhekk irid jkollha l-leġislazzjoni neċessarja fis-seħħ sa dik id-data. Skond l-artiklu 9 tad-direttiva Malta ikollha l-obbligu li tikkomunika informazzjoni fuq pagamenti ta’ interessi ma' l-Istat Membru li fih ikun residenti is-sid benefiċċjarju ta’ l-imsemmi pagament ta’ interessi. L-informazzjoni trid tingħata fi żmien sitt xhur mill-għeluq tas-sena li fiha ikun sar il-pagament ta’ l-interessi.
Jista' il-Ministru jgħid meta hi mistennija li se tibda taħdem il-paying agency fil-qasam tal-biedja u x'se jkun l-involviment tal-banek lokali fiha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Aġenzija tal-Pagamenti diġa' teżisti bħala entita' u bħalissa qed isiru t-tħejjijiet biex mas-sħubija ta' Malta tkun f' pożizzjoni li tawtorizza u tħallas permezz ta' bank jew banek kummerċjali. Għal dan il-għan inħarġet tender biex jingħazel bank jew grupp ta' banek li ser jeffettwaw il-pagamenti lill-bdiewa u dan skond ir-regoli ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru main renewals u estensjonijiet ta' mains ta' l-ilma mill-WSC matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Jista' jagħti breakdown ta' dawn ix-xogħlijiet skond il-lokalita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.