Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Ministru jara li t-talba għall-akkomodazzjoni alternattiva tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata attenzjoni speċjali, peress li f'appartament ċkejken qed jgħixu disgħa minn nies?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi t-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ applikazzjonijiet oħrajn pendenti li għandu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Leg 10 PQ #3694 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Course NCC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti li applikaw ma' l-ETC għal course NCC u għadhom jistennew għax bla sponsor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li in-numru ta' persuni li applikaw mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għal kors NCC kien ta' 44. Minn dawn 21 persuna ġew aċċettati fl-Advanced Diploma Course u 12 fid-Diploma Course. Mill-11 li ma ġewx aċċettati 6 ma kienux eleġibbli, 2 qed jattendu programm ieħor u 3 oħra qed jattendu għall-kors privatament. Għaldaqstant ma jidhirx li hemm xi persuni li qed jistennew biex jibdew NCC Course.
Leg 10 PQ #3706 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kapijiet ta' skejjel

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma u jekk fil-każ jgħid għaliex it-tliet persuni li isimhom qed jintbagħat separatament, u li huma fil-grad ta' kapijiet ta' skola u assistent kap ta' skola, mhux qed imexxu l-ebda skola? X'xogħol wettqu l-persuni msemmija fl-aħħar sitt xhur?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Membru qed titwettaq riforma fil-qasam ta' l-edukazzjoni teknoloġika biex tieħu post l-iskejjel tas-snajja. L-uffiċjali imsemmija, minħabba l-esperjenza tagħhom, ġew inkarigati jaħdmu fuq xogħol ta' l-implimentazzjoni tad-Design and Technology fl-iskejjel ta' l-Istat mad-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni (DTiE).

Mosta — Triq il-Waqqaf - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Waqqaf fil-Mosta tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programmm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Birkirkara — Triq il-Għabex - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Għabex, is-Swatar, Birkirkara tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Ħ'Attard — Triq Zragen - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-aħħar parti ta' Triq Zragen f'Ħ'Attard tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trtasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Servizz ta' trasport pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda s-servizz ta' trasport pubbliku li jgħaqqad is-Siġġiewi ma' Ħaż-Żebbuġ, ma' Ħ'Attard u mal-Mosta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' l-Assoċjazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku f'dan ir-rigward. Din marbuta mar-riforma li ser issir fit-Trasport Pubbliku u mistenni li dan it-tibdil iseħħ fiż-żmien li ġej.

Higher Secondary — Giovanni Curmi - Naxxar

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal -liema raġuni t-triq ta' fejn hemm il-Higher Secondary, Giovanni Curmi fin-Naxxar ma għadhiex tingħalaq meta tispiċċa l-iskola u jkunu ħerġin l-istudenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-passaġġ tat-traffiku fit-toroq li jagħtu għall-iskola msemmija mill-Onorevoli Interpellant huwa ristrett b`tabelli tas-sinjali tat-traffiku għal waqt il-ħinijiet tad-dħul u ħruġ ta` l-istudenti. Infurmat ukoll illi normalment ikun hemm pulizija fl-inħawi f`dawn il-ħinijiet ukoll sabiex jissorvelja l-buses li jġorru l-istudenti. Pero` infurmat ukoll illi f`din l-iskola hemm numru ta` studenti kif ukoll għalliema li jkollhom jgħaddu minn dawn it-toroq sabiex jaslu fl-imsemmija skola.

Diviżjoni għall-kummerċ — Applikazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni (CD/3209/2003/Part 156) Diviżjoni għall-kummerċ?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fis-7 ta' Mejju 2003, id-Direttorat tas-Servizzi Kummerċjali kiteb lill-applikant konċernat biex jibgħat xi nformazzjoni li nstabet nieqsa fl-applikazzjoni għall-liċenzja ġdida biex tħaddem attivita' kummerċjali taħt l-Att dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (Kap. 441) meta permess tal-bini jkun diga' inħareġ. Id-Direttorat għadu ma rċieva l-ebda risposta mingħand l-applikant.
Leg 10 PQ #3713 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Biagio Examination Centre

Question

Peress li ħafna studenti jilmentaw li l-Biagio Examination Centre mhuwiex adegwat u komdu biex isiru eżamijiet, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-eżamijiet jibdew isiru x'imkien ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li iċ-Ċentru ta' l-Eżamijiet ta' Biagio huwa wieħed minn tlett ċentri li huwa speċifikament għall-użu tad-Dipartiment ta' l-Eżamijiet. B'hekk id-Dipartiment jista' jagħmel użu minn dawn iċ-ċentri (inkluż iċ-Ċentru ta' Biagio) biex imexxi l-eżamijiet li jsiru matul il-ġurnata meta l-iskejjel ikunu okkupati. Madnakollu iċ-Ċentru ta' l-Eżamijiet ta' Biagio huwa wkoll inkluż fil-programm ta' modernizzar li d-Dipartiment qiegħed iwettaq fiċ-Ċentri ta' l-Eżamijiet.

Testijiet tal-karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex dawk l-Għawdxin li jridu jagħmlu t-test tal-karozza jridu jitilgħu Malta? Jista' il-Ministru jara kif dan it-test jibda jsir Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tindika dwar liema test qed tirreferi.
Leg 10 PQ #3715 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Passaporti Diplomatiċi

Question

Kemm inħarġu passaporti diplomatiċi fl-aħħar leġislatura u f'din il-leġislatura sena b'sena? Min huma dawn il-passport holders?

Response (BORG, JOE)

Mill-informazzjoni li ksibt mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, in-numru ta' passaporti diplomatiċi li nħarġu, sena b'sena, matul il-perjodu ndikat mill-Onorevoli Membru, kien dan: - Bejn il-11.09.1998 - 31.12.1998 ħarġu 15 il-passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.1999 - 31.12.1999 ħarġu 85 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2000 - 31.12.2000 ħargu 72 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2001 - 31.12.2001 ħarġu 65 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2002 - 31.12.2002 ħarġu 44 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2003 - 30.04.2003 ħargu 21 passaport diplomatiku - Bejn il-01.05.2003 - 31.12.2003 ħarġu 61 passaport diplomatiku - Bejn il-01.01.2004 - 14.01.2004 ħarġu 5 passaporti diplomatiċi Infakkar lill-Onorevoli Membru illi numru konsiderevoli ta' dawn il-passaporti li nħarġu fi snin imgħoddija kellhom skadenza ta' ħames snin u uħud minnhom illum m'għadhomx validi. Ma nħossx illi għandi nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-passaporti diplomatiċi elenkati hawn fuq, iżda dispost li ngħaddi privatament lill-Onorevoli Membru din il-lista mħejjija mill-Ministeru konċernat.
Leg 10 PQ #3716 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummisjoni tas-servizz Pubbliku — Ħatra ta' Direttur ta' l-Eżamijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku fil-ħatra ta' Direttur tal-Eżamijiet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi l-proċess ta’ l-għażla għal Direttur tal-Eżamijiet għadu għaddej.

Ħaddiema tal-Malta Shipyards — Xogħlijiet fuq vapuri

Question

X'vapuri jew xogħlijiet oħra ħadmu fuqhom il-ħaddiema tal-Malta Shipyards Co. tul ix-xahar ta' Diċembru 2003?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Malta Shipyards Ltd., matul ix-xahar ta' Diċembru 2003 għamlet dawn ix-xogħolijiet: Tiswija fuq 12-il vapur li kienu fit-Tarzna Tiswijiet u xogħolijiet ta' konverzjoni fuq 4 Super Yachts Manifattura ta' 3 bagi kbar Xogħolijiet oħra għall Kumpaniji bħall-Enemalta, Air Malta, Malta Freeport etc. Xogħolijiet fuq vapuri oħra li ma kienux jinsabu ġot-Tarzna.

MIMCOL — Proġett ta' Chambray - Għawdex

Question

Jista il-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-MIMCOL dwar is-sehem tal-Gvern Malti fil-proġett ta' Chambray u biex tiżgura li l-partijiet l-oħra involuti fil-proġett iżommu l-impenji li ħadu meta ngħataw propjeta' pubblika b'kundizzjonijiet daqshekk favorevoli?

Response (GATT, AUSTIN)

Permezz tal-MGI il-Gvern huwa azzjonista b'sehem ta' 49% fil-kumpanijea Fort Chambray Ltd. F'din il-kumpanija l-MGI hija rapprezentata minn zewg diretturi fuq Board kompost minn ħames persuni. Flimkien mal-Gvern u bħala azzjonista b'minorita, l-MGI qed tistudja l-qagħda tal-proġett ġo Fort Chambray fid-dawl ta' l-obbligi u l-impenji kontrattwali tal-Forti Development Ltd u Forti Resorts Ltd li dawn assumew permezz tal-kumtratti tas-sub cens rispettivi kif ukoll in vista ta' obbligi u kundizzjonijiet bħal dawk imposti mill-MEPA. B'dan il-għan saru diversi laqgħat mal-partijiet konċernati.

Forti ta' Chambray — Ħarsien tal-wirt storiku

Question

B'referenza għall-proġett fil-forti Chambray x'passi ħadu s'issa l-istrutturi differenti li għandhom responsabiltajiet differenti għall ħarsien tal-wirt storiku u kulturali tagħna? X'passi bi ħsiebhom jieħdu fix-xhur li ġejjin biex dak il-wirt jitħares bis-serjeta' flok jibqa' qisu kerrejja ġdida u kerha fuq l-għolja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-istrutturi huma koperti bil-permessi meħtieġa ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar u sta għal din l-Awtorita’ li tieħu l-passi meħtieġa jekk l-istrutturi li hemm fuq il-forti mhumiex konformi mal-permessi.

Każ Parmalat

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'liema mod l-awtoritajiet finanzjarji Maltin ġew mitluba jikkoperaw fl-investigazzjonijiet li qed isiru mill-prokuri ta' Parma u Milan f'għadd ta' pajjiżi differenti fid-dinja dwar il-każ tal-Parmalat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li sa llum, l-awtoritajiet finanzjarji Maltin ma irċevew ebda talba mill-prokuri imsemmija fid-domanda.

Awtoritajiet ġudizzjarji — Rikjesti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm rikjesti għall-estradizzjonijiet minn gvernijiet barranin lill-Gvern ta' Malta għas-snin 2001, 2002, 2003 u 2004? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji? Min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew milqugħa mill-awtoritajiet ġudizzjarji u min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ma ġewx riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji għaliex ġew miċħuda mill-ewwel fuq livell ta' ministeru u min kienu l-persuni nvoluti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-2001 u l-2004 kien hemm it-talbiet għal estradizzjoni kif ġej: 2001 - 6 2002 - 5 2003 - 1 2004 - nil Minn dawn 9 ġew riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Mit-12-il rikjesta, 1 dwar Romeo Bone għadha pendenti quddiem il-Qorti; Waħda dwar Al Sous Mohammed El ma ġietx riferita lill-Qorti għax ma ingħatatx l-informazzjoni korretta; Waħda dwar Ronald Alan Grecula ma ġietx riferita għaliex ir-reat li dwaru intalbet ma kienx wieħed ta' estradizzjoni; Tlett persuni aċċettaw li jmorru lura fil-pajjiż fejn intalbu volontarjament dawn huma: Hamadi Bouyahia, Louigi Bussi u Dennis Taylor Buchan, dan ta' l-aħħar wara li tressaq il-Qorti. Barra Bouchan u Bone fuq imsemmija ġew imressqa l-Qorti u ingħatat l-estradizzjoni mill-Qorti fil-każ ta' Ronald Agius, Sheikh Turab Ahmed, Fatiha Khallouf, Raymond Gauci, Anthony Bartolo u George Cauchi.

Raħal Ġdid — Triq ir-Reġina - Containers

Question

Jista' il-Ministru jara li tittieħed azzjoni kontra l-containers li qegħdin jostakolaw residenti fi Triq ir-Reġina, f'Raħal Ġdid kif jidher mir-ritratti li qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija dwar l-ilment imressaq mill-Onorevoli Interpellant dwar parkeġġ ta` containers fi Triq is-Sultana Raħal Ġdid, irriżulta illi l-lokalita` imsemmija hija regolata b`sinjali tat-traffiku fejn il-parkeġġ ta` vetturi huwa ristrett ħlief għal ħatt ta` merkanzija mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00am u s-1.00pm u bejn l-4.00pm u s-6.00pm. Madankollu infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tagħmel ronda f`din il-lokalita` sabiex tara li ma jkunx hemm ksur ta` liġi.