Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kordin — Inċineratur

Question

Jogħġbu l-Ministru jara għaliex il-kunsill lokali ta' Raħal Ġdid għadu ma rċieva l-ebda informazzjoni mingħand il-MEPA rigward l-ilment li l-kunsill ressaq dwar l-inċineratur li hemm f'Kordin (proprjeta' tat-Tarzna)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bħalissa qed tieħu l-passi neċessarji sabiex jingħalaq darba għal dejjem l-inċineratur tal-Malta Shipyards, li jinsab ġewwa Kordin. Kif ukoll qed tieħu ħsieb li kull tip ta' skart domestiku li fil-preżent qed jiġi inċinerat jiġi ttrasferit ġewwa l-faċilita' tal-Magħtab.
Leg 10 PQ #3539 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti — Flood lights ta' mal-faċċata

Question

Jista' il-Ministru jgħid min hu responsabbli li jbiddel il-flood lights ta' mal-faċċata tal-qorti għax ilhom maqtugħa żmien twil?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm ir-responsabbilita` tal-flood lights tal-qorti m`humiex responsabbilita` ta` l-amministrazzjoni tal-Qorti ittieħdu l-passi sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.
Leg 10 PQ #3540 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu nazzjonali — Focus groups

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx preżentati xi rapporti mill-focus groups tal-kurrikulu nazzjonali? Jekk iva, jista' ipoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Hemm xi xogħol ieħor li twettaq minn dawn il-focus groups? Jekk iva, jista' jgħid fiex kienet tikkonsisti din il-ħidma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul il-perjodu li kienu mwaqqfa formalment il-'Focus Groups', cioe' minn Novembru 2001 sa Novembru 2003, dawn ħadmu biex iwettqu tipi diversi ta' xogħol. Dan ix-xogħol għadu għaddej sal-ġurnata tal-lum u ħafna minnu qed jiġi evalwat. Fost oħrajn dan ix-xogħol kien jikkonsisti f'laqgħat ma' għalliema, kapijiet ta' skejjel kif ukoll f'laqgħat mal-ġenituri dwar twettiq ta' diversi partijiet tal-Kurrikulu. Uħud mill-gruppi ippreżentaw ukoll rapporti li pero' f'dan l-istadju mhumiex għall-pubblikazzjoni.
Leg 10 PQ #3541 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu nazzjonali — Focus groups

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-focus groups li ġew imwaqqfa minħabba l-kurrikulu nazzjonali? Jista' jgħid ukoll min huma n-nies li qed iservu fuq kull focus group? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi riżenji minn dawn il-focus groups u kemm jitħallsu dawk li qegħdin f'dawn il-groups?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Focus Groups dwar il-Kurrikulu Nazzjonali li huma magħmulin minn għalliema li ġejjin mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti kif ukoll mill-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni. Informat li ir-rata tal-ħlas tal-membri hi Lm5.00 fis-siegħa, tal-Co-Ordinators hi ta' Lm6.00 fis-siegħa. Rati tal-ħlas ta' l-Uffiċjali Edukattivi waqt il-ħin tax-xogħol hi ta' 75% tar-rata indikata.
Leg 10 PQ #3542 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tagħlim tal-lingwa Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi ntrodott skema ta' tagħlim modern permezz ta' kotba għal-lingwa Maltija, kif hu maħsub li jsir għal-lingwa Ingliża? Jekk le, jista' dan isir minħabba li l-kotba wżati fil-preżent ma tantx huma validi fiż-żmien tal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalisssa ma hemm ebda l-ebda eżerċizzju għaddej li jwassal għal introduzzjoni ta' kotba ġodda għat-tagħlim tal-Malti. Ma hux eskluż li jiġu introdotti kotba ġodda, wara li sseħħ kkonferenza nazzjonali dwar it-tagħlim tal-Malti.
Leg 10 PQ #3543 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Lingwa Ingliża — Skema ta' kotba

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hijiex għaddejja inkjesta interna fi ħdan id-diviżjoni jew il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni dwar il-ħsieb li tiġi ntrodotta skema ta' kotba għal-lingwa Ingliża? Jekk iva, x'wassal għal din l-inkjesta u fiex waslet? Jista' ipoġġi kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra meta dan ikun konkluż?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni stħarrġet ilment ta' wieħed mill-importaturi tal-kotba li offra il-bejgħ ta' kotba tal-lingwa Ingliża għall-ewwel sena ta' l-iskejjel primarji. Ir-rapport hu intern għad-Diviżjoni u mhux għall-pubblikazzjoni minħabba li it-tender konċernata għadha qed tiġi proċessata.
Leg 10 PQ #3544 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Klassijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk issirx diskriminazzjoni pożittiva ma' skejjel fejn hemm problemi soċjali u problemi fit-tagħlim, sabiex il-klassijiet ikunu anqas kbar u ffullati? Jekk iva, jista' jara li dan iseħħ fl-iskola u fis-sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-fattur bażi li jiddetermina n-numru ta' studenti fil-klassijiet ta' l-iskejjel statali huwa l-Agreement uffiċjali bejn il-Gvern u l-Union ta' l-għalliema. Id-daqs fiżiku tal-klassijiet f'kull skola partikolari u l-fatturi soċjali fit-tagħlim jiġu wkoll kunsidrati u jsiru arranġamenti jekk u meta dan ikun possibbli. Fl-iskola u s-sena li għaliha qiegħed jirreferi l-Onor. Membru hemm żewġ klassijiet li fihom hemm 23 u 20 student rispettivament, meta wieħed jikkonsidra li n-numru massimu ta' studenti li jista' jkun hemm fi klassi huwa 30, wieħed jirrealizza li f'dan il-każ id-daqs tal-klassi huwa raġonevoli ħafna.

Ħal Balzan — Triq Dr Zammit - Vettura abbandunata

Question

Jista' il-Ministru jara li titneħħa l-vettura li għandha numru ta' reġistrazzjoni barrani (A428BAW) tat-tip Ford minn Triq Dr Zammit, f'Ħal Balzan u dan peress li l-istess vettura ilha abbandunata għal diversi xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vettura msemmija mill-Onorevoli Interpellant tneħħiet.

Kumpanniji — Ħlasijiet pendenti tat-taxxa

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3369 u 3490 u cioe' jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kumpanniji u stabbilimenti li waqgħu lura fil-ħlas tagħhom lid-dipartiment tat-taxxi? Kemm hemm minnhom li ntrabtu li jħallsu dak li għandhom jagħtu f'arranġament mad-dipartiemnt ta' ħames snin jew iżjed, ta' tliet snin jew iżjed ta' sena jew iżjed?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella mehmuża.
Leg 10 PQ #3549 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

MIA — Taħditiet dwar is-sigurta' fl-ajruport

Question

Jikkonferma l-Ministru li f'Ottubru l-konslu tagħna f'Iżrael flimkien ma' uffiċjali tas-sigurta' Iżraelita żaru l-MIA għal taħditiet dwar is-sigurta' fl-ajruport?

Response (BORG, TONIO)

F`Ottubru 2003, delegazzjoni Iżraelita ltaqgħet mal-Uffiċjal responsabbli għat-tmexxija ġenerali tas-sigurta` fl-avjazzjoni (Manager Airport Security).
Leg 10 PQ #3550 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tas-Sliema — Taħrika li nstemgħet fit-tribunal tal-kunsill lokali

Question

Jista' il-Ministru: 1) jinvestiga min kien il-gwardjan responsabbli għat-taħrika li ħarġet kontra l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li nstemgħet fit-tribunal tal-kunsill lokali ta' Tas-Sliema fil-5/12/03? 2) Saru investigazzjonijiet fuq dan il-każ wara li l-kunsill irċieva ittra f'isem din l-istess persuna u fiha ġie mgħarraf li l-karozza konċernata ta' l-istess persuna fil-ħin ta' l-allegat reat kienet fi Pjazza Katidrali t'Għawdex? 3) Jekk saru, għal liema raġuni t-taħrika ma ġietx irtirata u mhux ġiet imġiegħla tidher fit-tribunal tal-kunsill lokali ta' Tas-Sliema fil-5/12/03? 4) Għandha dritt din il-persuna tiġi rikompensata għall-ispejjeż li kellha tagħmel biex tidher fit-tribunal u għat-tbatijiet li sofriet b'konsegwenza ta' dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-funzjoni ta` infurzar ta` kontravenzjoni tat-traffiku ġiet delegata lill-Kunsilli Lokali. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` Gvern Lokali. Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant jista` jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali fejn inħarġet it-taħrika.

Nies appuntati fil-marketing division

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3194, peress illi huwa l-gvern li jagħżel iċ-chairman u l-maġġoranza tad-diretturi, jista' il-Ministru jara li tingħata risposta mitluba? Jaf il-Ministru li kuntrarjament għal kull prassi normali, fis-set-up il-ġdid tal-bank hemm nies li għandhom l-istess parentela? Jista' jgħid jekk il-kariga ta' manager (Line marketing integration) ġietx tailor-cut għal individwu partikolari, tant li r-rekwiżiti huma vagi u mhux speċifikati?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hu żbaljat meta jgħid li "il-Gvern jagħżel ic-chairman u l-maġġoranza tad-diretturi" għax il-Gvern jagħżel biss lic-Chairman u d-diretturi kollha huma magħzula jew mill-ħaddiema jew mill-azzjonisti, ninfurmah illi ma' għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija Nru. 3194.

MEPA — Applikazzjonijiet għal casinos

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA għandhiex quddiemha applikazzjonijiet għal casinos? Jekk fl-affermattiv, kemm u f'liema lokalitajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m' għandha l-ebda applikazzjoni pendenti quddiema li fl-iżvilupp propost tagħha tinkludi casino.
Leg 10 PQ #3586 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Għalliema li qed tiġi ripetutament trasferita

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn il-kindergarten assistant li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qiegħda tkun ripetutament trasferita minn skola għal oħra, anke jekk fuq temporary transfer? Jaf li hemm persuni oħrajn li ġew warajha fl-interview li mhux qed jingħataw dan it-trattament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kindergarten assistant imsemmija ingħatat transfer wieħed matul din is-sena skolastika. Hija kienet qegħda fi skola fejn ma kien ser ikollha l-ebda klassi matul ix-xhur kollha ta' din is-sena skolastika. Hija ntbagħtet tieħu l-klassi ta' kindergarten assistant li ħarġet fuq long sick leave, fi skola differenti. Ta' min jgħid li l-kindergarten assistant imsemmija li ġiet trasferita, hija l-iżjed junior fl-iskola li minnha ġiet trasferita.

Korporazzjoni Enemalta — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-iskali tal-posts u gradi kollha fil-korporazzjoni Enemalta hekk kif kienu f'dawn id-dati: fl-ewwel ta' kull sena fl-1995 u fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Soċjeta' assikuratriċi

Question

Jista' il-Ministru jagħti s-segwenti informazzjoni fir-rigward tas-soċjeta' assikuratriċi li isimha qed jintbagħat separatament, fil-kwalita' tagħha bħala aġent tas-soċjeta' estera li isimha wkoll qed jintbagħat separatament: 1) f'liema stadju ta' likwidazzjoni tinsab l-imsemmija soċjeta'? 2) Hemm xi proċeduri ġudizzjarji ta' likwidazzjoni għaddejjin? 3) Min hu l-likwidatur/stralċarju? 4) X'assi għandha s-soċjeta' assikuratriċi? 5) Bdew jiġu assenjati l-assi tas-soċjeta' assikuratriċi lill-kredituri tagħha?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-Soċjeta Independent Insurance Company Ltd hija kumpannija estera li tinsab taħt proċeduri ġudizzjarji ta’ likwidazzjoni quddiem il-High Court of Justice ta’ l-Ingilterra. Il-High Court fis-17 ta’ Ġunju 2001, kienet ħatret lis-Sur Dan Schwarzmann u s-Sur Mark Batten, it-tnejn minn Pricewaterhouse Coopers ta’ Londra, bħala Stralċjatarji Proviżorji tas-Soċjeta. Is-soċjeta lokali, Micallef Insurance Agency Ltd ġiet appuntata mill-istralċjatarji Proviżorji ta’ l-Independent Insurance Company Ltd sabiex twettaq ix-xogħol kollu li hu meħtieġ sabiex ixxolji l-kummerċ ta’ assigurazzjoni li din is-soċjeta estera kellha f’Malta, u issa tinsab fi stadju li tiddetermina kull obbligu (cioe’ liability) li s-soċjeta estera setgħet kellha f’Malta. Il-proċess ta’ likwidazzjoni miexi sew. Ebda ħlas mill-assi tas-soċjeta ma jista’ jsir sakemm il-claims li l-kumpannija għandha f’Malta jiġu miftehma, sabiex b’hekk jiġi garantit li l-fondi jiġu mqassma b’mod ġust bejn dawk il-kredituri “in bona fede”. L-obbligi (cioe’ liabilities) qegħdin jiġu determinati u hemm ukoll numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-Qrati Maltin kontra s-soċjeta estera. Fl-aħħarnett, nispjega illi l-assi li s-soċjeta estera kellha hawn Malta huma miżmuma mill-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta skond il-poteri li tagħtiha l-liġi. Dan jikkostitwixxi salvagwardja oħra favur il-kredituri lokali.

EIA — Studju arkeoloġiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-esperti arkeoloġiċi li wettqu l-istudju arkeoloġiku għall-EIA li ġie ppreżentat lill-MEPA fir-rigward ta' l-interim landfills li hemm proposti li jsiru ħdejn l-Imnajdra u Ħaġar Qim?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-esperti proposti li ħadmu fuq l-istudju arkeoloġiku għall-EIA li gie ppreżentat lill-MEPA fir-rigward ta' l-Interim Landfills huma, Dr Simon Nicholas Collcutt, li kopja tas-C.V. tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, u s-Sur Godwin Vella B.A.(Hons) Archaeology, awtur ta' diversi rapporti u surveys dwar siti arkeoloġiċi f'Malta u Għawdex.
Leg 10 PQ #3608 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Impjiegi — Każ dwar shift allowance

Question

Jista' il-Ministru jara għaliex allegat ħlas żejjed ta' shift allowance fil-każ tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, ġie deċiż mingħajr ma l-persuna milquta ġiet mogħtija d-dritt li tikkontesta dan il-każ u meta fiż-żmien indikat bejn l-1993 u l-2003 hemm perjodu minnu sew li huwa preskritt bil-liġi u oltre dan diġa' qiegħda tinqatagħlha mill-paga fix-xahar somma biex tiġi miġbura s-somma preteża mill-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mhux korret li l-persuna msemmija ma ngħatatx id-dritt li tikkontesta l-każ dwar ħlas żejjed, għax fil-fatt għamel dan permezz t'ittra mibgħuta mill-avukat tiegħu stess, liema ittra ġġib id-data ta' l-20 ta' Novembru, 2003. Barra minn hekk, huwa skorret li jingħad li qed isir xi tnaqqis mill-paga biex jagħmel tajjeb għall-ħlas li sar żejjed. Sa llum ma sar l-ebda tnaqqis mill-paga. Kull ma twaqqaf kien il-ħlas tas-Shift Allowance mhux dovut sabiex ma tkomplix tikber is-somma ta' ħlas żejjed.
Leg 10 PQ #3622 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Kumpannija Amerikana General Electric — Ex-ambaxxatur ta' Malta

Question

Dejjem skond rapporti li dehru fis-Sunday Times tal-4.01.04 u fit-Times tal-5.01.04, iħoss il-Ministru li kien etiku li ex-ambaxxatur ta' Malta li llum jaħdem f'pożizzjoni għolja mal-kumpannija Amerikana General Electric ġie rrappurtat li saret lobbying f'ismu mill-kumpannija li jaħdem magħha ma' l-awtoritajiet Maltin biex jiġi maħtur kummissarju ta' Malta għall-UE? Billi ġie rrappurtat li saru laqgħat tad-delegazzjoni tal-GE Electric ma' uffiċjali għoljin tal-Gvern Malti, min awtorizza li jsiru taħditiet bħal dawn li jmorru kontra l-etika fejn kumpannija barranija tagħmel pressjoni fuq gvern sovran dwar min għandu jinħatar kummissarju Ewropew biex jirrappreżenta pajjiż li m'għandu x'jaqsam xejn mal-kumpannija konċernata?

Response (BORG, JOE)

Huwa l-Gvern Malti li jiddeċiedi min ser tkun il-persuna li tiġi proposta lill-Unjoni Ewropea sabiex isservi bħala l-Kummissarju Malti fl-Unjoni. Dak li jinkiteb u jintqal qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni mill-Gvern u qabel ma din issir pubblika, m'huwiex ħlief spekulazzjoni.
Leg 10 PQ #3623 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Mater Dei — Offerta għal apparat mediku

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk f'kuntatti li kellu ma' l-awtoritajiet Taljani qatt sar lobbying jew xi forma ta' pressjoni min-naħa Taljana biex it-tender ta' l-apparat mediku ta' l-isptar Mater Dei jingħata lill-kumpannija INSO Spa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kif inhu mistenni, il-gvernijiet ta’ pajjiżi, li minnhom kienu ġejjin il-kumpanniji li issottomettew “tender” għall-apparat mediku għall-Isptar Mater Dei, urew interess f’dan it-“tender”. Dan l-interess bl-ebda mod ma jista’ jiġi deskritt bħala pressjoni u huwa normali fl-ambitu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn pajjiż u ieħor.