Jista' il-Ministru jgħid jekk għall-okkażjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju li ġej hijiex se tingħata amnestija lill-ħabsin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm se tkun din l-amnestija?
Jista' il-Ministru jgħid x'se jkun l-involviment tal-ministru fl-attivitajiet li se jsiru fl-1 ta' Mejju, 2004 fl-okkażjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Jista' jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li hu maħsub li se jintnefaq f'dawn l-attivitajiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Membru li l-Ministeru tiegħi taż-Żgħażagħ u Kultura huwa l-Ministeru li qiegħed iħejji l-programm għal dawn l-attivitajiet flimkien ma’ Ministeri u entitajiet oħra.
Il-flus għal din l-attivita’ jridu joħorġu mill-line item – Cultural activities taħt il-vot Rikurrenti tal-Ministeru tiegħi fejn hemm ivvutati s-somma ta’ Lm 235,000.
Spejjeż addizzjonali jistgħu jkunu ffinanzjati minn sponsorships.
Jista' il-Ministru, permezz tad-dipartiment tat-toroq, jispjega għaliex Triq il-Ħerba, fiż-Żejtun f'dawn l-aħħar xhur inqalgħet biex jitħaffru trinek għad-dawl u wara reġgħet inqalgħet biex isiru trinek għall-ilma?
Veru li din it-triq issa se terġa' tinqala' mill-ġdid biex isiru trinek oħra , aktarx tat-telefon?
Kemm-il darba nqalgħet din it-triq f'din l-aħħar sena u min ħallas għal kull biċċa xogħol?
Jista' ġentilment jirrispondi għal kull mistoqsija separatament?
Jista' il-Ministru ġentilment jaġġornani x'sar fuq il-parti tat-Triq Bieb is-Sultan, Żabbar, liema parti għadha ma ġietx imwessgħa u miftuħa?
Billi ġejt assigurat diversi drabi, anke f'dan il-Parlament, li beda l-proċess biex tiġi esproprjata l-parti tat-triq mhux miftuħa, jista' il-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proċess u jagħtini n-numru ta' riferenza?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-passi ta' esproprijazzjoni qegħdin jittieħdu mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u għal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm ingħataw flus s'issa lill-ġenituri li t-tfal tagħhom imorru fl-iskejjel privati? Liema ġenituri jikkwalifikaw għal din l-għotja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din l-iskema kienet amministrata mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni fis-sena 2001 biss. L-ammont mogħti dik is-sena lill-ġenituri tat-tfal li kienu jattendu skola privata kien ta’ Lm412,710. Kienu jikkwalifikaw dawk it-tfal li kienu ta’ eta’ ta’ Skola Primarja (5 snin) sa Skola Sekondarja (16-il sena) u li kellhom għall-anqas wieħed mill-ġenituri tagħhom ta’ nazzjonalita’ Maltija.
Mis-sena 2002 ‘l quddiem, din l-għajnuna bdiet tingħata mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’forma ta’ aġevolazzjoni fit-taxxa.
Għar-rigward ta' l-applikazzjoni konċernanti l-konvenju 1114/88 (02548) iffirmat mill-awtorita' tad-djar, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess wasal sabiex jiġi finalizzat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddili aktar dettalji dwar il-każ, anki b’mod kunfidenzjali, biex nitlob li jsiru l-verifiki meħtieġa.
Dipartiment ta' l-artijiet — Persuni li qed jitolbu kumpens
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li la l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, u lanqas l-eredi tiegħu ma ġew kumpensati bl-istess mod illi kienu ġew kumpensati persuni oħra li kellhom l-art tagħhom fil-kontrada ta' Bur Lanġasa l/o Żurrieq esproprjata, u dan billi apparti l-kumpens fi flus ta' l-art meħuda ġew mogħtija plot kull wieħed?
Response (BORG, TONIO)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħti aktar dettalji dwar l-art f`Bur Lanġasa l/o Żurrieq u possibilment jindika l-art imsemmija fuq pjanta.
Servizz Pubbliku — ex ħaddiema tal-Bank of Valletta
Question
Jista' il-Prim Ministru jassigura li l-ex ħaddiema tal-Bank of Valletta li ġew maqluba bħala labourers mal-gvern, jerġgħu jingħataw il-gradi li kellhom qabel u dak kollu dovut lilhom f'finanzi u kondizzjonijiet?
Jista' jassigura wkoll li dan ikun jirrifletti fil-pagi ta' dawn il-ħaddiema li għadhom impjegati u fil-pensjoni ta' dawk li diġa' spiċċaw mill-impjieg imsemmi bil-pensjoni minħabba l-eta'?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena infurmat li l-ħaddiema msemmija ġew integrati fis-Servizz Pubbliku, u ngħataw ħatra ta’ “labourers” skond arranġamenti speċifiċi maqbula mal-“Unions”.
Mużew nazzjonali ta' l-arti — Pitturi u antikitajiet mislufa lill-ambaxxati Maltin
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-mużew nazzjonali ta' l-arti jżommx inventarju dettaljat tal-pitturi u antikitajiet oħra li jsellef lill-ambaxxati ta' Malta? Jekk le, għaliex? Jekk iva, jista' jgħid jekk hux żgur li l-ebda waħda minn dawn l-oħri ma għebet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti jżomm informazzjoni dwar dawk l-opri artistiċi jew storiċi li jiġu mislufa lill-ambaxxati ta' Malta. Din l-informazzjoni tinsab fir-records ta' l-inventarju ta' l-istess Mużew Nazzjonali. Jinżammu wkoll files li fihom korrispondenza u dokumenti dwar trasazzjonijiet ta' xogħolijiet ta' l-Arti u spezzjonijiet li saru matul iż-żmien f'xi wħud minn dawn l-ambaxxati.
Ma kien hemm l-ebda rapport ta' xi opra minn dawn li għebet ħlief għal waħda li qiegħda tiġi investigata.
Kunsill ta' l-Ewropa — Rapport tal-commissioner of human rights
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk irċeviex ir-rapport tal-commissioner of human rights tal-kunsill ta' l-Ewropa li żar Malta dan l-aħħar? Jekk iva, huwa l-każ li jpoġġih fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
M`għandi ebda oġġezzjoni li meta nirċievi r-Rapport Finali nqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema pajjiżi għandna ambaxxata jew se jkollna filwaqt li huma la għandhom u lanqas għandhom ħsieb immedjat li jiftħu ambaxxata f'pajjiżna?
Response (BORG, JOE)
Fil-preżent, Malta għandha jew se jkollha fil-ġejjieni qarib rappreżentanza permezz ta' Ambaxxatur Residenti f'dawn il-pajjiżi, li, minn naħa tagħhom, għad m'għandhomx Ambaxxata f'pajjiżna:
- L-Arabja Sawdita
- L-Awstrija
- Il-Belġju
- Id-Danimarka
- Il-Greċja
- L-Irlanda (l-Ambaxxata Maltija f'Dublin mistennija tiftaħ fil-ġejjieni qarib)
- Il-Marokk (l-Ambaxxata Maltija f'Rabat mistennija tiftaħ fil-ġejjieni qarib)
- Spanja (hemm konferma minn naħa tal-Gvern Spanjol li tinfetaħ Ambaxxata f'Malta dalwaqt)
- L-Isvezja
- L-Ungerija.
Huwa minnu li l-gvern qed jikkonsidra li jagħlaq l-ambaxxata tas-Sawdi Għarabja u jiftaħ waħda ġdida fil-Marokk?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li l-Gvern fi ħsiebu illi jiftaħ Ambaxxata Maltija ġewwa Rabat fil-ġejjieni qarib.
F'dan l-istadju għadni m'inhiex f'qagħda li ngħid jekk l-Ambaxxata f'Riyadh hix ser tingħalaq fix-xhur li ġejjin jew le.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari li għamilt ftit żmien ilu rigward it-traffic lights fi Triq tal-Barrani, Żejtun, inti u ħiereġ miż-Żejtun, possibbli l-Ministru jinfurmani jekk dawn il-lights hux se jsiru b'sejħa għal tender?
Jekk iva, it-tender ħarġet?
Jekk iva, meta ħarġet u meta tagħlaq?
Jekk le, għaliex għadha ma ħarġitx meta dan il-post hu ferm riskjuż?
Jista’ l-Ministru jinfurmani meta se jsir dan ix-xogħol?
Jista’ l-Ministru ġentilment iwiegeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed fl-aħħar stadju biex jippublika s-sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra: 1) il-korrispondenza kollha bejn id-direttur tal-kuntratti u l-kumpannija SIMED bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum; 2) ir-rapporti u l-korrispondenza li għaddiet bejn id-direttur tal-kuntratti u l-esperti mqabbda dwar il-proċess ta' kjarifiki mitluba mill-kumpannija SIMED bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum; 3) il-korrispondenza li għaddiet bejn id-direttur tal-kuntratti u l-bord dwar il-kuntratti bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum dwar il-proċess ta' kjarifiki mitluba minn SIMED; 4) il-korrispondenza bejn id-direttur tal-kuntratti u l-ministru tal-finanzi bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum dwar il-proċess ta' kjarifiki mill-kumpannija SIMED?
Response (DALLI, JOHN)
Jidher li l-Onorevoli Membru qed joqgħod biss fuq li qed jgħidu s-SIMED u ma analiżżax sewwa r-rapport finali tal-Bord ta’ l-Appell għaliex kieku għamel dan ċerti mistoqsijiet ma kienx jagħmilhom.
Il-Bord ta’ l-Appell qal hekk:-
“Il-Bord, għalhekk, jirrakkomanda illi l-klijent, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, tidħol fi proċess ta’ kjarifikazzjoni ma Simed Int. bv biex tottjeni stampa aktar ċara ta’ l-offerta tagħhom”.
Għaldaqstant il-korrispondenza kollha dwar il-proċess ta’ kjarifikazzjoni saret bejn l-FMS u Simed kif ordnat mill-Bord ta’ l-Appell. L-unika korrispondenza li għaddiet bejn id-Direttur tal-Kuntratti u Simed Int. bv kienet ittra datata id-29 ta’ Diċembru 2003 u qiegħed inpoġġi kopja ta’ din l-ittra fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninforma wkoll lill-Onor. Membru li bejn it-3 ta’ Novembru 2003 u llum ma għaddiet l-ebda korrispondenza dwar il-proċess ta’ kjarifika bejn id-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti u bejni. Pero fis-26 ta’ Diċembru 2003 id-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti għaddieli għall-approvazzjoni tiegħi, ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti dwar l-għoti tal-Kuntratt lill-INSO. Dan id-dokument tqassam minni lil ġurnalisti waqt il-Press Conference li tajt.
Fl-aħħarnet id-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti ma jikkorrispondix bil-kitba mal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti li tiegħu huwa ex-ufficio Chairman.
Kumpannija SECTA — Evalwazzjoni ta' l-offerti għal xiri ta' apparat mediku
Question
Jista' il-Ministru jgħid xi proċedura ntużat u kif il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi waslet biex il-kumpannija SECTA tqabbdet tagħmel l-evalwazzjoni ta' l-offerti mitfugħa għat-tender għall-apparat mediku u s-servizzi anċillari?
Jista' jgħid kemm tħallset s'issa din il-kumpannija u kemm hu l-ammont pendenti ma' din il-kumpannija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-evalwazzjoni tat-tender għal xiri ta' apparat mediku għal Sptar Mater Dei saret fuq tlett aspetti jiġifieri l-aspett Finanzjarju, Legali u Tekniku. L-evalwazzjoni finanzjarja saret minn Grant Thornton li huma l-awdituri tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi filwaqt li l-evalwazzjoni legali saret minn G.Muscat Azzopardi & Associates li huma il-konsulenti legali tal-FMS. L-aspett tekniku ma ġiex evalwat mit-tekniċi tal-FMS, fuq prinċipji ta' etika u korrettezza, peressli t-tender ġie mfassal mill-istess nies.
Għalhekk sar shortlisting ta' erba' kumpanniji esperti f'din il-materja. SECTA intagħżlet mill-Adjudication Board tal-Medical Equipment Tender ta' l-FMS wara li ġiet meqjusa bħala kumpannija kompetenti, b'esperjenza kbira f'dan il-qasam.
L-ammont li tħallas lil SECTA mill-FMS kien ta' Lm67,724. L-istess kumpannija baqalha tieħu Lm2,700 minbarra ħlas ieħor li għad irid jiġi invoiced għal konsulenza li saret biex isir il-proċess ta' kjarifikazzjoni li ntalab mill-PCAP fuq l-offerta ta' SIMED.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra: 1) il-korrispondenza kollha bejn il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi u l-kumpannija SIMED bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum; 2) ir-rapporti u l-korrispondenza ta' l-esperti finanzjarji, legali u tekniċi, dwar il-kjarifiki mitluba mill-kumpannija SIMED, bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum; 3) il-korrispondenza li għaddiet bejn l-adjudication committee u l-bord tal-F.S.M. bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum dwar il-proċess ta' kjarifiki mingħand il-kumpannjia SIMED: 4) il-korrispondenza li għaddiet bejn il-bord tal-F.S.M. u d-direttur tal-kuntratti bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum dwar il-proċess ta' kjarifiki mill-kumpannija SIMED?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li d-dokumenti mitluba jistgħu jippreġudikaw lill-kumpannija SIMED ma jidhirlix li huwa għaqli li f'dan l-istadju jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Pero jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jarahom għall-informazzjoni tiegħu lest li nurieh id-dokumenti li qed jitlob.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid sena b'sena separatament bejn l-1996 u l-2003, kemm il-welfare committee dwar l-anzjani daħħal mingħand l-anzjani residenti f'residenzi u djar ta' l-anzjani tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-flus li l-Welfare Committee dwar l-anzjani daħħal mingħand residenti f’residenzi u djar ta’ l-anzjani tal-gvern huma hekk:
Sena Lm
1996 1,091,196
1997 899,378
1998 1,155,093
1999 867,050
2000 1,882,004
2001 2,108,932
2002 1,950,000
2003 2,213,555
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3644, billi l-Ministru wieġeb li ma jeskludiex il-possibbilta' li xi individwi wrew interess fil-proġett tal-Heritage Park, jista' jgħid jekk kienx hemm xi individwu/i li aċċennaw jew indikaw mal-Ministru, personalment, interess f'dan il-proġett? Jekk iva, min huma? Jekk dan l-interess intwera ma' xi uffiċjal fil-ministeru jew ta' xi dipartiment fid-dekasteru tiegħu, jista' il-Ministru jgħid ma' min u kif sar jaf?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Kif għidt diġa fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 3644 ma neskludiex il-possibilita’ li jista jkun li xi individwi aċċennaw jew indikaw li setgħu jkunu interessati fi proġetti bħal dawn.
Naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza l-fatt li kull Ministru jiġi avviċinat minn xi proposta mingħand xi ħadd li jkun wera interess f’xi proġett partikolari li jista’ jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu – dan huwa normali u ma hemm xejn ħażin b’dan.
Il-ħażin ikun jekk wieħed ikompli jitkellem u jagħti indikazzjonijiet illi wieħed jista’ jaċċetta proposti f’dan is-sens. Fil-każ imsemmi, kull ma sar kienet proposta informali li d-diskors fuqha ma kompliex ikun żviluppat.
Fil-każ tal-proġett tal-Heritage Park bħal ma jaf l-Onor. Membru l-Ministeru tiegħi ħareġ sejħa internazzjonali flimikien mal-U.I.A. (International Union of Architects) u għalhekk jidhirli li l-proċess u l-linja li mexjin fiha hija waħda ta’ trasparenza assoluta.
Ma naħsibx illi hija etika li wieħed joqgħod isemmi ismijiet ta’ idividwi li jkunu tkellmu ma xi Ministru fuq xi suġġett partikolari.