Legislature:
Category:
Reset
Active:

Car park — Xatt tas-Sliema

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani jekk il-car park fix-xatt tas-Sliema hux se joħroġ bl-offerta u jekk fl-affermattiv meta? Il-car park attendants li hemm fil-post għandhom preferenza? L-offerta se toħroġ mill-Kunsill Lokali jew mill-Gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali Tas-Sliema wera x-xewqa li jkollu 3 postijiet għall-pparkeġġjar tal-vetturi (fosthom dak tax-Xatt) taħt l-iskema u l-proċedura ta` devoluzzjoni. Dawn qegħdin fl-istadji inizjali għalhekk huwa pre-matur sabiex jikkonsidra l-bqija tal-punti tad-domanda.
Leg 10 PQ #3952 Sitting 95 2004-01-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Courses għal fitters u pipe workers

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk l-ETC għadhiex torganizza courses għall-fitters jew pipe workers għall-ħaddiema li jkunu jaħdmu mal-korporazzjoni għas-servizzi ta’ l-ilma jew mad-dipartiment tad-drenaġġ? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jsir course ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qatt ma ġiet mitluba torganizza courses għall-fitters jew pipe workers għall-ħaddiema li jkunu jaħdmu mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma jew mad-Dipartiment tad-Drenaġġ. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ lesta li tikkonsidra kull proposta ta' taħriġ għall-ħaddiema.
Leg 10 PQ #3953 Sitting 95 2004-01-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Persuni 'il fuq minn 40 sena li qed ifittxu x-xogħol

Question

Jista’ il-Ministru ġentilment jgħid jekk l-ETC hijiex qed taħdem fuq xi skema biex tħarreġ u tgħin jinstab impieg lil dawk li għandhom aktar minn 40 sena u qed ifittxu x-xogħol? Fi skema bħal din, se nieħdu xi għajnuna mill-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawk li qed jirreġistraw u huma 'l fuq minn 40 sena diġa' jistgħu jipparteċipaw fl-iskemi kollha ta' xogħol u taħriġ ta' l-ETC. Diġa' twettqet l-ewwel fażi ta' l-iskema TEES - Training & Employment Exposure Scheme maħsuba għal dawk ta' aktar minn 40 sena jew li jkunu ilhom aktar minn sena jirreġistraw. Fit-tifsil tal-pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Impjiegi hu maħsub azzjoni partikolari għal dan il-grupp b'għajnuna ukoll mill-Fond Soċjali Ewropew.

Fabbriki

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3689 u cioe' jgħid kemm-il fabbrika temmet l-operazzjonijiet tagħha minn pajjiżna tul is-sena 2003? Kemm kienet timpjega nies kull waħda minnhom?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3689, Seduta 91.

Borża ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid il-Borża ta' Malta kemm irreġistrat xogħol fl-2003 u jagħti dettalji? Jidhirlux il-Ministru li dan il-livell ta' ativita' huwa wieħed allarmanti u jgħid x'beħsiebu jagħmel biex jerġa jagħti stimolu lill-Borża ta' Malta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li it-tabella hawn mehmuża wieħed jista' jasal għal dawn il-konklużjonijiet: i) filwaqt li kien hemm tnaqqis ta’ ftit aktar minn Lm5 miljun fin-negozju ta’ l-ishma, kien hemm fl-istess żmien żieda ta' kważi Lm3.4 miljun fi transazzjonijiet fil-Bonds kemm tal-Gvern kif ukoll ta' kumpaniji privati. Dan is-sentiment favur investimenti bir-rata ta’ interess fiss ikompli mis-sena ta’ qabel. ii) Minkejja tnaqqis fil-volum totali ta’ negozju ta’ 2.2% jidher minn-numru totali ta’ transazzjonijiet li l-interess fin-negozju żdid tant li kien hemm żieda ta’ 20% minn 7774 transazzjoni fl-2002 għal 9303 fl-2003. iii) Ix-xejra pożittiva fl-andament ta’ l-indiċi tal-prezzijiet sostniet matul is-sena kollha b’zieda totali ta’13.6% fuq kif għalqu l-prezzijiet fl-2002. Madankollu wieħed jista' jgħid li ma kienx hemm l-ammont ta’ kwotazzjonijiet ġodda fuq il-Borża li wieħed jixtieq, b’ħames instrumenti ġodda biss jiġu kkwotati fl-2003. Waħda mir-raġunijiet possibbli għal dan hi li fi klima monetarja ta’ rati baxxi ta’ interess u likwidita għolja, kumpaniji qed jersqu aktar lejn il-banek milli lejn il-Borża għal bżonnijiet tagħhom ta’ kapital ġdid. Fost proġetti ippjanati jew kurrenti biex jitjieb in-negozju fuq il-Borża wieħed jista jsemmi: i) Tisħiħ fil-qafas regolatorju. ii) Titjib fis-sistemi biex jkun jista' jsir negozju għal ħin itwal, f’instrumenti u swieq ġodda u b’mod aktar mifrux. iii) Tibdil fir-regolamenti u proċeduri ta’ Clearing & Settlement biex jiġu konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali. iv) Programm ta’ edukazzjoni għal pubbliku fuq l-operat tal-Borża. v) Proġetti ta’ kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-swieq kapitali biex jinfetaħ is-suq Malti għall-investituri barranin.

ITC irreġistrati f'Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ITCs reġistrati f'Malta mal-MFSA fl-2002 u 2003? Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nominee companies fl-2002 u 2003 u kemm kumpanija ġew struck off mir-reġistru?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi : (a) Ġew reġistrati 526 ITC's fl-2002, u 839 fl-2003 (b) Fl-aħħar tal-2002, kien hemm115 kumpanniji awtorizzati jaħdmu bħala nominees, fil-waqt li fl-aħħar tal-2003, kien hemm 119. (c) Matul l-2002, ġew struck off 225 kumpanniji, u matul l-2003, ġew struck off 309.

Qorti ta' l-Awdituri — Brussel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern ippreżentax in-nomina tiegħu għal dak li kien jissejjaħ il-Qorti tal-Awdituri ġewwa Brussel? Jista' il-Ministru jgħid min hi l-persuna indikata?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern jiddeċiedi fuq din in-nomina u jippreżentaha meta jkun il-waqt.

Uffiċċju Konġunt

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' postijiet li nfdew fl-iskema ta' l-2001, mill-Uffiċċju konġunt bejn l-1 ta' Jannar 2003 u it-12 ta' Aprtil 2003? Min kienu l-persuni kkonċernati u x'kienu l-indirizzi tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-postijiet li nfdew bl-iskema tal-2001 mill-Uffiċċju Konġunt bejn l-1 ta` Jannar 2003 u t-12 t`April 2003 jammontaw għal 65 proprjeta`. Ma jidhirlix li għandi nagħti informazzjoni dwar min kienu dawn il-persuni li użaw dawn l-iskemi.

Uffiċċju Konġunt

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-data u informazzjoni oħra li għandu l-Uffiċċju Konġunt humiex updated jew le?

Response (BORG, TONIO)

Wieħed mill-għanijiet li għalihom twaqqaf l-Uffiċċju Konġunt huwa biex jivverifika d-data u l-informazzjoni kollha dwar il-proprjetajiet li l-Entijiet Ekklesjastiċi ttrasferew lill-Gvern. Dan il-proċess ta` verifika huwa wieħed kontinwu peress li l-Annessi (listi ta` proprjeta`) li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra tal-ftehim magħmul bejn is-Santa Sede u Malta jeħtieġu eluf ta` korrezzjonijiet, li jikkonsistu wkoll f`żidiet jew tnaqqis fil-listi. Wara li jiġu approvati minn Kumitat ta` Kontroll kif provdut f`Sezzjoni 4 (2) ta` Cap. 358, kopja ta` dawn il-korrezzjonijiet jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kull tlett xhur.

Overtime — Uffiċċju Konġunt

Question

Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterju qed jingħata l-overtime fl-ufiċċju konġunt? Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-persuni li jaħdmu fl-Uffiċċju Konġunt li bbenefikaw mill-overtime? Kermm kienu l-ammonti li ngħataw? Min kienu l-persuni / skrivani li ma bbenefikawx mill-istess overtime?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-overtime fl-Uffiċċju Konġunt ġie awtorizzat u jingħata a bażi tal-esiġenzi, tal-urġenza u prioritajiet tax-xogħol, dejjem fil-limiti ta` fondi ivvutati għal dan l-iskop għad-Dipartimenti li jaqgħu taħt it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.

Uffiċċju Konġunt

Question

Jista' il-Ministru jgħid għar-rigward l-iskemi ta' l-1996, 1998 u 2001 kemm baqa' applikazzjonijiet sabiex jiġu pproċessati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-qagħda tal-applikazzjonijiet sottomessi taħt l-iskema tas-snin 1996, 1998 u 2001 hija kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Miżżewġin Maltin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' persuni ta' nazzjonalita' barranija li huma miżżweġin Maltin u li għandhom passaport Malti?

Response (BORG, TONIO)

In-numru ta` persuni barranin miżżewġin Maltin u li mill-1964 sa llum akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija ( u allura seta` jkollhom passaport Malti) huwa 4,377. Din il-figura li tkopri l-aħħar 38 sena tinkludi dawk li mietu wara li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija; jista` jkun ukoll li wħud ma applikawx għall-passaport Malti.

Kuntratt għat-tindif fit-tarzna

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi kuntratt għat-tindif fit-tarzna? Jekk iva, ma min, kemm qed jiswa u meta sar?

Response (GATT, AUSTIN)

It-Tarzna għandha arranġamenti temporanji, wara sejħa għall-offerti, ma kumpanija tat-tindif biex isir ċertu tindif. Dan l-arranġament jintemm malli jsir ftehim mal-MIMCOL biex it-tindif fit-Tarzna jsir minn ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-MIMCOL.

Uffiċjali tal-Qorti

Question

Jidhirlux il-Minstru li x-xogħol ta' medjatur, u kwindi uffiċjali tal-Qorti, hu inkompatibbli max-xogħol ta' Nutar Pubbliku, li huwa meqjus bħala uffiċjali pubbliku u dan mil-aspett etiku tal-professjoni notarili? Jafx il-Ministru li hemm persuna indikata fl-elenku tal-medjaturi approvati mill-Gvern li għaddiet proċedutri kriminali serji quddiem il-Qrati? Jista' jgħid il-Ministru x'kien l-eżitu ta' dawn il-miżuri?

Response (BORG, TONIO)

Rigward l-ewwel parti tad-domanda il-medjaturi m`humiex uffiċjali pubbliċi iżda esperti nominati mill-Qorti u għalhekk ma hemmx kwistjoni fuq dan. Rigward it-tieni parti tad-domanda jista` l-Onor. Membru jkun aktar speċifiku u jindika liema mill-erba` u tletin (34) medjatur qiegħed jirreferi għalih.

Maltapost — Postal Delivery Sorting System

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3875 u cioe' jgħid kemm qamet il-postal delivery sorting system li xtrat il-Maltapost? Jista' jgħid mnejn inxtrat? Jista' jgħid jekk saritx sejħa għall-offerti? Min tefa' l-offerta? Kif intgħażlet u min għażilha?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi l-"management" tal-Maltapost f'April 2002 talbu kwotazzjonijiet mingħand Northport Manufacturing Corporation (USA/Canada), PVI Industries (Svezja) u Transend (New Zealand). Waqt li ta' l-ewwel ma ssotomettewx "bid", l-offerta tat-tieni kumpannija kienet ogħla minn dik tat-Transend u għalhekk ġiet magħżula dik l-offerta bil-prezz ta' LM21,233. Jien infurmat ukoll illi wara li l-"management" sab illi bl-użu tas-sistema l-ġdida kien qed jiffranka fuq is-"sorting time" f'Awissu/Settembru 2002 reġa talab kwotazzjoni oħra miz-zewġ kumpanniji għal aktar components tas-sistema u dik tal-kumpannija svediza kienet ogħla b'euro 315,000. Jien infurmat ukoll illi sar xi xogħol lokalment fuq din is-sistema għall-prezz ta' LM18,500 mingħand Bona Garage.

Aġenzija tal-kontroll tal-fruntieri

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3874 u cioe' jgħid x'passi ħa l-gvern s'issa biex l-aġenzija tal-kontroll tal-fruntieri u li se tibda taħdem sena oħra tiġi stabbilita f'Malta peress li pajjiżi oħra, fosthom il-Polonja, diġa' bdew il-pressjoni tagħhom mal-Presidenza Irlandiża biex jieħdu huma din l-aġenzija?

Response (BORG, JOE)

M'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt lill-Onorevoli Membru għall-Mistoqsija Parlamentari 3874 fis-seduta tas-26 ta' Jannar 2004, ġaladarba il-Mistoqsija tirrigwarda materja li hija tal-Ministeru ta' l-Intern.

Trasferiment ta' ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-uffiċċju tiegħu milli jawtorizza f'dipartimenti differenti tal-gvern it-trasferimenti tal-ħaddiema tal-MDC, METCO u IPSE li ma ntgħażlux mal-Malta Enterprise u qed jitħallew f'kamra ma' jagħmlu xejn?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema li ma ntgħażlux mill-Malta Enterprise ser jinstabilhom xogħol alternattiv. Preżentament, il-ħaddiema li ma ntgħazlux tqassmu fi gruppi u qegħdin jattendu diversi korsijiet fil- kompjuter; u personal development.

Triq il-Modd — Ta' l-Ibraġġ - Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani jekk Triq il-Modd, f'Ta' l-Ibraġ tistax issir it-tarmac? Jekk fl-affermattiv jista' jgħidli meta din tkun tista ssir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt lill-Awtorita' dwar it-Trasport tinvestiga t-talba ta' l-Onor. Interpellant.

Team nazzjonali ta' l-għum — Coach

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-team nazzjonali ta' l-għum għandhomx coach?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-A.S.A. qed tistenna biex jiġu kkonfermati għajnuniet finanzjarji minn diversi entitajiet biex tkun f'pożizzjoni li tinnegozja u tingaġġa coach nazzjonali għall-għawm. Sadanittant l-għawwiema qed jitħarrġu minn Gayle Rizzo, il-coach nazzjonali taż-żgħażagħ.
Leg 10 PQ #3970 Sitting 95 2004-01-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Tiswija ta' ħajt — Ċimiterju tal-Mellieħa

Question

X'passi se jittieħdu biex urġentament jissewwa ħajt tal-ġenb fiċ-ċimiterju tal-Mellieħa peress li jinsab fil-periklu li jaqa' u jekk iċedi jiġbed miegħu u jiftaħ l-oqbra ta' dik in-naħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li spezzjoni fis-sit indikat diġa' saret mill-uffiċjal tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika inkarigat miċ-Ċimiterji tal-Gvern u hemm arranġamenti għaddejjin mal-perit sabiex jiġu deskritti x-xogħlijiet neċessarji għall-manutenzjoni meħtieġa. Hekk kif jiġu mħejjija l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati w jinġabru stimi neċessarji, ix-xogħol fuq dan il-ħajt ikun jista' jinbena.