Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tat-trasport — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jispjega kif jaġixxi l-management ta' l-awtorita' tat-trasport mal-ħaddiema tagħha, meta ċerti ħaddiema jagħmlu rapport tad-dixxiplina fuq ħaddiema oħra li jkunu naqsu minn dmirijiethom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-management ta' l-Awtorita` dwar it-Trasport jimxi mal-proċeduri kif stipulati fil-ftehim kollettiv.

MIA

Question

Peress li l-budget ta' l-MIA fis-sena 2003 nqabeż bi Lm11,000,000, jista' il-Ministru jgħid kif intlaħqet din is-somma u l-investiment konċernat x'kien? Jekk din is-somma ntnefqet abbażi ta' nuqqas ta' aċċertazzjoni fil-professjoni arkitettwali, jista' jgħid min kien responsabbli kif se jirreċiproka l-fondi abbużati lill-poplu Malti?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghar-risposta li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari 1130, nigbidlu l-attenzjoni li zgur hemm zball fid-domanda tieghu ghax l-anqas il-budget totali tal-MIA ma jlahhaq Lm11-il miljun.

Ambaxxaturi

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista dettaljata ta' ambaxxaturi akkreditati għal Malta u jindika liema huma dawk residenti f'Malta u ambaxxaturi Maltin għal pajjiżi esteri u min minnhom jirrisjedi barra minn Malta?

Response (BORG, JOE)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant

Qorti tal-ġustizzja Ewropea — Nominazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti ġiex inċitat jippreżenta nominazzjonijiet (prim'istanza u l-appell) fil-qorti tal-ġustizzja Ewropea u jgħid min huma n-nominazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-Gvern jagħmel in-nomina meta jkun il-waqt.

Vapuri reġistrati f'pajjiżna

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn vapuri reġistrati Malta u jagħti t-tunnellaġġ tagħhom? Jista' jgħid ukoll fil-kemm-il post qiegħda Malta bħala numru u tunnellaġġ ta' vapuri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 3361 bastiment reġistrat Malta b'tunellaġġ gross totali ta' 25,994,108. Skond l-aħħar statistika ppublikata minn Lloyd's Register Fairplay fl-aħħar tal-2002, Malta kienet tidher bħala l-ħames l-ikbar reġistru tal-bastimenti għal dak li huwa tunnellaġġ gross totali.

Awtorita' marittima — Reġistrazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul l-2003 kemm ġew kanċellati reġistrazzjonijiet ma' l-awtorita' marittima għal reġistrazzjoni? Jista' jagħti n-numru ta' postijiet ta' irmiġġ f'Malta u f'Għawdex u jagħti d-dettalji tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi matul is-sena 2003 ġew effetwati 371 kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' bastimenti taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili. In-numru ta' rmiġġi f'Malta u Għawdex,skond ir-Rapport Annwali 2002-2003 ta' l-Awtorita` Marittima li għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-futur qarib, huwa ta' 1635. Dawn l-irmiġġi huma mqassmin hekk: Msida / Ta' Xbiex 815 Mġarr, Għawdex 210 Portomaso 110 Manoel Island Marina 250 Grand Harbour Marina 250

Irmiġġ — applikazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-irmiġġ? Jista' jgħid kemm għandna vapuri single hull?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għall-irmiġġi huwa ta' 389. Sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 165 tanker li jistgħu jitqiesu bħala single hull reġistrati Malta.

Inċident tal-bastiment Erica

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-gvern rigward l-investigazzjonijiet ta' l-inċident ta' l-Erica? Hemm rappreżentanti Maltin fi Franza li qed isegwu l-investigazzjonijiet? Jista' jgħid kemm hemm impjegati ma' l-awtorita' marittima?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi peress li l-bastiment Erika kien reġistrat Malta, l-Awtorita` Marittima ta' Malta għamlet l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-inċident li kien fih involut dan il-vapur fl-1999. Ir-rapport relatat ħareġ f'Settembru 2000 liema rapport kien ukoll magħmul pubbliku. Rappreżentanti legali ta' l-Awtorita` Marittima ta' Malta qegħdin isegwu l-azzjoni tal-Maġistratura Franċiża fir-rigward ta' l-Awtorita` Marittima ta' Malta u l-uffiċċjali Maltin. In-numru ta' mpjegati ma' l-Awtorita` Marittima huwa ta' 219.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar persuna minuri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna minuri li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma tistax tkompli tibqa' man-nanna materna li d-dettalji tagħha wkoll qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #3935 Sitting 92 2004-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Price Club — Passi kriminali kontra diriġenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma ttieħdux passi kriminali kontra d-diriġenti tal-Price Club wara li skond xiehda mogħtija fil-qorti minn direttur ta' Price Water Coopers ilu li deher ċar - kif ikkonfermat riċentement fil-Malta Today - li kien hemm imġieba skandaluża min-naħa tad-diretturi tal-Price Club fix-xhur li wasslu għall-kollass taċ-chain ta' supermarkets?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s`issa il-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar xi ksur tal-liġi kriminali fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Investituri Maltin fil-Parmalat

Question

Tista' l-MFSA tagħmel investigazzjoni serja dwar stockbrokers li allegatament inkoraġġew lill-investituri Maltin biex xi żmien ilu jinvestu flushom fil-Parmalat - kif irrappurtat fil-Malta financial & business times?

Response (DALLI, JOHN)

Is-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Interpellant ser ngħaddih lil awtorita' kompetenti sabiex teżamina jekk hux ġustifikat li ssir tali investigazzjoni. Izda, ta' min wieħed jiftakar, li sa ftit gimgħat ilu, l-ishma u bonds tal-Grupp Parmalat kienu meqjusa internazzjonalment bħala investimenti tajbin ħafna. Apparti dan, jiena konvint illi l-Interpellant jinsab aġġornat bl-aħħar żviluppi barra minn Malta dwar Rating Agency partikolari in konnessjoni ma' dan l-istess każ.

Taxxi interni — Refund cheques ta' l-income tax

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm cheques tar-refunds ta' l-income tax datati 26 u 27 ta' Diċembru, 2003 li ġew mibgħuta bil-posta fis-sena l-ġdida biex itaffu xi ftit il-problemi ta' cash flow tal-gvern? X'kien l-ammont totali nvolut? Jikkonferma l-Ministru li meta nies li għadhom qed jistennew refunds ċemplu lid-dipartiment, qalulhom li ċ-ċekkijiet bid-data ta' Diċembru mhumiex se jaslulhom qabel id-29 ta' Jannar, 2004? Kemm jikkalkula li se jkollu jħallas interessi l-gvern lil dawn it-taxpayers minħabba dan id-dewmien deliberat?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq infakkar li fl-1999 il-Gvern kien intrabat li jħallas ir-refunds taħt is-sistema l-ġdida tas-Self Assessment fi żmien sitt xhur mid-data li trid tintbagħat il-formola tat-taxxa. Taħt din is-sistema mill-1999 sal-aħħar tas-sena 2003, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ħallas total ta’ aktar minn Lm34 miljun f’refunds lil 105,991 individwi u kumpaniji fiż-żmien stipulat bil-liġi. Il-proċess għall-ħlas tar-refunds għall-2003 kien inbeda biex jitħallsu skond kif titlob il-liġi, pero’ dan ma kienx finalizzat minħabba l-ħtieġa urġenti ta’ xi stħarriġ u verifiki oħra li kellhom isiru. L-ammont totali ta’ refunds li kienu diġa’ ġew ipproċessati iżda li tħallsu f’Jannar kien ilaħħaq Lm 911,118 lil 4,020 individwu. L-impatt finali dwar x’interessi finalment jistgħu jitħallsu jkun magħruf meta l-istħarriġ u l-verifiki l-oħra jintemmu. Dwar x’ingħad lin-nies meta ċemplu lid-dipartiment, jidher li l-Onorevoli Membru huwa iżjed infurmat minni dwar x’intqal minn xi impjegati tad-dipartiment.
Leg 10 PQ #3938 Sitting 92 2004-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Lingwa Taljana

Question

Jisa' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni ta' l-awtoritajiet Maltin għas-suġġeriment tal-president Taljan li għandna nikkonsidraw biex naddottaw il-lingwa Taljana bħala t-tielet lingwa nazzjonali u uffiċjali ta' pajjiżna?

Response (BORG, JOE)

Nifhem li l-President Taljan għamel ir-rimarki tiegħu biex jenfasiżża hu wkoll il-viċinanza kulturali taż-żewġ popli u għalhekk ħadd m'għandu ħsieb li Malta jkollha xi lingwa uffiċċjali oħra.
Leg 10 PQ #3939 Sitting 92 2004-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Regolamenti dwar "no smoking"

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi tħejjijiet saru bħala parti minn programm edukattiv ta' tħejjija sabiex l-istabbilimenti kollha jaddottaw mingħajr xkiel ir-regolamenti dwar "no smoking" li se jiġu fis-seħħ f'anqas minn tliet xhur oħra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa nieda bosta kampanji biex jeduka lill-pubbliku dwar il-periklu li jikkawża t-tipjip passiv. Sa mill-1993, tħejjew kampanji edukattivi dwar kif it-tipjip passiv jikkawża l-kanċer. Id-Dipartiment dejjem offra għajnuna għal kull min ried iġib fis-seħħ l-iSmoke Free Policy fl-istabbilimenti, anke qabel ma ħarġet il-liġi dwar it-tipjip fil-postijiet pubbliċi. Id-Dipartiment iltaqa' mal-MHRA biex jiddiskuti din il-liġi. Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa nieda ktejjeb ta' informazzjoni li jipprovdi dak li hemm miktub fl-avviż legali 244 ta' l-2003, fi kliem adattat għall-pubbliku. Dan ser jitqassam ma' Malta u Għawdex. Dan il-ktejjeb huwa mingħajr ħlas u qed jiġi reklamat fil-media bħal gazzetti u revisti.
Leg 10 PQ #3940 Sitting 92 2004-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Re-skilling/re-training ta' ħaddiema

Question

Il-gvern għandu pjan komprensiv mifrux fuq medda ta' żmien għar-re-skilling u re-training ta' dawk il-ħaddiema li tilfu u/jew li mistennija jitilfu l-impjieg fil-ġejjieni qarib?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li, minbarra il-ħidma li qed iwettqu l-MCAST, l-Universita' u id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ permezz ta' l-Intervention Unit tagħha, malli jkollha tagħrif li xi impjegati ser jispiċċaw bla impjieg hija mill-ewwel tinforma lill-impjegati ikkonċernati bil-lista tal-korsijiet li toffri l-Korporazzjoni. Sadanittant, dawk li japplikaw għal xi kors waqt li jkunu għadhom fuq in-notice jingħataw prijorita' u jiġu eżentati mill-ħlas fejn applikabbli. Minn naħa l-oħra l-Korporazzjoni dejjem tara li l-korsijiet li toffri huma skond id-domanda tas-suq tax-xogħol. Il-Korporazzjoni qiegħdha ukoll f'kuntatti mal-Malta Enterprise biex tkun mgħarrfa x'inhi id-domanda u b'hekk tieħu ħsieb li tħarreġ in-nies f'dik il-linja.

Laħam taċ-ċanga — Tariffi/kwoti

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm huma l-high quality beef tariff /quotes allokati għas-sena d-dieħla għall-pajjiżi mhux membri ta' l-UE, pajjiż pajjiż, separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija nru. 3480, Seduta nru. 88.

Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' il-Ministru ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar l-istat tas-safety conditions li jinsabu fih il-faċilitajiet sportivi u bini ieħor li jintuża għal attivitajiet sportivi u kulturali tal-poplu tal-gżejjer tagħna? Jista' jinformani dwar iċ-ċifra ta' flus rikjesta sabiex ikun assigurat li titjieb is-safety f'dawn il-postijiet pubbliċi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ma nafx għal-liema rapport qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Membru għax ma hemm l-ebda rapport konsolidat li jindirizza l-faċilitajiet kollha kulturali u sportivi li jintużaw mill-pubbliku. Kull entita’ għandha r-responsabbilita’ tagħha u fost dawn hija tara li dawn il-faċilitajiet ikollhom il-miżuri ta’ sigurta’ assigurati. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella fejn turi x-xogħol li qiegħed isir minn diversi entitajiet kulturali u sportivi biex jitjiebu l-faċilitajiet eżistenti.

Qmuħ u ċereali — Importazzjoni

Question

Jikkonsidra l-Ministru li fid-dawl tal-bidliet li se jsiru f'dak li jirrigwarda l-importazzjoni tal-qmuħ u ċerali wara April tas-sena 2004, iwaqqaf bord konsultattiv peress li pajjiżna qatt ma kellu l-esperjenza li jkun biss jixtri dawn is-sorsi kontra dazji u tariffi ġodda li se jdaħħal il-gvern meta l-importazzjoni ssir mis-swieq internazzjonali?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm m’hemmx il-ħsieb li jitwaqqaf xi bord speċjali konsultattiv fuq dan is-suġġett, il-Gvern jibqa' kommess li jagħmel il-konsultazzjoni li tista' tkun meħtieġa minn żmien għal żmien.

Prodotti ta' l-ikel — Sussidju

Question

B'riferenza għas-Lm7 miljun li l-Gvern ivvota fil-Budget sabiex jissussidja l-prezzijiet għoljin tal-prodotti ta' l-ikel li se jogħlew wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom se jmorru biex jissussidjaw il-61,000 tunnellata ta' "barley, excluding barley seeds " skond " Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products"? Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-valur globali li se joħroġ il-Gvern Malti u kemm hu l-valur globali li se toħroġ l-EU sabiex ikun issussidjat il-prezz għoli ta' dan il-prodott ?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3477, Seduta 87

Prodotti ta' l-ikel — Kwoti

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3241 u cioe' dik il-parti tal-mistoqsija li l-Ministru tal-Finanzi rriferini biex nagħmilha lilek?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija nru. 3480, Seduta nru. 88.