Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għalqa ta' Kola

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi protezzjoni qed issir għar-residenti li joqogħdu fi Triq il-Karrijiet, Rabat Malta minħabba trabijiet li qed isofru minn għalqa magħrufa bħala ta' Kola fejn ir-Roman Villa fejn din qed titħalla abbandunata u mingħajr xogħlijiet, liema għalqa qiegħda fil-kontroll assolut tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-għalqa magħrufa bħala "Ta' Kola" jew "Il-Wesgħa tal-Mużew" fejn id-Domus Rumana, ir-Rabat, Malta, hija skedata permezz tan-notifika tal-Gvern Numru 766/98 bħala sit ta' importanza arkeoloġika ta' Klassi B skond kif imfisser fil-Pjan ta' Struttura u kif provdut mill-Att dwar l-Iżvilupp. Waqt skavi preliminari bejn l-1983 u l-1984, f'dan is-sit kienu svelati għadd ta' fdalijiet ta' bini u materjal ieħor ta' żmien ir-rumani, jiġifieri ta' madwar elfejn sena ilu. Il-Kunsill Lokali tar-Rabat kien applika (PA 3707/95) biex jiksi l-wiċċ ta' din il-wesgħa biex tintuża bħala parkeġġ. Wara konsultazzjoni mad-Dirpartiment ta' l-Artijiet u d-Dipartiment tal-Mużewijiet, f'Novembu 1999 inħareġ permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) b'għadd ta' kundizzjonijiet biex ikunu salvagwardati l-fdalijiet arkeoloġiċi. Madankollu, fi Frar 2000, terzi persuni, fil-kapaċità privata tagħhom, ressqu appell (PAB 044/00) bħala ko-proprjetarji ta' l-art in kwistjoni, liema art kienet għadha ma ġietx esproprjata mid-Dirpartiment ta' l-Artijiet kif titlob il-liġi għalkemm kienu bdew il-proċeduri, kif xehdu ir-rappreżentanti tad-dipartiment waqt l-appell. F'Ottubru 2001, il-Bord ta' l-Appelli dwar Ippjanar irrevoka d-deċiżjoni tal-ħruġ tal-permess tal-parkeġġ minħabba li l-art in kwistjoni kienet għadha privata u l-permess kien inħareġ mingħajr ma ġew avżati u mingħajr il-kunsens tas-sidien proprji. Bħalma ġara fir-rigward ta' l-applikazzjoni mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) lesta tiddiskuti kull proposta biex l-allegat inkonvenjent jitneħħa.

Mdina — Ġnien

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27216 u peress li kemm il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u kif ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent qalu li m'humiex responsabbli mit-tindif tal-ġnien taħt il-bieb prinċipali ta' l-Imdina f'mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista' l-Prim Ministru jindika min hu l-ministru responsabbli għal dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 27220 li oriġinarjment saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u issa ġiet riferuta lilu, cioe' tista' tara li anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jrid jifdi ċ-ċens tal-post li huwa tiegħu u l-post kien tal-Knisja u llum sar tal-Gvern jiġi nfurmat b'dak li jrid jagħmel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna in kwistjoni biex tifdi ċ-ċens ħadet xi żmien biex tiġi pproċessata sakemm ġie determinat iċ-ċens korrett impost fuq ir-residenza tiegħu. Issa li din il-problema ġiet solvuta ser issir pjanta tal-fond sabiex il-proprjeta' tiġi reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet biex ikun jista' jsir il-kuntratt tal-fidi.

Barranin li jaħdmu t-tarzna

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27197 u jgħid minn mindu sar ir-restructuring tat-Tarzna, kemm ħaddiema nġiebu minn barra biex jaħdmu bil-kuntratt? Ta' liema nazzjonalita huma? Kemm tħallsu fis-siegħa tul il-kuntratt? Kemm huwa l-ammont totali li tħallsu lil dawn il-barranin? Kemm huwa kkalkulat li t-Tarzna ffrankat bis-saħħa ta' dawn l-impjegati barranin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #27342 Sitting 554 2007-09-24 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ufficjal Pubbliku nvestigat

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi uffiċjal pubbliku li jaħdem f'Għawdex li qiegħed jiġi nvestigat fuq falsifikar ta' dokumenti pubbliċi? Jekk hemm, x'passi ttieħdu jew qegħdin jittieħdu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li hemm zewg ufficcjali pubblici li jahdmu f'Ghawdex li qeghdin jigu nvestigati fuq falsifikar ta' dokumenti. Iz-zewg kazijaiet kienu riferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku skond ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta' l-1999 u qed jittiehdu wkoll passi bil-Qorti.

Ċertifikat tal-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-Għawdxin li kellhom iċ-ċertifikat tal-baħar tagħhom irtirat minħabba l-investigazzjonijiet li saru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-investigazzjonijiet li għalihom qiegħed jagħmel referenza l-Onor. Interpellant qegħdin jitmexxew mill-Pulizija u għaddhom għaddejjin.

Assistant head ta' skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'raġunijiet hemm li minħabba fihom, Instructor Grade 3 mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, minkejja li jista' jkollu anke diploma fl-edukazzjoni (Administration u Managament) mill-Universita' ta' Malta, ma jistax japplika għal Assistant Head ta' skola? X'inhi r-raġuni li għal madwar 20 sena, dawn l-instructors, allegatament minnhom, kienu mwiegħda li s-sitwazzjoni se titranġa, madankollu għadu ma tjieb xejn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-grad ta' Instructor Grade 3 kien ġie assimilat fil-Ftehim għall-Gradi ta' l-Instructors ta' l-1996. Għaldaqstant ma hemm l-ebda impjegat b'dan il-grad fid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni. Madankollu l-instructors kollha li għandhom warrant ta' għalliema ġew assimilati fi grad ta' Għalliem permezz tal-Ftehim ta' Lulju 2007 u għaldaqstant jistgħu japplikaw għal Assistent Kap ta' l-Iskola bl-istess kondizzjonijiet bħal għalliema oħra.

Ex-pulizija — Reinstatement

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex ma sarx ir-reinstatement ta' ex-pulizija, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kien applika għar-reinstatement f'Marzu ta' l-1992 meta dan kienu bagħtu għalih mid-Depot fi żmien il-Kummissarju Calleja u li sal-lum għadu mhux membru tal-Pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ma hemmx x'wieħed iżid mat-tweġibiet li kienet ingħatat bil-miktub dak iż-żmien il-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Mall — Inawgurazzjoni ta' xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa l-festin li sar dan l-aħħar fuq il-Mall fejn ġew inawgurati xi xogħlijiet mill-Prim Ministru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Plot tal-Joint Office

Question

Wara li residenti minn Triq Dun Gorġ Fenech, Qormi ilhom jilmentaw li fit-triq imsemmija hemm xi plots tal-Joint Office li huma abbandunati u mingħajr il-ħitan rikjesti bil-liġi, bil-konsegwenza li dawn l-għelieqi qed jiġbru ħafna ħmieġ fihom, u għaldaqstant qed ikunu ta' inkonvenjenza għar-residenti ta' l-inħawi, jista' l-Viċi Prim Ministru jindaga u jieħu passi, inkluż li jinbena ċ-ċint rikjest?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art fi Triq Dun Ġorġ Fenech, Qormi kienet amministrata mill-Uffiċċju Konġunt, imma ġiet trasferita lill-Awtorita' tad-Djar fis-sena 2003.

Irranġar ta' centre strip

Question

Jista' l-Ministru jitlob l-Awtorita' dwar it-Trasport tikkonsidra li tieħu ħsieb tirranġa c-centre stripta' Mdina Road (l-parti faċċata tas-Shopwise/ħdejn it-taraġ) li jidher li tinsab mitluqa b'ġebel mitluq fin-nofs, kurduna mkissra u mingħajr tisbiħ ta' siġar u pjanti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret minn uffiċċjali tal-ADT ma stabetx il-kundizzjoni kif deskrita fil-mistoqsija parlamentari. Għaldaqstant l-Onorevoli Nterpellant huwa mitlub jispeċifika eżatt liema parti tas-centre strip.

Zebbuġ — Triq il-Lunzjata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax isir studju biex il-problema serja ta' għarar fi Triq il-Lunzjata, Zebbuġ, Malta tiġi solvuta? Din it-triq hija magħmula minn daħla u ħarġa madwar kappella u żewġ cul de sac waħda fuq il-lemin u waħda fuq ix-xellug tal-kappella. L-għarar isir speċjalment fuq in-naħa tal-lemin (tħares lejn il-kappella minn Triq il-Kbira) u dan b'dannu kbir għar-residenti.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT ser tagħmel studju tal-livelli madwar din il-kappella sabiex tkun tista’ tanalizza il-problema msemmija ta’ għarar.

Paola — Triq Guzeppi Agius

Question

Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili li jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq Guzeppi Agius, Paola, tiġi asfaltata fil-futur qarib, in vista tal-prijoritajiet ta' l-ADT f'dan ir-rigward u in vista ta' l-inkonvenjent kbir u sever li r-residenti tagħha ilhom isofru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-imsemmija triq ma tagħmilx parti mill-lista ta’ toroq li ser jinbnew mill-ADT sal-2008.

MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li wara iktar minn sena li jien stess irrimarkajt fuq dan, jitwaħħal kurċifiss fil-kamra fejn jiltaqa' l-Bord ta' l-Appelli tal-MEPA peress li sal-lum m'hemmx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li għalkemm mhemmx kurċifiss imwaħħal mal-ħajt fil-Kamra fejn jiltaqa’ l-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), hemm kurċifiss espost fuq il-mejda ta’ l-istess Bord.

Proprjetajiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-proprjetajiet fl-Isla, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament humiex tal-Gvern jew inkella ta' l-Uffiċċju Konġunt?

Response (BORG, TONIO)

Il-proprjeta' amministrata mill-Uffiċċju Konġunt hija proprjeta' tal-Gvern daqs dik amministrata mid-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Proprjeta'. Ninsab infurmat li tlieta mill-erba' proprjetajiet li d-dettalji tagħhom intbagħtu separatament huma tal-Gvern, u amministrati mill-Uffiċċju Konġunt. Dak bin-numru 72 huwa ta' sidien privati.

Proprjetajiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-proprjetajiet fl-Isla, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament humiex tal-Gvern jew inkella ta' l-Uffiċċju Konġunt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-postijiet, fit-triq indikata, bin-numru 67 u 68 huma proprjeta' ta' l-Uffiċċju Konġunt u dak bin-numru 72 hu proprjeta' privata. Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandu ebda nformazzjoni dwar il-post bin-numru 73.

Bord Mediku — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna għaddiet bord mediku u ngħatat l-għajnuna finanzjarja neċessarja matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007? Jista' jgħid min kienu l-membri tal-bordijiet mediċi f'dan il-perijodu u jagħti dettalji ta' kif il-bordijiet kienu komposti u jispeċifika kemm-il kaz kull bord mediku individwali kif kompost laqa' talbiet minn individwi partikolari?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali.

Awtorita' Marittima — Vapuri reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jagħti dettalji kemm-il vapur li għandu aktar minn 25 sena ġie reġistrat ma' l-Awtorita' Marittima Maltija matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007? Peress li dawn il-bastimenti mhux suppost li jiġu aċċettati li jiġu reġistrati taħt il-bandiera Maltija, jista' jgħid xi kriterju qed jintuża sabiex issir deroga minn din ir-regola? Jista' jgħid kemm-il persuna li kienet tidditjeni liċenzja sabiex issuq bastiment jew dgħajsa ġiet mitluba tirritorna lura l-liċenzja matul is-sena 2007?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mkien ma hemm stipulat li bastimenti ta’ ħamsa u għoxrin sena jew iżjed ma jiġux aċċettati għar-reġistrazzjoni. F’każijiet bħal dawn kull ma jimponi l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili huwa li reġistrazzjoni bħal din trid issir mir-Reġistratur Ġenerali jew bil-permess tiegħu. Huwa ċar li f’każijiet bħal dawn ir-Reġistratur Ġenerali jimxi fuq policy li tkun maqbula minn qabel. Għal din il-parti tal-mistoqsija l-Onor. Membru jista` jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 24369. Qed nqiegħed fuq il-mejda tal-kamra d-dettalji ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija numru 27343.