Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex avviċinat minn ditti ossia kumpanniji li jixtiequ joperaw heritage park fl-inħawi ta' l-Imajdra? Jekk iva, x'kienet in-natura tal-konsultazzjonijiet u f'liema stadju waslu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi ma kellu l-ebda sottomissjonijiet formali għat-treġija tal-Heritage Park mill-privat f'Ħaġar Qim u l-Imnajdra, biss ma neskludiex il-possibilita' li jista' jkun li xi individwi aċċennaw jew indikaw li setgħu jkunu interessati fi proġetti bħal dawn.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA bdietx il-proċess ta' konsultazzjoni fuq l-EIA ta' l-interim engineered landills ta' l-Imnajdra? Jekk le, x'inhu jżomm il-proċess milli jibda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta' konsultazzjoni fuq l-Environment Impact Assessment (EIA) ta' l-interim engineered landfills tal-Qrendi beda fis-6 ta' Jannar 2004.
Dipartiment ta' l-artijiet — Garaxx proprjeta' tal-gvern
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-garage proprjeta' tal-gvern li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatement inkeriex lil terzi persuni? Jekk iva, jista' jgħid jekk inħarġux offerti u lil min ġie aġġudikat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond id-Dipartiment tal-Artijiet ma jirriżultax li hemm garage hekk kif muri fid-dettalji li ntbagħtu separatement. L-Onor. Interpellant hu mitlub jagħti aktar dettalji.
Dipartiment ta' l-istatistika — Rapporti dwar statistika
Question
Jista' il-Ministru jgħid matul is-sena 2002 kemm saru rapporti fuq statistika dwar diversi suġġetti? Jista' jagħti tagħrif dwar liema kienu l-oqsma fejn saret tali statistika? Jista' jgħid x'kien il-livell ta' parteċipazzjoni tal-poplu f'tali stħarriġ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li b’mod regolari l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jippublika rapporti annwali fuq Statistika Industrijali, Shipping u Avjazzjoni, Edukazzjoni, Trasport, Kultura, Demografija, National Accounts, Kummerċ Internazzjonali, Bilanċ tal-Pagamenti, Agrikultura u Sajd.
Ma dawn iridu jiżdiedu għadd sostanzjali ta’ News Releases fuq kull statistika uffiċċjali li tinġabar mill-NSO u li ammontaw għal 145 fl-2002. Dawn jinkludu rapporti regolari ta’ kull xahar fuq it-Turiżmu, Kummerċ Internazzjonali, Xogħol, u Indiċi tal-Prezzijiet. Kull tlett xhur tiġi ppublikata statistika dwar in-National Accounts, Bilanċ tal-Pagamenti, u l-Labour Force Survey.
F’kull każ fejn isir survey biex tinġabar l-istatistika il-livell ta’ parteċipazzjoni jvarja imma jista’ jingħad b’mod ġenerali li jkun ta’ livell sodisfaċenti biex jassigura li r-riżultati li l-NSO jippublika eventwalment ikunu affidabbli skond ix-xjenza ta’ l-istatistika.
B'referenza għas-Lm7 miljun lira sussidji fuq il-prezzijiet tal-prodotti ta' l-ikel għoljin, jista' il-Ministru jinfurmani kemm huwa mistenni jogħla l-prezz tal-ġobon bħal Edam, Chedder, etc, separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3422, Seduta 85.
B'riferenza għas-Lm7 miljun sussidji fuq il-prezzijiet tal-prodotti ta' l-ikel għoljin, jista' il-Ministru jinformani kemm hu mistenni jogħla l-prezz ta' landa corned beef ta' 198 gr li fil-mument hija 34c jew 40c u ta' 340gr li fil-preżent hija 40c jew 48c?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3422, Seduta 85.
Jista' il-Ministru jinformani liema huma dawk il-prodotti ta' l-ikel li wara l-ewwel ta' Mejju li ġej l-importazzjoni tagħhom se tkun ikkontrollata permezz ta' kwota? Kemm hu t-tunnellaġġ tal-kwota, prodott prodott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-Common Agriculture Policy hemm numru ta' tariff quotas u quantitative quotas li huma immaniġġjati mill-Unjoni Ewropeja u li għalihom jistgħu japplikaw operaturi lokali. Il-Kummissjoni Ewropeja se toħroġ regolamenti ġodda għal dan il-għan fil- ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jinformani liema huma dawk il-prodotti ta' l-ikel li wara l-ewwel ta' Mejju li ġej l-importazzjoni tagħhom se tkun ikkontrollata permezz ta' tariffa? Kemm hija t-tariffa, prodott prodott?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinstab f'din il-website:
http://europa.eu.int/comm/taxation_customs/dds/cgi-bin/tarchap?Lang=EN
Jista' il-Ministru jinformani liema huma dawk il-prodotti ta' l-ikel li wara l-ewwel ta' Mejju li ġej l-importazzjoni tagħhom se tkun ikkontrollata permezz ta' dazju? Kemm hu d-dazju in kwestjoni, prodott prodott?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3456.
Jisat' il-Ministru jgħid min kienu r-rappreżentanti tal-ministeru tal-finanzi li attendew il-laqgħat tad-WTO f'Cancun? X'rapporti ressqu jew x'ideat ġew komunikati/proposti lill-Gvern Malti? Jista' ipoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rappreżentanti tal-Ministeru tal-Finanzi li attendew il-laqgħat tad-WTO f’Cancun kienu s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, il-kap tas-Segretarjat, is-Sur Iman Schembri u d-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi is-Sur Joe Rapa.
Id-Delegazzjoni attendiet għall-laqgħat intensivi ta’ kordinazzjoni li saru għall-Ministri tal-Kummerċ ta’ l-Unjoni Ewropeja u li ġew indirizzati min-negozjaturi ewlenin ta’ l-Unjoni Ewropeja s-Sur Pascal Lamy u s-Sur Franz Fischer, kif ukoll għall-laqgħat tal-Ministri tal-Pajjiżi membri fil-WTO.
Kopja ta’ l-indirizz li għamel is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fil-ħames Konferenza Ministerjali organizzata mill-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ f’Cancun qegħda tiġi annessa.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se ssir konferenza dwar il-Malti bl-istess mod li se ssir għal-lingwa Ingliża? Jekk iva, meta se ssir u x'inhuma l-miri ta' din il-konferenza?
Jista' il-Ministru jgħid x'ġie mplimentat minn dak li nsibu fil-kurrikulu nazzjonali sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid ukoll jekk sarx eżerċizzju ta' x'fadal jiġi mplimentat mill-istess kurrikulu u t-target dates sabiex dawn jiġu mplimentati?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond il-pjan strateġiku għall-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali, kull skola tfassal it-twettiq tal-Kurrikulu permezz tal-Pjan ta' Żvilupp ta' kull skola li jħares lejn il-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet ta' l-iskola partikolari.
Issa ser jinbeda eżerċizzju li jkopri l-iskejjel kollha biex jirraporta dwar l-iżviluppi u r-riżultati miksuba u fl-istess ħin jiġi aġġornat il-Kurrikulu fid-dawl tal-bidliet li seħħu fl-aħħar snin u dawk li qed jiġu diskussi.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir biex jiġi żgurat li l-Palazz Vilhena fl-Imdina ma jibqax jikkrolla? Saru rapporti tekniċi f'dawn l-aħħar għaxar snin? Jekk fl-affermattiv, meta u minn min saru? Jista' jgħid x'kienu r-rakkomandazzjonijiet prinċipali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2983.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3200 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u cioe' jista' jgħid matul din is-sena skolastika kemm saru żjajjar fi ħwienet/canteens fi skejjel ta' l-istat, indipendenti u dawk tal-knisja? F'liema skejjel saru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3204, jista' il-Ministru jgħid min huma l-operaturi ta' l-Imdina Dungeons? Kemm inkera lilhom parti mill-Palazz Vilhena? Għal kemm żmien u b'liema ħlas? Meta sar il-kuntratt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-operaturi ta' l-Imdina Dungeons huma MDE Ltd.
Il-kuntratti ġew iffirmati mad-Dipartiment ta' l-Artijiet u għalhekk nitlob lil Onor. membru jagħmel il-mistoqsija lil Ministru konċernat.
B'riferenza għall-iskandlu tal-Parmalat ġo l-Italja, jista' il-Ministru jgħid f'liema investigazzjonijiet qegħdin jiffiguraw ismijiet ta' kumpanniji offshore reġistrati f'pajjiżna kif ukoll ismijiet ta' ċittadini Maltin li joperaw dawn il-kumpanniji? Jista' jgħid jekk hux qegħdin jiġu investigati kumpanniji offshore reġistrati f'Malta kif ukoll ċittadini Maltin in konnessjoni ma' dan l-iskandlu? Jekk iva, jista' jgħid jekk dawn l-investigazzjonijiet humiex qed jitmexxew mill-MFSA fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba mingħand awtoritajiet esteri?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar- risposta li diġa ingħatat għad-domanda parlamentari numru 3624, Seduta 85 dwar l-istess materja.
Inżid nispjega illi kuntrarjament għal dak li qed jinkiteb f'xi sezzjonijiet tal-media, ebda offshore company Maltija ma hi involuta fil-kwistjoni tal-Parmalat. Il-kumpanniji huma kollha kumpanniji ordinarji.
Nikkonferma illi qegħdin isiru l-investigazzjonijiet u il-verifiki kollha li dan il-każ jimmerita, inklużi verifiki da parti tal-MFSA li fi ħdanha jinsab ir-reġistru tas-Soċjetajiet.
Ninsab infurmat illi dawn l-indaġini kienu inbdew malli bdew joħorġu aħbarijiet fil-media internazzjonali dwar il-każ Parmalat, u żgur li ma bdewx bħala riżultat ta' xi talba minn xi awtorita' estera.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-ministeru tiegħu fuq it-twaqqif maħsub ta' landfill jew tnejn qrib it-tempji ta' l-Imnajdra? Jista' jgħid jekk il-ministeru tiegħu, ossia xi dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu, humiex fi ħsiebhom iressqu oġġezzjonijiet lill-MEPA għat-twaqqif ta' l-engineered landfill(s)?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-politika tal-Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura hija msejsa fuq żewġ prinċipji :
L-ewwel prinċipju hu li m’għandu jitwettaq ebda xogħol li b’xi mod jikkomprometti il-valuri ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra.
It-tieni prinċipju hu li r-rijabilitazzjoni tal-ħsara lill-pajsaġġ kawżata mill-barrieri għandha tissewwa permezz tar-rijabilitazzjoni ta’ dawn il-barrieri.
Il-proċess biex jiġi identifikat l-aħjar metodu ta’ riabilitazzjoni ta’ dawn il-barrieri qiegħed isir mill-MEPA u naħseb li f’dan l-istadju għandna nħallu dan il-proċess għaddej.
Iż-żewġ entitajiet interessati f’din il-materja huma s-Sovrintendenza ta’ Patrimonju Kulturali u
Heritage Malta
illi diġa għamlu u għadhom jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom lill-MEPA. Uffiċjali tal-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura kellhom ukoll laqgħat mal-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura u mal-kumpanija
Wasteserv
.
Billi l-Ministru stqarr pubblikament li engineered landfill waħda fl-inħawi tat-tempji ta' l-Imnajdra hija suffiċjenti u billi l-ministeru tiegħu nieda kompetizzjoni għall-periti biex ilestu pjan għall-heritage park f'dawn l-inħawi - bi struzzjonijiet biex jaħsbu għall-inklużjoni possibbli jew probabbli ta' engineered landfill(s) fil-viċinanzi - jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt li l-heritage park tkun qrib engineered landfill?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ma għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 3639.
Jista' il-Ministru jgħid x'kordinazzjoni jew x'konsultazzjoni għaddejja bejn il-ministeru tiegħu u l-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura fuq il-kwestjoni ta' l-engineered landfills?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ma għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 3639.