Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #3834 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti li ħarġu qabel l-eta' ta' 16-il sena

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kemm kien hemm talbiet minn studenti biex jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16-il sena? Kemm kien subien u kemm bniet u kemm kienu mill-iskejjel ta' l-Istat, mill-iskejjel tal-Knisja u mill-iskejjel indipendenti? X' kienu r-raġunijiet prinċipali għal dawn it-talbiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li in-numru ta' studenti li talbu biex jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16-il sena fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika hu kif jidher hawn taħt: Sena Skolastika Skejjel ta' l-Istat Skejjel tal-Knisja Skejjel Indipendenti 2003 - 2004 L-Ewwel Term Subien 18 1 NIL Bniet 15 1 NIL Ir-raġuni prinċipali għal dawn it-talbiet hi is-sejbien ta' impieg. F'każijiet rari jkun hemm talbiet għal raġunijiet umanitarji.
Leg 10 PQ #3988 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Primarja San Ġwann

Question

Xi rriżulta miż-żjara li perit għamel fis-sala tal-iskola primarja ta' San Ġwann? X'rakkomandazzjoni għamel dwar l-istat tal-bini?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li is-sitwazzjoni hi kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija numru 2459 u li iż-żjara imsemmija tal-Perit hi konnessa ma' tħejjijiet ta' xogħolijiet li jridu jsiru fl-iskejjel.
Leg 10 PQ #3991 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dipartiment ta' l-artijiet — Tiswija f'garaxx tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir it-tiswija neċessarja fil-garaxx li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament bir-ref no: 771/67?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ma rċeviet l-ebda talba dwar ħsarat fil-proprjeta` li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Nursery fl-area ta' Kordin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri min-nursery li hemm fl-area ta' Kordin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-mixtla ta’ Kordin ser tkompli tintuża biex jitkabbru siġar u arbuxelli indiġeni għall-użu fuq is-siti identifikati għall-parks u proġetti oħra ta’ afforestazzjoni.

Transazzjonijiet bl-internet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru transazzjonijiet bl-internet matul is-sena 2003 fuq: 1) B2B, 2) B2C, u 3) G2C?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena infurmat li sa issa għad ma nġabritx statistika dwar il-kummerċ elettroniku fis-sena 2003. Æalhekk iċ-ċifri preżentati huma għas-sena 2002, fejn 19.03% mill-bejgħ totali sar permezz ta' l-Internet. Minndan il-bejgħ 30.05% kien B2B u 31.37% kien B2C. Fl-2003 it-total ta' transazzjonijiet G2C kien ta' 413,527.

WSC — Rapport annwali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża sabiex ġie ppubblikat ir-rapport annwali tal-WSC li tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra f'dawn il-ġranet? Fejn ġie stampat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ir-rapport annwali ta' din is-sena ġie jiswa lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kif imsemmi hawn taħt - Disinn Lm 641.25 Pre-press Lm 814.76 Printing Lm1947.50 Il-prezzijiet imsemmija kollha jinkludu l-VAT fejn hu applikabli. Il-kumpanija li stampat ir-rapport hi Poulton's Print shop ta' Ħal-Qormi. Id-designer u l-printer kienu magħżula wara sejħa għall-offerti.

Toroq — Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid ta' min se tkun id-deċiżjoni dwar liema toroq jiġu re-surfaced f'dawk il-ħames lokalitajiet li ngħataw somma mill-gvern fuq perjodu ta' tliet snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-ftehim imsemmi mill-Onor. Interpellant, l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsilli Lokali stabilixxew flimkien it-toroq li huma prijorita fil-lokalita sabiex dawn isiru taħt dan il-ftehim. Fil-waqt li 15 il-kunsill ilhom mis-sena l-oħra li ffirmaw dan il-ftehim, fil-bidu ta' din is-sena kien hemm 5 kunsilli oħra li ssieħbu huma wkoll f'dan il-ftehim.
Leg 10 PQ #3996 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-aħħar figura tal-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol f'Malta u Għawdex, lokal b'lokal? Jista' jagħti l-preferenzi ta' l-unemployed għall-istess perjodu għal-lokalitajiet ta' Bormla, Birgu, Isla, Kalkara, Fgura u Xgħajra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li it-tagħrif uffiċċjali li jmiss jiġi pubblikat fi Frar 2004.
Leg 10 PQ #4030 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Xiri ta' mediċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa sena sena separatament bejn l-1997 u l-2003 għax-xiri tal-mediċini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nefqa u l-pagamenti mid-Dipartiment Farmaċewtiċi tal-Gvern għax-xiri ta' mediċini biss mill-1997 sal-2003 huwa kif ġej: SNIN NEFQA(Lm) PAGAMENTI(Lm) 1997 7,105,794 7,105,794 1998 7,093,192 6,862,489 1999 7,131,416 6,765,454 2000 8,893,495 8,570,179 2001 9,208,389 9,890,733 2002 11,178,582 9,030,619 2003 11,762,466 9,095,462

Air Malta — Xiri ta' ajruplani RJs

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu l-konklużjonijiet ġenerali ta' rapport ta' 46 paġna li sar mill-kumpannija Airclaims dwar ix-xiri tal-RJs mill-Air Malta? Fid-dawl ta' l-ilmenti kbar li hemm dwar is-servizz tal-posta mindu daħlet is-sussidjarja ta' New Zealand post - Transend - tmexxi l-Maltapost, x'deċiżjoni se jieħu l-gvern dwar jekk iġeddidx jew itemmx il-management contract ta' sentejn li wasal biex jagħlaq?

Response (GATT, AUSTIN)

L-informazzjoni mitluba dwar l-Air Malta hi ta' natura kummerċjali. Dwar il-kuntratt mat-Transend, il-Gvern iħabbar id-deċiżjoni tiegħu meta jkun il-waqt.

Kottonera — kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni/organizzazzjonijiet li qed jużaw regolarment il-kumpless sportiv tal-Kottonera? Liema huma dawn l-organizzazzjonijiet? F'liema lokalita' joqogħdu l-persuni li jużaw regolarment il-faċilitajiet ta' dan il-kumpless?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-għaqdiet li qed jagħmlu użu regolari mill-Kumpless Sportiv tal-Kottonera huma :- Association of Arms Collectors and Target Shooters; Blue Sea Angling Club; Challenger Fitness Centre; Federation of Sea Anglers; Komunita' Tiġi Saltnatek; Kunsill Malti għall-Isport; Malta Amateur Weightlifting Association; Malta Badminton Association; Malta Billiards Association; Malta Volleyball Association; Southern Windsurfing Club; St. Edward's College; Traditional Karate Federation of Malta. Saru id-diskussjonijiet mal-Liċeo tas-subien, Gużeppi Despott fejn kien offrut l-użu tas-sala prinċipali tal-kumpless għall-ħlas nominali ta' Lm1.00 kull siegħa. Id-diriġenti ta' din l-iskola ma wrewx interess li jieħdu din l-offerta. Inbdew diskussjonijiet ma' l-iskejjel primarji tal-Cottonera biex wieħed jara x'jista' jsir f'dan ir-rigward. Numru ieħor ta’ organizzazzjonijiet jagħmlu użu mill-kumpless għal attivitajiet partikolari. Appena jitlestew olterazzjonijiet strutturali temporanji, numru konsiderevoli ta’ għaqdiet oħra għandu jingħatalhom sede permanenti attrezzat għall-ħtiġijiet moderni biex jkunu jistgħu iwettqu l-operat tagħhom. L-amministrazzjoni tal-Kumpless ma żżommx informazzjoni fuq il-membri ta’ l-għaqdiet imsemmija hawn fuq. Wieħed jassumi li l-persuni li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet ġejjin minn ħafna lokalitajiet diversi.

Imġarr — Ħarsien tal-wirt storiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għal matul is-sena 2004 għall-ħarsien tal-wirt storiku fl-Imġarr, Malta u l-limiti tiegħu mill-istrutturi li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MDC/METCO/IPSE — Ħaddiema li ntbagħtu jaħdmu f'postijiet oħra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm s'issa impjegati tal-MDC, METCO u IPSE li ntbagħtu jagħdmu f'postijiet oħra mindu twaqqfet il-Malta Enterprise? Kemm għad fadal jintbagħtu? Minn dawk li ntbagħtu f'postijiet oħra, jirriżulta li kien hemm min sofra tnaqqis fil-paga u allura qed tinkiser il-wegħda li ngħatat li ma jkunx hemm tnaqqis fil-paga?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sitwazzjoni rigward ir-redeployment exercise ta’ l-impjegati ta’ l-MDC, METCO u IPSE hija kif ġej: 7 persuni qed jistennew biex jiġu redeployed appena joħroġ ir-riżultat ta’ l-interview 3 persuni ġew sekondati 2 persuni qegħdin fil-proċess biex jgħaddu board 59 persuni qed jistennew in-notifikazzjoni għal interview Fil-preżent dawk l-impjegati li ma’ ġewx magħżula qed jintbagħtu għal redoployment training programmes.

Kumpannija Parmalat

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li, bħall f'pajjiżi oħra, l-awtoritajiet finanzjarji Maltin jistqarru pubblikament x'użu sar mill-faċilitajiet Maltin tas-servizzi mill-kumpannija Parmalat jew kumpanniji b'xi mod jew ieħor marbutin magħha jew mas-sidien li kienu jmexxuha?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li wieħed għandu jifhem illi filwaqt li jirriżulta illi l-grupp Parmalat kellu xi soċjetajiet Maltin konnessi miegħu bħal ma kellu f'ħafna pajjiżi oħra, wieħed ma għandux jgħaġġel jagħmel xi ġudizzji jew jasal għal konklużjonijiet superfiċjali. Huwa prematur li wieħed jikkonsidra li joħrog pubblikament b'mod uffiċċjali dwar ħwejjeġ li għadhom qegħdin jiġu investigati minn diversi sorsi u awtoritajiet, anke ġudizzjarji, barranin. L-awtoritajiet Maltin jinsabu f'kooperazzjoni attiva u kontinwa ma' awtoritajiet oħra Maltin u barranin li għandhom interess jew li qed imexxu investigazzjonijiet f'dan il-każ, u mhux prudenti li jinħarġu stqarrijiet prematuri li jistgħu ixekklu dawnl-investigazzjonijiet.

Banek tal-lottu

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li joħroġ permessi ġodda għall-banek tal-lottu? Jekk iva, meta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent, il-gvern ma għandu l-ebda ħsieb li joħroġ permessi ġodda għall-banek tal-lottu.

Banek tal-lottu

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura biex wieħed japplika biex jinħarġu l-permessi għall-banka tal-lottu fl-eventwalita' li joħorġu permessi ġodda?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-eventwalita’ li joħorġu permessi ġodda għal xi banek tal-Lottu isir eżami għad-dħul ta’ Riċevitur tal-Lottu forma ta’ intervista kompetittiva mill-applikanti prospettivi.
Leg 10 PQ #4043 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dipartiment ta' l-artijiet — Esproprjazzjoni ta' triq

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3758 dwar il-parti tat-Triq Bieb is-Sultan f'Ħaż-Żabbar, jista' il-Ministru ġentilment jinformani fejn wasal il-proċess ta' esproprjazzjoni imsemmi f'din il-mistoqsija? Jista' jagħtini n-numru tar-riferenza ta' din l-esproprjazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` qiegħed fil-proċess li jiffinalizza l-pjanti neċessarji li jwasslu għall-esproprju ta` l-art in kwistjoni. Ir-riferenza tal-file tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern huwa L416/2003.

Żejtun — Triq il-Ħerba

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3757 u cioe' jista', permezz tad-dipartiment tat-toroq, jispjega għaliex Triq il-Ħerba, fiż-Żejtun f'dawn l-aħħar xhur inqalgħet biex jitħaffru trinek għad-dawl u wara reġgħet inqalgħet biex isiru trinek għall-ilma? Veru li din it-triq issa se terġa' tinqala' mill-ġdid biex isiru trinek oħra , aktarx tat-telefon? Kemm-il darba nqalgħet din it-triq f'din l-aħħar sena u min ħallas għal kull biċċa xogħol? Jista' ġentilment jirrispondi għal kull mistoqsija separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Korporazzjoni ta' l-Ilma għamlet diversi xogħlijiet fi Triq il-Ħerba u l-Isqaqin ta' madwara biex jinbidlu xi house services għad-djar, liema xogħol sar u kien iffinanzjat mill-istess Koporazzjoni ta'l-Ilma. Fil-preżent hemm applikazzjoni sabiex isir xogħol estensiv ta' tqegħid ta' cables ta' l-Enemalta f'bosta toroq fiż-Żejtun inkonnessjoni ma' titjib estensiv tas-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-eletriku fiż-Żejtun. Għal aktar dettal l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #4046 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Entitajiet pubbliċi — Dħul ta' fondi matul l-2003

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienuj jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament? Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma hemm l-ebda awtorità, regolatur jew entità pubblika taħt d-dekasteru tiegħi li għaliha tapplika din il-Mistoqsija.

Entitajiet pubbliċi — Dħul ta' fondi matul l-2003

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienuj jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament? Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u Tweġiba ser tingħata f’xi Seduta oħra.