Jista' il-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jingħata tax refund tas-sena 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant jkun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament. Jekk irid jista’ jmur sat-Taxpayer Service u jkun jista jinqeda minn hemmhekk.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata tax refund tas-snin 1995 u 1996?
Response (DALLI, JOHN)
Ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant jkun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament. Jekk irid jista’ jmur sat-Taxpayer Service u jkun jista jinqeda minn hemmhekk.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk wara li kif qal huwa stess tkexkex jisma li l-isptar Mater Dei se jiswa l-miljuni tal-liri minn but il-poplu Malti aktar milli kien previst, huwiex lest li jdur fuq min huwa responsabbli billi jgħabbi r-responsabbilta' fuq min huwa konċernat, cioe' mill-konsulenti u spiċċa bil-ministri konċernati u li jekk ikun il-każ illi jinstabu abbużi, dawn iridu jgħaddu lura lill-poplu dak li huwa tiegħu u saħansitra sseħħ ir-riżenja tal-ministri responsabbli?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li s-servizz pubbliku għandu strutturi li huma responsabbli sew mill-infieq pubbliku u kif ukoll is-sorveljanza tiegħu.
Nispera li ma nessiex li miż-żmien li ilu jinbena l-isptar, sentejn minnhom kien hemm l-amministrazzjoni laburista li għamliet bidliet radikali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid wara li kif qal huwa stess, tkexkex bl-ispejjeż ta' l-isptar Mater Dei, x'seħħ sabiex tiġi ġġustifikata l-ispiża u kif il-poplu se jiġi nformat li l-isptar Mater Dei reġa' lura għall-budget plan li kien ippjanat u ppreżentat lill-Parlament saħansitra qabel beda l-iskavar tas-sit li fuqu qed jinbena l-isptar in kwestjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ispiża hija ġustifikata mill-fatt li l-poplu Malti se jkollu sptar modern li jixraqlu għaż-żminijiet tal-lum.
Jista' il-Ministru jgħid kif inhi l-proċedura u jekk il-MEPA taġixxix fir-rigward ta' garanziji bankarji li ma jkunux tħallsu? F'dan ir-rigward, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' proġetti jew siti li għalihom għadha ma tħallsitx il-garanzija bankarja? Jista' jgħid x'inhu l-istadju ta' kull proġett jew sit u jekk ma ġietx applikata l-istess miżura għal kulħadd?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li meta tiġi mposta garanzija bankarja fuq xogħol applikat għalih, il-permess ma jinħariġx jekk din il-garanzija ma tkunx tħallset. Jekk il-garanzjia tibqa' ma titħallasx, l-applikazzjoni terġa' tidher quddiem l-istess Kummissjoni li jkun iddecidiha sabiex jiġi rrifjutat fuq ir-raġuni li l-garanzija bankarja ma ġietx sottomessa.
Jekk il-MEPA tkun ħarġet permess għal żvilupp f'siti storiċi li fuqhom ikun seħħ qualsiasi forma ta' proġett u durante l-istess żvilupp ikunu seħħu xi danni fl-istruttura tas-sit storiku, jista' il-Ministru jgħid kif taġixxi l-MEPA u x'pieni jiġu esegwiti fil-konfront ta' l-iżviluppatur? F'dan il-kontest, jista' jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' notifiki li ġew indirizzati lill-iżviluppaturi flimkien mal-pieni tassattivi li seħħew minn Jannar 2002 sa Jannar 2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li meta l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ikollha applikazzjoni għal żvilupp qrib xi sit ta' importanza storika jew arkejoloġika, hija il-prassi li l-applikant jintalab jagħmel garanzija bankarja li fil-permess tkun marbuta ma' kundizzjoni li tissalvagwardja il-protezzjoni tal-wirt storiku in kwestjoni, dan sabiex ma jsirux ħsarat lil dan il-wirt.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' garanziji bankarji li ġew miżmuma mill-MEPA bejn Jannar 2002 u Jannar 2004, minħabba ksur ta' kundizzjonijiet bħal dawn.
Jista' il-Ministru jgħid kif qed jiġi aċċettat li numru sostanzjali ta' immigranti qed jieħdu xogħol il-Maltin mal-kuntratturi?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultalix li qed jiġi aċċettat li immigranti jieħdu xogħol il-Maltin mal-kuntratturi. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (KXT) QATT ma tippermetti li xi immigrant jitħalla jagħmel xogħol mal-kuntrattur jekk hemm Maltin li lesti jidħlu għal dak ix-xogħol. Il-KXT tieħu interess dirett billi flimkien ma kuntratturi tintervista u tħarreġ Maltin li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol u li jkunu tajbin għal xogħol ta' kostruzzjoni. Hija realta' li minkejja kull sforz għad hemm diffikolta biex tiġi sodisfatta id-domanda kollha ta' l-employers fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Fil-fatt il-Korporazzjoni flimkien ma' l-FOBC tapplika b'mod rigoruż il-kriterju li biex permess ta' barranin jiġi maħruġ kemm il-darba il-Maltin li hawn imħarrġa jingħataw preferenza u kif ukoll li l-kuntrattur jintrabat li jħarreġ lil xi ħadd Malti ieħor waqt li jkun qed iħaddem barrani.
Il-Korporazzjoni dejjem saħqet li l-MALTI għandu jingħata preferenza mhux biss fix-xogħol imma anke fit-taħriġ sabiex b'hekk ikun hawn nies imħarrġa biżżejjed f'dan il-qasam.
Awtorita' marittima — Diriġenti li xehdu quddiem il-qorti Franċiża
Question
Jista' il-Ministru jispjega jekk il-gvern irċeviex rikjesta mingħand il-maġistratura Franċiża kontra xi diriġenti ta' l-awtorita' marittima?
Jista' jgħid min huma d-diriġenti ta' l-awtorita' marittima jew uffiċċju tal-gvern li xehdu quddiem il-qorti Franċiża in konnessjoni ma' l-istess inċident, meta xehdu, kemm-il darba xehdu u quddiem min?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita` Marittima ta' Malta rappreżentata mic-Chairman tagħha u d-Direttur Eżekuttiv tal-Bastimenti Merkantili ġew mitluba mill-Maġistratura Franċiża biex jidhru quddiemha f'konnessjoni ma' l-inkjesta li din l-istess maġistratura qed tagħmel dwar l-inċident li kien involut fih il-Bastiment Erika fl-1999.
L-ebda diriġent jew uffiċjal ta' l-Awtorita` Marittima jew ta' xi uffiċċju tal-Gvern ma ta xhieda fi Franza f'konnessjoni ma' dan l-inċident.
Fir-rigward ta' l-inċident tal-bastiment Erica, jista' il-Ministru jgħid, fiċ-ċirkostanzi, l-attitudni tal-maġistratura Franċiża u l-ordnijiet konsegwenzjali li jikkonċernaw l-istat Malti humiex ultra vires għax jattraċċaw fuq is-sovranita' ta' l-istat Malti?
X'passi diplomatiċi qed jieħu l-gvern f'dan is-sens?
Response (BORG, JOE)
Il-pożizzjoni legali tal-Gvern Malti fil-konfront tal-proċeduri ġudizzjarji Franċiżi konnessi ma' dan il-każ hija li l-Awtorita' Marittima Maltija, bħala organu ta' l-Istat Malti u l-Uffiċċjali tagħha bħala uffiċċjali ta' l-Istat Malti, igawdu mill-immunita' sovrana ta' l-Istat Malti u allura ma' jistgħux jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qrati Franċiżi.
Din il-pożizzjoni twasslet lill-Awtoritajiet Franċiżi ukoll permezz ta' meżżi diplomatiċi.
Jidhirlu l-Ministru li l-European warrant of arrest jista', f'ċerti ċirkostanzi, jinterferixxi fuq is-sovranita' ta' l-istat Malti?
Jidhirlu konsegwenzjalment li qabel ma jirratifika tali trattat għandu jaġġunġi ċerti riservi?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw maħfriet presidenzjali fl-1991, fl-1992 u fl-1993 u jagħti d-dettalji tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25227 fis-Seduta 542 tat-23 ta` Mejju 2001, fil-Leġislaturi ta` qabel.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21020 tas-seduta 423 tat-13/11/2000, tista' il-Ministru tispjega għaliex minkejja li fir-risposta tagħha qalet li kienu qed jiġu ppreparati l-ispeċifikazzjonijiet għall-ħruġ ta' l-offerti biex jingħata s-servizz tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Triq San Anard, Rabat, Għawdex, ir-residenti ta' dik it-triq għadhom mingħajr dan is-servizz issa li għaddew iktar minn tlett snin wara li ngħatat din ir-risposta? Jaf li r-residenti ilhom mill-1981 li ħallsu għal dan is-servizz?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogholijiet imsemmija ma setghux isiru minhabba prioritajiet ohrajn.
Jista' il-Ministru jagħti update dwar is-sitwazzjoni tas-servizz tal-luggage carrier li kien jiġi offrut mill-Gozo Channel u li issa twaqqaf? Jista' jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jiġu mpjegati ħaddiema ġodda oħra sabiex jerġa' jibda jingħata dan is-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Is-servizz tal-Baggage Trailers li kien jiġi offrut, għadu wieqaf peress illi ma kien hemm ebda żviluppi dwar il -kwistjoni mal-UHM. Infakkar illi s-servizz waqaf mhux b'deċiżjoni tal-Gozo Channel iżda għax ingħatat direttiva ndustrijali mill- Union tal-ħaddiema. Din jidher li ġiet provokata minn ordni leġittima tal-management illi fin-naħa tal-Imġarr jiġu assenjati żewġ ħaddiema fuq dan ix-xogħol u mhux tlieta kif kien hemm qabel. Tajjeb li ngħid li fuq in-naħa taċ-Ċirkewwa s-servizz jitħaddem minn żewġ ħaddiema.
Il-Kumpanija mhux qiegħda teskludi ebda possibilta' biex is-servizz jerġa' jibda jingħata iżda neskludi li ser jiġu mpjegati xi ħaddiema ġodda.
Servizz Pubbliku — Eżami ta' l-iskrivani (clerk 1)
Question
B'riferenza għar-riżultat ta' l-eżami ta' l-iskrivani (clerk 1) għal maċ-ċivil, liema riżultat ħareġ ftit qabel l-elezzjoni ġenerali 2003, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għaddew minn dan l-eżami u kemm minn dawn li għaddew ġew effettivament impjegati? U peress li r-riżultat ta' dan it-tip iservi biss sena, jista' jgħid x'se jiġri minn dawk li għalkemm ikunu għaddew ma jiġux impjegati f'dik is-sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi mill-eżami għal Skrivani fis-Servizz Pubbliku li r-riżultat tiegħu ħareġ fl-2003 għaddew 545 applikant. Sa issa ħadd għadu ma ġie mpjegat. Il-validità tar-riżultat taqa’ wara sena mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il każ ta' serq ġie rrappurtat lill-pulizija matul l-aħħar tlett snin f'Għawdex, kemm minn postijiet privati kif ukoll minn premises governattivi? Jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' flus u/jew oġġetti li ġew misruqa? U kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każijiet ta` serq minn residenzi privati u postijiet governattivi, flimkien mal-valur iddikjarat, li ġew irrapurtati lill-Pulizija f`Għawdex matul dawn l-aħħar tlett snin, kif ukoll il-każijiet ta` serq solvuti huwa kif ġej:
Residenzi privati Postijiet Governattivi
Sena
Numru ta` rapporti
Valur dikjarat
Numru ta` rapporti
Valur dikjarat
Każi solvuti
2001
30
Lm10,464
2
Mhux indikat
12
2002
29
Lm11,589
4
Lm482
12
2003
35
Lm11,168
4
Lm2,320
5
Sptar ġenerali ta' Għawdex — Nuqqas ta' infermiera
Question
Peress illi fl-isptar ġenerali ta' Għawdex qed jinħass il-bżonn ta' iktar nurses, tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb li jitniżżlu nurses minn Malta biex jaħdmu f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fl-2003 ġew trasferiti disa' infermiera minn Malta għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Jiena nfurmata li l-qagħda tal-infermiera fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex tiġi riveduta kull sena ma' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ma' l-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jintbagħtu lejn Għawdex biżżejjed infermiera skond il-ħtieġa, mingħajr ma jitħalla effett negattiv fuq is-servizz f'Malta.