Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parmalat

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti ma' l-awtoritajiet Maltin min-naħa ta' l-investigaturi li qed jindagaw dwar il-miljuni ta' Euros li sparixxew mill-fondi tal-Parmalat? Il-Gvern iddetermina x'kien l-estent ta' l-involviment ta' kumpanniji rreġistrati Maltin fis-servizzi finanzjarji f'dan kollu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi l-awtoritajiet relevanti Maltin mill-bidu nett li bdew ħerġin aħbarijiet fil-media internazzjonali dwar il-problemi tal Grupp Parmalat, inizjaw il-verifiki meħtieġa dwar soċjetajiet reġistrati Malta li setgħu kellhom x'jaqsmu ma' dan il-Grupp li bħalissa jinsab tant fl-aħbarijiet. B'dan il-mod, l-awtoritajiet u l-gvern Malti ikunu f'posizzjoni li jieħdu il-miżuri u l-azzjonijiet li tippermettilhom il-liġi. M'inix f'posizzjoni li niżvela jekk u liema awtoritajiet esteri għamlu kuntatt ma' l-awtoritajiet Maltin, u din minħabba esiġenzi ta' kunfidenzjalita'. Bl-informazzjoni miġbura sa issa, jirriżulta li dawn il-kumpanniji preżenti f'Malta kienu entitajiet kummerċjali normali li ma kienux jeħtieġu liċenzja speċjali mill-MFSA bħala regulatur tas-settur finanzjarju. Jien qiegħed niġi miżmum aġġornat bil-verifiki li qegħdin isiru u bir-riżultati relattivi. Nista' nikkonferma illi l-indaġni għadhom sejrin.
Leg 10 PQ #3625 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Uffiċjal għoli tal-pulizija — Vetturi nvoluti f'inċident tat-traffiku

Question

B'riferenza għar-rapport li deher fil-ġurnal l-Orizzont tas-Sibt, 3 ta' Jannar 2004 a fol. 2 ta' l-istess ġurnal taħt it-titlu "Uffiċjal għoli tal-pulizija jħassar xhieda ta' ħabta", jista' il-Ministru jiċħad jew jikkonferma li tali inċident awtomobilisitku seħħ verament? Jista' jikkonferma li assistent kummissarju tal-pulizija ordna sabiex waħda mill-vetturi nvoluta fl-inċident titneħħa minn nofs qabel il-pulizija tad-distrett waslu fuq il-post u setgħu jagħmlu sketch? Jista' jgħid jekk il-każ hux qed jiġi nvestigat internament mill-korp tal-pulizija? Jekk saru investigazzjonijiet, x'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant seħħ f`arterja prinċipali u kien qed jikkawża ostakolu għall-vetturi oħra. Peress li f`dan l-inċident ma kien weġġa` ħadd, waħda mill-vetturi ġiet imneħħija minn fejn kienet sabiex it-traffiku l-ieħor li kien qed jiġi ostakolat, ikun jista` jgħaddi mingħajr aktar dewmien. Il-proċedura normalment użata hija li l-vetturi involuti f`inċidenti tat-traffiku ma jitneħħewx mill-post tal-aċċident qabel ma jsir l-isketch. Pero` f`każi eċċezzjonali, fejn ma jkunx hemm persuni mweġġa` serjament u tali vetturi jkunu qed jostakolaw il-kumplament tat-traffiku f`arterji prinċipali, m`hemm xejn irregolari li dawn jitneħħew mill-post tal-aċċident. Fil-fatt fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, fuq ordni ta` uffiċjal tal-Pulizija, waħda mill-karozzi ġiet imneħħija sabiex il-kumplament tat-traffiku ikun jista` jgħaddi mingħajr aktar xkiel. Infurmat ukoll illi r-rapport u l-isketch ta` din il-kolliżjoni sar xorta waħda, peress li karozza minnhom ma kienetx tneħħiet minn fuq il-post tal-aċċident.
Leg 10 PQ #3626 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — Rapporti dwar reati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Novembru 2003? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Novembru 2003?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Ottubru 2003 kien hemm 353 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Leg 10 PQ #3627 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — Rapporti dwar serq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Novembru 2003? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Novembru 2003?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3385. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta` Novembru 2003, il-Pulizija solviet 55 każ ta` serq.
Leg 10 PQ #3628 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — Rapporti dwar reati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Diċembru 2003? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Diċembru 2003?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Diċembru 2003 kien hemm 275 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Leg 10 PQ #3629 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — Rapporti dwar serq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Diċembru 2003? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Diċembru 2003?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Diċembru 2003 il-każi ta` serq li ġew irrappurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 36 każ ta` serq.
Leg 10 PQ #3630 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Parmalat

Question

B'riferenza għall-iskandlu tal-Parmalat ġo l-Italja, jista' il-Ministru jgħid f'liema investigazzjonijiet qegħdin jiffiguraw ismijiet ta' kumpanniji off shore reġistrati f'pajjiżna kif ukoll ismijiet ta' ċittadini Maltin li joperaw dawn il-kumpanniji? Jista' jgħid jekk hux qegħdin jiġu nvestigati kumpanniji offshore reġistrati f'Malta kif ukoll ċittadini Maltin in konnessjoni ma' dan l-iskandlu? Jekk iva, jista' jgħid jekk dawn l-investigazzjonijiet humiex jitmexxew mill-kummissarju tal-pulizija fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba mingħand awtoritajiet esteri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s`issa l-Pulizija Maltija ma kellha ebda talba għall-assistenza mill-Awtoritajiet barranin dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #3632 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk l-awtorita' tat-turiżmu mill-1 ta' Ottubru 2003 'il hawn impjegatx xi nies ġodda magħha u jekk fl-affermattiv, kemm? Kienhemm xi nies li spiċċaw mix-xogħol mill-Malta tourism authority u dan mill-1 ta' Ottubru 2003 ukoll?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-impjegati ġodda / li spiċċaw mix-xogħol mill Malta Tourism Authority mill 1 ta' Ottubru, 2003 sa' llum huwa kif ġej: Ħamsa (5) Ġodda Tnejn (2) Spiċċaw mix-xogħol.

Low cost air lines/charters

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk mill-1 ta' Mejju nies Maltin li l-vjaġġ tagħhom jibda minn Malta, ikunu jistgħu jagħmlu użu minn airlines li huma low cost jew charters, kemm bl-AirMalta jew b'airlines barranin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fl-ewwel ta' Mejju 2004 Malta taddotta r-Regolamenti ta' l-Unjoni Ewropeja magħrufa bħala it-Third Package. Dan ifisser illi kull airline stabbilita f'pajjiż tal-EU, inkluż allura anke dawk Maltin, jistgħu joperaw minn Malta għal kull ajruport/belt fl-EU bi dritt. Naturalment dan ma jkunx possibli għal kull ajruport minħabba limitazzjonijiet tekniċi u ta' kapaċita' (slots). Ta' min wieħed jgħid illi l-low cost carriers li prinċipalment ġew stabbiliti fl-Ingilterra, l-Irlanda u l-Germanja anke llum jistgħu joperaw għal Malta taħt l-air service agreements li jeżistu bejn Malta u dawn il-pajjiżi. Wara l-ewwel ta' Mejju dawn it-tip ta' airlines jistgħu jibdew joperaw minn Malta għal kull pajjiż ieħor tal-EU. Jekk dawn il-low cost carriers jibdew jaħdmu f'Malta, il-Maltin jistgħu jagħmlu użu minnhom. Anke fir-rigward taċ-charter flights, ta' min jgħid illi mill-ewwel ta' Mejju l-Maltin ikunu jistgħu jibdew jixtru seats fuq dawn it-titjiriet.

Gżira — Triq Luqa Briffa - kwalita' ta' ilma

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex jiġi nvestigat il-kwalita' ta' ilma bis-sadid li qed jirċievu wħud mir-residenti ta' Triq Luqa Briffa, fil-Gżira? Jista' jara wkoll li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex il-kwalita' ta' ilma li tasal għand dawn ir-residenti tiġi mtejba u tkun bla sadid?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-problema ta' ilma bis-sadid fi Triq Luqa Briffa fil-Gżira kienet kaġunata minn xogħol konness ma proġett li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet qiegħda twettaq fi Triq San Albertu, Gżira biex titjieb id-distribuzzjoni ta' l-ilma fl-inħawi. Waqt li kien qed isir dan ix-xogħol, kien hemm bżonn li l-provista ta' l-ilma ta' dan il-lokal tkun sospiża għal bosta drabi, u kull darba li l-provista marret lura għan-normal, l-ilma beda jkun bis-sadia għal xi ħin. Dan ġara l-aktar f'Novembru tas-sena l-oħra. Darba tlesta l-proġett, din il-problema spiċċat.

Gżira — Triq Luqa Briffa - Vetturi mitluqa

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex karozzi li hemm mitluqa f'għalqa fi Triq Luqa Briffa, fil-Gżira jiġu mneħħija peress li qed ikunu ta' ostakolu, periklu u anke qed jintuża għall-abbuż tad-droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi msemmija mill-Onorevoli Interpellant m`huma jikkawżaw ebda ostakolu għat-traffiku. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tintraċċa lil sid din l-għalqa sabiex ineħħi dawn il-vetturi u jinbena reċint.

Dipartiment tat-toroq — Każ bil-file No. RD85/2000

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2460 u cioe' jista' il-Ministru jgħid meta se jsir il-ħlas dovut fil-każ RD85/2000?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 2460.

MEPA — Każ bil-file No. HAV/3/2003

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2463 u 2687, jista' il-Ministru jgħid jekk itteħditx azzjoni diretta sabiex il-MEPA tgħaddi hi stess biex tneħħi l-irregolaritajiet li qed iżommu milli jiġi stallat il-lift? Jekk dan għadu ma seħħx, tista' il-MEPA toħroġ il-permess li jsir il-lift bil-kondizzjoni li l-lift jintuża biss (peress li jsir b'mod li jkun jissakkar) minn dawk ir-residenti li huma regolarizzati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għada ma neħħitx l-illegalita’ li hemm minħabba li l-lista għal azzjopni diretta hija twila. Skond l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, l-Awtorità ma tistax tawtorizza l-iżvilupp propost permezz ta' notifika taħt l-Avviz Legali 126 ta' l-2001 (bħal ma hi DN 598/03) ladarba jkun hemm żvilupp illegali fuq is-sit. Il-proposta indikata fil-mistoqsija tista' biss titqies skond il-merti tagħha jekk issir full development permit application.
Leg 10 PQ #3638 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors tal-mediċina

Question

Jista' il-Ministru jara li jinstab xi rimedju biex studenti li jkunu jridu jidħlu fil-kors tal-mediċina u jkunu ġabu l-punti meħtieġa ma jibqgħux barra mill-kors? Jista' jikkonferma li jista' j iġri li jkun hemm studenti li jġibu tliet "B"'s fl-eżamijiet (56 punt) u jidħlu għall-kors, filwaqt li oħrajn li jġibu "A", "B" u "C" (56 punt ukoll) jew 2 "A"'s u "C" (68 punt) jibqgħu barra mill-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li is-sistema tal-punti għad-dħul f'xi kors l-Universita' ilha sew li spiċċat. Informat ukoll li l-grad rikjest f'xi suġġett biex wieħed jibda kors hu marbut mal-ħtieġa ta' livell adegwat f'dak is-suġġett. Mhux bilfors li livell ogħla f'suġġett jista' jagħmel tajjeb għall-livell aktar baxx f'suġġett ieħor. B'danakollu l-osservazzjonijiet ta' l-Onor. Membru ġew mogħddija lill-Universita' għal konsiderazzjoni ta' l-awtorita' kompetenti li f'materja bħal din taġixxi b'mod għal kollox awtonomu.

Ħal Luqa — Triq Pietru Saliba

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq Pietru Saliba f'Ħal Luqa tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir? Jekk it-triq baqagħlha ċertu żmien biex issir, jista' il-Ministru jikkonsidra illi għalqa esproprjata fit-tarf ta' din it-triq tinfetaħ sabiex l-ilma ma jibqax jaffettwa ħażin il-garaxxijiet u r-residenzi ta' l-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn żmien għal żmien.

VAT department

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm, fl-aħħar tliet snin, id-dipartiment tal-VAT daħħal flus minn akkomodazzjoni f'lukandi u stabbilimenti ta' catering, minn bars u minn hospitality institutions?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul tal-VAT minn akkomodazzjoni f’lukandi u stabbilimenti ta’ catering, bars u hospitality institutions matul l-aħħar tliet snin kien kif jidher fit-tabella mehmuża.
Leg 10 PQ #3676 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Pazjenti barranin — Kura fi sptarijiet Ingliżi

Question

Wara li l-Gvern Ingliż ħabbar li pazjenti barranin se jkollhom jibdew iħallsu minn qabel biex jiġu kkurati fi sptarijiet Ingliżi, jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk dan hux se jaffettwa l-ftehim reċiproku li hemm fil-qasam tas-saħħa bejn Malta u l-Ingilterra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li s'issa ma jirriżultax li ser ikun hemm xi tibdil dwar il-ftehim reċiproku bejn Malta u l-Ingilterra.

Kirkop — Triq San Remiġ - provvista ta' l-elettriku

Question

Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tinvestiga għaliex il-provvista ta' l-elettriku fi Triq San Remiġ, Kirkop tant hi baxxa li fil-għaxija qed issir ħsara fl-appliances u ma jkunx jista' jinxtegħel television jew neon light? X'inhu jikkawża din il-problema meta ftit ilu f'mistoqsija parlamentari preċedenti li jien kont għamilt kien intqal li din il-problema ġiet solvuta?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ilment ġie investigat u jirriżulta li għalkemm sar ħafna tisħiħ permezz tas-substation il-ġdida għad fadal xi xogħol xi jsir u dan għandu jitkompla flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Leg 10 PQ #3678 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jagħti dettalji dwar minn liema korsijiet ġejjin u kemm ilhom jirreġistraw?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Leg 10 PQ #3679 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Impjiegi — Żgħażagħ gradwati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx studju sabiex jiġi stabbilit is-suq tax-xogħol u x'tip ta' gradwati l-iktar li għandna bżonn? Jekk fl-affermattiv, jista’jgħid xi sforzi qed jagħmel l-istess gvern sabiex jattira studenti f'dawn il-linji ta' studju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kemm l-ETC kif ukoll l-Universita' jagħmlu studji bħal dawn, u wara dawn huma wżati mill-Guidance Teachers fl-iskejjel u mill-Counsellors u Advisors fil-Junior College u l-Universita' meta jingħataw pariri lill-istudenti kemm b'mod kollettiv kif ukoll individwalment.