Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li f'Novembru 2002 il-qatla tal-majjal kienet fil-livell ta' 981,693 kilos u f'Novembru ta' din is-sena laħqet biss 736,581 kilos?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nuqqas fil-piż tal-qatla għax-xagħar ta’ Novembru 2003 kien inqas minn Novembru 2002 minħabba li fis-sajf li għadda kien hemm iżjed mortalita’ mis-soltu minħabba is-sħana qawwija li ħakmet lil Malta. Kif jaf l-Onor. Membru l-piż ivarja minn perjodu għall-ieħor.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 3349 u 1721, jista' il-Ministru jaġġornani dwar l-iżviluppi ta' kwestjoni fid-dawl tal-laqgħat li Pascal Lamy kellu ma' G20 dwar il-kontrolli tal-kwoti, dazji u tariffi ta' l-Unjoni Ewropea fuq il-prodotti tal-biedja?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Group of 20 għadhom għaddejjin. Ovvjament, nisperaw li nkunu nistgħu nirrappurtaw żviluppi b'mod iktar konkret fil-futur qarib.
Jista' il-Ministru jinformani bil-mard rari li ġie rreġistrat fl-isptarijiet tal-gvern u fl-isptarijiet tal-privat matul din is-sena? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002, rispettivament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li m'hemmx reġistru nazzjonali ta' mard rari.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 3358 dwar il-produzzjoni ta' bajd frisk, jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkolat l-investiment li jrid isir f'din l-industrija qabel u wara Mejju li ġej?
X'investiment sar s'issa f'dan i-rigward?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba tiegħu tirreferi għas-settur privat, u għaldaqstant il-livell ta’ investiment jiddependi mill-individwi. Ta min isemmi li l-Ministeru qed igħin permezz ta’ l-iSpecial Markets Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA). Fil-fatt, fl-2003 il-Ministeru għen lil dan is-settur billi tah għajnuna ta’ Lm 884,775.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-prodotti li ma nipproduċux lokalment u jekk hux se jkollhom protezzjoni ta' kwota meta jiġu impurtati wara April tas-sena d-dieħla?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant japprezza li l-prodotti li ma nipproduċux lokalment huma estensivi ħafna f'termini ta HS codes. Għaldaqstant, anke fil-kuntest tal-fatt li t-TARIC tispeċifika jekk prodott partikolari hux suġġett għal xi forma ta' kwota, l-Onorevoli Interpellant jista' jirreferi għall-web site tal-Kummissjoni li tipprovdi aċċess għat-TARIC, liema ndirizz elettroniku diġa kellna l-opportunita nispeċifikawh f'risposti riċenti li tajna.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru f'April/Mejju li ġej? Kemm huma subien u kemm huma bniet? Kemm huma minn skejjel statali, dawk indipendenti u tal-Knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3809.
B'riferenza għall-eżamijiet tas-SEC u MATSEC li jmiss separatament, jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li applikaw biex jiġu eżantati mill-ħlas ta' l-eżami? Kemm ġew aċċettati? X'kienu r-raġunijiet prinċipali?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3809.
Jista' il-Ministru jgħid għall-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC li jmiss separatament, kemm-il student talbu għal ħin żejjed waqt l-eżamijiet? Għal liema raġunijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 94 talba għal ħin żejjed fl-eżamijiet tal-MATSEC imqassmin hekk :
Eżamijiet tas-SEC 86 talba
Eżamijiet taċ-Ċertifikat tal-Matrikola 8 talbiet
Ir-raġunijiet għal dawn it-talbiet kienu minħabba dyslexia, epilessija, nuqqas ta' smigħ, nuqqas ta' dawl, ADD/ADHD, celebral palsy u difetti fiżiċi li jaffettwaw il-kitba.
Dawn it-talbiet flimkien ma' 26 talba oħra għal arranġamenti speċjali fl-eżamijiet tal-MATSEC issa ser jidhru quddiem il-Bord ta' l-Universita' li jiddeċiedi fuq talbiet minn kandidati bi bżonnijiet speċjali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2336, jista' il-Ministru jgħid kemm minn dawn l-iskejjel jibqgħu miftuħin is-sena kolha u liema huma dawk li jagħlqu matul ix-xitwa? Għalkemm għandhom liċenzja, dawn kollha fil-fatt joperaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tletin mill-iskejjel elenkati fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 2336, jibqgħu miftuħin is-sena kollha. Ħames skejjel jagħlqu matul ix-xitwa. Għalkemm id-disgħa u tletin skola li semmejt fit-tweġiba imsemmija għandhom liċenzja, dawn jinkludu erba' skejjel li fil-fatt għadhom ma bdewx joperaw.
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm priġunieri residenti fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom huma ta' nazzjonalita' barranija? Mit-total, kemm huma nisa u kemm minn dawn huma barranin? Jista' jgħid kemm mit-total huma sentenzjati u kemm hemm li qegħdin jistennew proċess ġudizzjarju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fid-19 ta` Jannar 2004 il-popolazzjoni tal-ħabs kienet mitejn u ħamsa u sittin (265).
Dawn huma mqassma kif ġej:-
Total
Irġiel
Nisa
Taħt arrest preventiv
Sentenzjati
Maltin
173
166
7
32
141
Barranin
92
82
10
32
60
Jista' il-Ministru jgħid fl-2003 kemm intnefaq fuq fuel biex tiġi msaħħna l-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq? Kemm tħallas s'issa lid-distributur u min hu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fl-2003 intefqu Lm 37,745 fuq fuel biex tiġi msaħħna l-Pixxina. Minn dawn tħallsu Lm 33,275. Id-distributur huwa is-Sur Mark Cassar.
Jista' il-Ministru jagħmel pjan ta' kif matul is-sena 2004 se jagħmel it-toroq ta' dawk ir-residenti li ilhom għal aktar minn ħames snin residenti fihom, liema toroq għadhom fl-istat primittiv ta' tajn u ġrieden?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tħejji programm għal xogħol f'toroq madwar il-pajjiż kollu u x-xogħol fihom isir skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat. Hu mistenni li matul is-snin li ġejjin parti sew mit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ikunu saru, bħalma saru mijiet ta' toroq oħra matul il-ħames snin li għaddew.
Dipartiment ta' l-artijiet — Każ dwar twaqqigħ ta' bini
Question
Jista' il-Ministru jgħid xi dritt għandu sid li jrid iwaqqa' blokk ta' bini li l-indirizz tiegħu qed jintbagħat separatament,iżur lill-ġirien anzjani u jgħidilhom li meta jiġi biex iwaqqa' biex ma jkunux fil-periklu għandhom joħorġu mid-dar u jmorru x-Xatt ta' Tas-Sliema sakemm iwaqqa' dan il-bini? X'obbligu għandu s-sid lejn dawn il-ġirien biex la jpoġġihom fil-periklu u lanqas jitfagħhom barra t-triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha rapport fil-15 ta` Jannar 2004 minn persuna li toqgħod f`dar adjaċenti mal-bini imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, li wera l-biża` li d-dar tiegħu tista` ġġarrab xi ħsara waqt it-twaqqigħ u talab lill-Pulizija sabiex tinforma lis-sid sabiex jipprovdilu residenza alternattiva. Peress illi din hija materja ta` natura ċivili, huwa intalab li jieħu parir mingħand konsulent legali.
Area secondary schools — Tfassil ta' kurrikulu u sillabi
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mit-tfassil ta' kurrikulu u sillabi apposta għall-area secondary schools biex kemm jista' ikun tingħata edukazzjoni addattata f'dawk l-iskejjel biex insalvaw adoloxxenti li jattendu f'dawk l-iskejjel u li bħalissa ħafna minnhom qed joħorġu mingħajr il-kwalifiki u l-ħiliet meħtieġa għax-xogħol u s-soċjeta' tas-seklu 21, skond kif jgħid rapport imħejji fil-focus group fuq secondary education?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-rapport li irrefera għalih l-Onor. Membru għandu jingħata lin-National Curriculum Council fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal it-tfassil tas-sillabu tat-technology education għall-iskejjel primarji u sekondarji?
Response (GALEA, LOUIS)
Issa li ġie maħtur Education Officer fid-Design and Technology fi ħdan id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni tlesta s-syllabus tal-Form I u Form 2 li fil-preżent qed jiġi evalwat f'sit skejjel sekondarji. Din is-sena se jsir xogħol fuq il-kumplament tas-syllabus sal Form 5 biex jiġi evalwat fis-snin li ġejjin.
Għas-settur primarju, tlesta abbozz tas-sillabu tat-teknoloġija u qiegħed fil-proċess ta' evalwazzjoni. Din l-evalwazzjoni ssir ma' l-għalliema kollha tas-settur. Partijiet mis-sillabu tal-Year 1, 4 u 5 ġew evalwati kif ukoll is-sillabu kollu tal-Years 2 u 3. Bħalissa qed tinġabar l-evidenza biex jiġi evalwat is-sillabu kollu tax-xjenza u tat-teknoloġija tal-Year 4.
Bħalissa għaddejjin taħdidiet mal-MATSEC biex id-Design and Technology jiġi offrut bħala wieħed mill-eżamijiet tas-SEC.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema sitwazzjoni se titħalla Triq l-Imdina fin-Naxxar meta din it-triq tinsab litteralment f'sitwazzjoni diżastruża, fejn jidher li t-tkissir tat-triq żdied minn xi xhur 'il hawn? Jidhirlu li din it-triq prinċipali għandha tiġi rranġata mill-aktar fis possibbli biex tibda tintuża mir-residenti li ilhom imċaħħdin mill-użu sew tagħha issa għal xhur sħaħ?
Malta ingħaqdet mal-EU BAN fuq l-importazzjoni ta' poultry products mis-South Korea, il-Ġappun, il-Vietnam u t-Tajlandja minħabba li ġew skoperti każi ta' bird flu fin-nies ġewwa t-Tajlandja?
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar l-inċidenza qawwija ta' influwenza li kien hemm din is-sena? Kif jipparagunaha ma' dik ta' snin oħra u għaliex il-firxa kienet wiesgħa minkejja li ħafna nies kienu ħadu l-vaccine meħtieġa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika waqqaf Influenza Surveillance Scheme fi Frar 2003. Din l-iskema tiġbor statistika dwar numru ta' każijiet ta' influwenza li kkonsultaw tabib. L-inċidenza ta' l-influwenza fil-bidu ta' Frar 2003 kienet ta' 179.5 persuna kull 1000 persuna li kkonsultaw tabib filwaqt li l-ogħla inċidenza dan l-istaġun kienet fl-ewwel ġimgħa ta' Jannar fejn laħqet 137.1 persuna kull 1000 persuna li kkonsultaw tabib. Għalhekk m'huwiex minnu li l-inċidenza kienet iżjed qawwija minn tas-sena l-oħra.
It-tilqima li ntużat kienet dik rakkomandata mid-WHO għas-sena 2003.
Mużew nazzjonali ta' l-arti — Pittura u antikitajiet mislufa lil ambaxxati Maltin
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamenti 3765, kif jispjega l-fatt il-Ministru li filwaqt li hu qal li ebda opra minn dawk mislufa lill-ambaxxati barranin ta' pajjiżna ma ġiet irrappurtata li għebet, fl-istess nifs nhar id-19.01.04 żid jgħid li dan jgħodd ħlief għal waħda li qiegħda tiġi nvestigata? Jista' jgħid jekk din il-pittura hux suppost li qegħda fl-ambaxxata ta' Parigi jew ta' Strasbourg? Kemm ilha li bdiet l-investigazzjoni u minn xiex ġiet instigata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari numru 3765 hija bbażata fuq informazzjoni aġġornata dwar l-inventarju li jintbagħat kull sena mill-ambaxxati barranin ta' pajjiżna.
Din l-informazzjoni tindika li din l-opra tinsab fir-residenza uffiċċjali tal-Ambaxxatur Malti ġewwa Pariġi.
L-investigazzjoni ssejħet fuq indikazzjoni ta' ittra anonima.
Billi l-Ministru ċaħad li l-ambaxxatur ta' Tuneż jista' ikun responsabbli għall-organizzazzjoni tas-summit tal-commonwealth, iċ-CHOGM, jista' jikkonferma jekk din l-istess persuna għamlitx talba simili f'dan ir-rigward lill-ministeru tiegħu?
Response (BORG, JOE)
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru informani illi huwa ma rċieva ebda talba mingħand l-Ambaxxatur Malti f'Tuneż sabiex ikun involut fl-organiżżazzjoni tal-Konferenza tal-Commonwealth, iċ-CHOGM, is-sena d-dieħla f'Malta.
Ma neskludix pero' il-possibilita' li l-istesss Ambaxxatur seta esprima x-xewqa li jkun involut fl-organiżżazzjoni ta' din il-Konferenza.